EUSF_WavingFlags

Inxejru l-Bnadar

It-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija (Lq 1, 26-38)

Id-domma tal-Immakulata fi kliem sempliċi tgħid li Marija sa mill-ewwel waqt tat-tnissil tagħha ġiet meħlusa minn kull tebgħa tad-dnub.

Il-Knisja tgħallimna li Marija kellha tkun l-Immakulata għax ma kienx jixraq li dik li kellha ġġorr f’ġufha lill-Qaddis tal-Qaddisin, għal waqt wieħed biss tkun taħt il-ħakma ta’ Satana, l-għadu antik u dejjiemi ta’ Alla u tal-bnedmin. Il-Knisja tkompli tgħallimna li Marija hi l-Immakulata għall-merti ta’ binha. 

Għedna li Marija “ġiet meħlusa”. Hi wkoll kellha tiġi meħlusa. Is-salvazzjoni ta’ Kristu salvat lilha wkoll, qabel kulħadd, qabel ma misset id-dnub, imma bħalna salvata. Il-privileġġ ta’ Marija għandu x’jaqsam maż-żmien. Hi ġiet salvata qabel, aħna wara.

Forsi matul is-snin, meta nirriflettu, ngħidu: “Iva Marija hi Immakulata, imma aħna?” X’għandha x’taqsam din id-domma magħna li nsibuna bosta drabi ngħaffġu fid-dnub?” 

San Pawl diġà jgħidilna: 

“Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja sabiex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Ef 1, 4).

Forsi nirraġunaw mhux sewwa li l-ewwel bnedmin dinbu u weħilna aħna magħhom! Irranġawna għall-frisk Adam u Eva. “U ejja Fr,” issib min jgħidlek. “Għadkom temmnu fid- dnub tan-nisel?” Ara aħna x’għandna x’naqsmu mad-dnub ta’ tnejn li lanqas nafu eżistewx.

Ovvjament ħadd m’għadu jemmen, lanqas aħna li l-ħolqien ġara kif hemm miktub fl-ewwel erba’ paġni tal-Iskrittura u anqas li l-ewwel ġranet tal-ewwel bnedmin seħħew kif inhuma miktuba fil-Bibbja. Serrħu raskom li anqas min kiteb il-ktieb tal-Ġenesi ma kien jemmen hekk! 

Madanakollu ma nistgħux ma nagħmlux il-kontijiet mar-realtà tad-dnub u l-fatt li d-dnub tiegħi ma jaffettwax biss lili imma wkoll lil dawk ta’ madwari u lil dawk li għad jiġu warajja. 

Kellmu lil min għadu għaddej fuq kwistjonijiet ta’ wirt li ilhom ikarkru għexieren ta’ snin! U daħħlu fl-istorja ġenituri, ulied aħwa u kuġini! 

Għiduli min sofra vjolenza, abbandun, abbuż jekk idumx iġorr il-ferita tant li din, jekk mhux ikkurata, tinfluwenza relazzjonijiet kollha li jgħix!

Jekk aħna nkissru u nfarrku pajjiżna u ma nħallux roqgħa ħadra min ibati? Aħna biss? Forsi mhux dnub li jridu jbatu ta’ warajna?

Jekk aħna nħallu soċjetà bla valuri min se jbati; aħna biss, jew għad jiġi żmien fejn ta’ warajna jidħku bina?

Le le ma jintiritx id-dnub! 

U l-Knisja tridna bħall-Immakulata tagħna! 

U ħasbitha tajjeb. Fil-magħmudija l-ewwel ħaġa li tagħmel, tidlikna biż-żejt tal-Magħmudija u titlob fuqna sabiex aħna ninħelsu minn kull tebgħa ta’ dnub u qatt ma nkunu taħt il-madmad tal-jasar. 

Għax l-iskop ta’ Satana huwa li jkisser l-ulied ta’ Alla. Jisirqilhom il-ferħ, iħawdilhom moħħhom u jgerfxilhom qalbhom. Jifridhom minn xulxin u jedha bil-ġlied u t-tqassis. Hekk kien minn dejjem għajjur u giddieb. Imma Alla waqaflu, Kristu rebaħlu, Marija l-Immakulata b’Ġesù f’ġufha saħqitlu rasu. 

U bħallikieku dan ma kienx biżżejjed il-Knisja tkompli tnaddafna, teħlisna mit-tebgħa oriġinali, tqaċċat il-ktajjen li jorbtuna mad-dnubiet ta’ missijietna u tkompli taħsilna bl-ilma tal-Magħmudija. 

Forsi l-Immakulata ma kinitx dik li ċaħdet l-għemil kollu tiegħu? Forsi mhux telfa għax-Xitan li Marija l-Immakulata anqas għal mument wieħed biss ma kienet taħt il-ħakma tiegħu? 

Il-Knisja tnaddafna permezz tal-ilma tal-Magħmudija. Tgħidilna li l-ilma ser jeqred il-ħażin, li aħna fl-inkwiet ser ngħaddu mill-inxif u naqsmu l-baħar. Ħa nixorbu mill-kustat ta’ Kristu. Minnha stess li nemmnu li jgħid Ġesù, minnha joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj.

Tajjeb insaqsu: “Minni joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj?” 

Il-Knisja tikkonsagrana! Tridna nleqqu bi sbuħija – bħall-Immakulata. Il-vokazzjoni tal-Immakulata, is-sejħa tagħha, il-privileġġ tagħha huma s-sejħa tagħna wkoll.

Fl-Immakulata naraw dak li għalih ġejna msejħin. Fl-Immakulata ġa minn issa nxejru l-bnadar tas-salvazzjoni tagħna. Fiha nilmħu kif aħna quddiem Alla. Alla meta jħares lejna ma jarax id-dnub. Dak aħna narawh, għax iffissati fuq id-dnub tagħna u biex ngħattu tagħna niffissaw fuq id-dnub ta’ ħaddieħor. Alla meta jħares lejna jarana mnaddfa bid-demm ta’ Ibnu. Jarana salvati, bħall-Immakulata. 

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

EUSF_Driving

Taf issuq?

It-2 Ħadd tal-Avvent (Mk 1, 1-8)

Ma nafx tħobbux issuqu. Anke jekk ma ssuqux, ġieli rkibtu ġo karozza. Li ssuq jew tkun passiġġier, mingħajr ma taf, tħalli fik diversi ħsibijiet u emozzjonijiet. Ejja nieħdu din l-immaġni biex naraw kif qed inħossuna bħalissa. Jista’ jkun li fil-karozza li qed issuq tħossok komdu, il-karozza nadifa, ma ttikx problemi. It-toroq li qed issuq fihom huma komdi. L-esperjenza tas-sewqan (jew l-esperjenza tiegħek ta’ passiġġier) hija waħda pjaċevoli. Imma jista’ jkun li fil-karozza qed tisma’ xi ħoss li qed idejqek. Forsi huwa ħoss ġdid, jew inkella ħoss li ilu hemm, imma li ma kontx qed tagħti kasu, imma issa qed isir evidenti. Jista’ jkun il-karozza hija maħmuġa u fik hemm xewqa li ssuq karozza nadifa. Jista’ jkun li t-toroq li qed issuq fihom mhumiex komdi. Jista’ jkun tħossok imwaħħal fit- traffiku. Jista’ jkun li waqt li qed issuq qed tħossok osservat il-ħin kollu. Jista’ jkun li s-sewwieq li miegħu int passiġġier tħoss li ma jafx isuq u jnissel fik sens ta’ insigurtà. 

Jekk irridu nkunu sinċieri, ħajjitna ħafna drabi tixbah l-esperjenza tas-sewqan, jew jekk le l-esperjenza tal-vjaġġ. Ħafna drabi, fil-vjaġġ ikollna sentimenti u emozzjonijiet differenti u bosta drabi nsibu li fil-vjaġġ hemm xi ħaġa li mhix togħġobna u li ddejjaqna u li nixtiquha tkun aħjar. 

Hekk kienu n-nies fi żmien Ġwanni l-Battista. Kienu nies li fil-vjaġġ tagħhom kien hemm xi ħaġa li kienet iddejjaqhom. Infatti xorbu minnufih il-proposta ta’ Ġwanni l-Battista li jmorru jitgħammdu fix-Xmara Ġordan u jaqilgħu l-maħfra ta’ dnubiet. Għarfu li kellhom bżonn jipparteċipaw fil-proposta ta’ ndiema: “Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.” Il-Vanġelu jurina li kulħadd kien għatxan għal din l-istedina: “Kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-Xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.” 

Kienu jistqarru dnubiethom. Iġifieri għarfu li kien hemm xi ħaġa li ma kinitx sejra sew. Imma kemm hu faċli tistqarr dnubietek? Fil-ħajja mhux faċli tistqarr li tkun żbaljat għal diversi raġunijiet: 

Jista’ jkun li ma tindunax li tkun fl-iżball;

Jista’ jkun tibża’ li jekk tistqarr dnubietek ser tkun iġġudikat; 

Jista’ jkun li ma tammettix dnubietek għax inkella ma tkunx tiflaħ għas-sens tal-ħtija li l-istqarrija ta’ dnubiet iġġib magħha. 

Meta tasal allura tistqarr dnubietek? 

Tasal tistqarr dnubietek: 

1. Meta tkun sfurzat tistqarrhom (ngħidu aħna jekk itellgħuk il-qorti, dejjem jekk ikollok kuxjenza) jew inkella meta ma jkun hemm ħadd f’min twaħħal iktar;

2. Meta s-sens ta’ ħtija jkun tant kbir ma tkunx tiflaħ għalih iktar u jkollok trid u ma tridx tistqarr dak li qed iġġorr f’qalbek; 

3. Meta tagħraf li hemm ambjent sikur fejn tista’ tistqarr ħtijietek mingħajr il-biża’ li ser tiġi ġġudikat, fejn min qed jisma’ dnubietek mhux ser iżommok magħluq fil-ħtija imma ser jgħinek timxi ’l quddiem. 

Hekk ġralhom fi żmien Ġwanni, għarfu li kien hemm post sikur fejn jistgħu jagħmlu dan. Irċevew aħbar sabiħa. (Il-bidu tal-Evanġelju – aħbar tajba – ta’ Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla). Hekk biss setgħu jistqarru dnubiethom għax raw li kien hemm il-possibbiltà li la s-sens ta’ ħtija u lanqas il-ġudizzju tal-oħrajn ma kienu ser ikunu ostakli. 

Aħna l-istess, il-possibbiltà li nbiddlu ħajjitna, li ndawru r-rotta taslilna bħala aħbar sabiħa meta xi ħadd jaċċettana kif aħna, bil-ħmieġ tagħna u mhux meta jbeżżgħuna bil-konsegwenzi, jew iwarrbuna għax aħna żbaljajna. 

Illum f’dan it-tieni Ħadd tal-Avvent ejjew nemmnu li għalina hemm tama li ndawru r-rotta, li ninbidlu, li ngħaddu minn fejn ninsabu bħalissa għal dak li verament nixtiequ nkunu. 

Ejjew mela nemmnu li Alla jaċċettana kif aħna, bl-iżbalji kollha tagħna, dawk li għamilna u li qed nagħmlu.

Ejjew nifhmu li għal Alla aħna uniċi, bħalma la kien hawn u lanqas ser ikun hawn ħadd.

Li biex Alla jħobbna ma hemm għalfejn nagħmlu xejn. Alla ħabbna, bagħat lil Ibnu għalina. Irridu biss inħalluh iħobbna. 

Nagħrfu li Alla għandu għalina pjan meraviljuż. Hu qatt ma jħallina niġġarrbu aktar milli nifilħu. 

U dan ikun is-sliem! 

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

FLIS_security-guard-workspace2

Ħalla Kollox f’Idejna!

L-1 Ħadd tal-Avvent (Mk 13, 33-37)

Meta kont tifel niftakar ċar lil missieri jitlaq lejn ix-xogħol kmieni waranofsinhar. Kien jiġi l-għada filgħodu, u kont inħoss wens hekk kif nisma’ ċ-ċavetta dieħla fis-serratura tal-bieb. Anke jekk f’nofs irqad kont insegwi kollox; il-bieb jinfetaħ, jingħalaq, il-ħoss tal-basket li jitpoġġa fuq il-mejda, it-tislima lil ommi u fl-aħħar lilna. X’kien imur jagħmel billejl? Kien imur jagħmel l-għassa. Spiss konna nċemplulu biex naraw kif inhu; bosta drabi kien jgħidilna li ser immur jiċċekkja, idur il-post biex jara hemmx sinjali strambi, li l-bibien kollha magħluqa, u li m’hemm ħadd fiż-żona li mhux postu hemm f’dak il-post u dak il-ħin. Kien assidwu ħafna u attent li jara li kollox ikun qiegħed f’postu. Spiss waqt li aħna konna nkunu għas-sħana tas-sodda konna ngħidu: “Min jaf id-daddy xi jħoss tal-kesħa fuq ix-xogħol.” Meta kbirt ġieli kont naqbeż qabża sa ħdejh biex nara kif inhu jew neħodlu xi ħaġa tal-ikel. Spiss kien jirrakkonta li kien jgħaddi l-lejl fuq bank tal-injam. 

Hekk hu, biex tishar ma tridx tkun komdu. Ma jridx ikollok pultruna komda u lanqas ma tridx tkun għas-sħana, għax faċli li tmur għajnek bik u, waqt li tkun qed tieħu nagħsa tajba, il-ħalliel jidħol, jagħtik xi xebgħa u jagħmel ħerba fil-post. 

Ġesù għal dan li qed jistedinna llum. Qed jgħidilna li, filwaqt li hu mhux hawn, sakemm jerġa’ jiġi aħna rridu noqogħdu għassa, u nħarsu dak kollu li hu fdalna f’idejna. 

Qed jistedinna l-ewwel u qabel kollox inkunu għassiesa ta’ qalbna; naraw daħlux fiha elementi li qed jisirqulna dak li hu ħallielna fir-responsabbiltà tagħna. Faċli f’ħajjitna jidħlu persuni, oġġetti, kultant l-istess xogħol tagħna li ma jħalluniex iffukati fuq dak li l-Mulej fdalna f’idejna sabiex nieħdu ħsieb. Il-paċi tal-qalb mhix ċajta, faċli tinsteraq u bosta drabi nkunu aħna li niftħu l-bieb u lill-ħalliel ngħidulu: “Għaddi, qisu tiegħek, ħu li trid.” Insibuna nagħmlu paċi mal-għadu għax naħsbu li ser jagħtina xi ħaġa minn dak li seraq u ma nindunawx li jkun seraq lilna stess. Allura, tajjeb ngħassu d-deċiżjonijiet li nieħdu filwaqt li nħarsu lil qalbna. Il-Mulej qed jipprovdilna żmien qaddis biex naraw x’qed jgħammar f’qalbna. Jista’ jkun li tant għamilt ħabib mal-għadu, li ser ikolli naħdem qatigħ biex nikkonvinċih jitlaq ’il barra u jħalli ’l qalbi bi kwietha. Allura tajjeb insaqsi: Min qed jisraqli l-ferħ? X’deċiżjonijiet għamilt dan l-aħħar li tellfuni l-konċentrazzjoni? 

Jiġini f’moħħi li l-Avvent huwa wkoll żmien fejn jien nirrifletti ftit fuq il-proġett ta’ ħajja li l-Mulej afdali f’idejja: familja; sejħa reliġjuża jew presbiterali; il-komunità tiegħi; ir-relazzjonijiet fil-ħajja ta’ waħdi bħala persuna single; il-ministeru li afdali fil-komunità tiegħi. Kif qed inħares ir-relazzjonijiet tiegħi? Kulħadd għandu aċċess għalihom jew inkella nipproteġihom għax naf li r-relazzjonijiet daqskemm huma sbieħ, daqshekk ieħor huma fraġli? Kif qed inħares lil min il-Mulej afdali f’idejja biex inħarsu u ngħinu jikber? X’ħalib qed nisqih? 

Il-Mulej afdali wkoll is-soċjetà li qed ngħix fiha. Kif qed inħarisha? Jien wieħed minn dawk li għalija jgħaddi kollox basta ma jaffettwax lili? Kif qed inħares u nipproteġi l-ġid ta’ ħuti? Inħares id-drittijiet tal-oħrajn, anke ta’ dawk li huma tant ċkejknin li ma jistgħux iħarsu lilhom infushom? Liema mentalità qed niżra’ fis-soċjetà li ngħix fiha? Kollox jgħaddi jew jgħaddi dak biss li jibni? Meta naħseb fis-soċjetà tiegħi għaxar snin oħra kif nimmaġinaha: soċjetà li tixbah lill-ġenna fl-art jew babilonja? 

Għalhekk Ġesù jgħid: “Ishru.” Issa mhux żmien li norqod, imma żmien li nħares lil qalbi, ir-relazzjonijiet tiegħi, dak li l-Mulej afdali f’idejja, is-soċjetà li ngħix fiha. Ma ninsiex li l-arja li nħammeġ illum ser jieħdu n-nifs minnha wliedi għada. 

Għalhekk “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru”, “Mela ishru”, “Dak li qed ngħid lilkom qed ngħidu lil kulħadd: Ishru.” Naqra insistenti Ġesù llum, ma jimpurtax jekk inkunu aħna wkoll! 

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Ħafna mistoqsijiet

Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien Kollu (Mt 25, 31-46)

Ġieli xi ħadd tagħkom ħjiel ta’ x’ser ikunu d-domandi ta’ xi eżami partikolari l-iskola? Kemm kont nieħu pjaċir meta konna nagħmlu r-reviżjoni ta’ xi suġġett qabel l-eżami u l-għalliem jgħid: ‘Dan is-suġġett studjawh sew.’ Ma kienx ikun qalilna x’ħiereġ fl-eżami imma żgur li kien ikun għenna niffukaw x’hemm bżonn li nistudjaw. Ġesù, illum fil-Vanġelu jagħmel xi ħaġa simili.

Ilna issa bosta ġimgħat nirriflettu fuq kif qed nibnu l-proġett li Alla kellu u ħolom fuq id-dinja. Dan il-proġett jissejjaħ is-Saltna ta’ Alla. Ġesù, permezz tal-parabboli, qalilna li għandna nilqgħu l-istedina tal-Missier għall-festa tat-tieġ u wriena x’għandhom ikunu l-atteġjamenti tagħna waqt li nistennewh ġej: nibqgħu mqajma, nistennewh bl-imsiebaħ mixgħula f’idejna u nħaddmu t-talenti tal-imħabba biex nibnu s-Saltna tiegħu fuq din l-art.

Illum Ġesù ma jitkellimx permezz ta’ parabboli; sinjuri u sidien li jirrappreżentaw lilu, imma jitkellem dwaru nnifsu. Jagħtina ħjiel kif ser tkun il-miġja tiegħu u x’ser jagħmel hekk kif jerġa’ jidher fostna. Jgħidilna li ser jagħmel ġudizzju veru u propju u jgħarrafna anke dwar il-kontenut ta’ dan il-ġudizzju. Interessanti li ma jitkellimx b’mod dirett dwar il-qima li għandna nagħtu lil Alla. Ma jitkellimx dwar sagrifiċċji u liturġiji. Jitkellem biss dwar il-ħajja, is-saħħa u l-ġid tal-aħwa. Bħal donnu jrid jgħid li jekk il-qima li nagħtu lil Alla ma twassalx għall-qima tal-aħwa allura hija qima fiergħa. Jekk is-sagramenti ma jwassluniex li nqisu lil ħutna bħala sagramenti (wirja ta’ Ġesù), allura nkunu ġibniehom riti sterili minflok għejun tal-grazzja. Jekk l-Ewkaristija ma twassalnix li bħal Ġesù nagħti ħajti għall-aħwa, allura nista’ ninsa li hija passaport għall-ġenna. Ġesù hawn ma jitkellimx fuq azzjonijiet ħżiena li wieħed jagħmel, lanqas dwar dgħufijiet purament umani, imma dwar azzjonijiet tajba rigward il-proxxmu li jien kont imsejjaħ nagħmel u m’għamiltx, jew li kont imsejjaħ nagħmel u għamilt.

Tajjeb li nsaqsu aħna fiex aħna dwar il-kontenut ta’ dan il-ġudizzju?  Ftit eżami tal-kuxjenza ma jagħmilx ħażin, iktar u iktar jekk fin-nofs hemm is-salvazzjoni tagħna.

Ġesù jitkellem dwar jekk tmajtx il-proxxmu tiegħi li kien bil-ġuħ. Minbarra l-ġuħ fiżiku li huwa l-iktar ovvju, hemm forom oħra ta’ ġuħ. Min hu bil-ġuħ huwa persuna vulnerabbli li m’għandux in-neċessarju biex jgħix. Jien kemm qed nitma’ lil min hu bil-ġuħ? U x’qed nitma’? Fil-ħajja mhux biss li tiekol importanti, imma x’tiekol. U jien x’qed nitma’ lil ħuti: sentimenti ta’ mibegħda, għira, rabja jew ta’ maħfra, sliem u paċi? Lil min hu bil-ġuħ għall-verità qed nitimgħu gideb?

X’qed nisqi lil min hu bil-għatx għall-ġustizzja? Lil min hu bil-għatx għall- ħajja qed niżra’ madwaru kultura ta’ mewt? Lil min hu bil-għatx għall-ħajja, imma għadu tant ċkejken biex jiddefendiha, qed niddefendiha jien għalih jew nemmen li għax ċkejken m’għandux dritt jissodisfa l-għatx għall-ħajja?

Kif nimxi ma’ min hu barrani? Kif inġib ruħi ma’ min mhux fiċ-ċirku tiegħi? L-ieħor, dak li ma jaqbilx miegħi, huwa għalija wiċċ ix-xitan, jew il-wiċċ ta’ Ġesà li għad irrid niskopri? Kapaċi nilqa’ lil kulħadd mingħar ħafna ġudizzji u preġudizzji?

Kif nittratta lil min hu mneżża’ mid-dinjità tiegħu? Jekk naf b’xi ħadd li tilef id-dinjità tiegħu, nieħu vantaġġ minnha, niġġustifikaha għax jaqbel lili? Nemmen li ċerti azzjonijiet minnhom infushom ibaxxu d-dinjità ta’ wlied Alla, jew għalija kollox jgħaddi? U allura, la kollox jgħaddi, inkompli nbaxxihom fid-dinjità billi nagħlaq għajnejja għall-fraġilità tagħhom?

Kif nimxi ma’ min hu marid? Narah piż fil-ħajja tiegħi? Infittex li nkun qrib ma’ min għandu s-salib tal-mard? Għandi ċ-ċans immur inżur il-morda? X’nagħmel ma’ min hu marid spiritwalment? Nemmen li relazzjoni ma’ Alla hija l-aqwa mediċina għax tasal tagħti sens anke lill-istess tbatija?

Kif nimxi ma’ min dineb? Moħħni biex inxandar id-dnub tal-oħrajn, jew inkella intelliġenti biżżejjed biex nikkundanna d-dnub imma ma nkissirx persuni? Ngħin lil ta’ madwari jersqu għall-indiema u l-konverżjoni?

Aħfruli ta’ dawn il-ħafna mistoqsijiet. Ħa nissorga nagħmel oħra, u tkun tal-aħħar għal-lum! Tixtieq tidħol fil-ferħ ta’ sidek?

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Povri l-werrieta

It-33 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 25, 14-30)

Darba smajt storja ta’ xi ħadd li kien jibża’ jħalli flusu l-bank għax kien jaħseb li l-bank seta’ jfalli, allura kien iħaffer toqba fil-ħajt, jirrombla l-flus, jitfagħhom fiha, jagħlaqha u wara li jkun kaħħalha sewwa jerġa’ jiżbogħ il-ħajt u jorqod moħħu mistrieħ li qatt u ħadd ma kien ser jinduna fejn kellu l-flus moħbija, anqas il-ħallelin. Min ser jiġih f’moħħu li joqgħod iħaffer il-knaten biex fihom isib il-flus moħbija. Forsi l-ħalliel, miskin ma tantx kienet tiġih żewġ lanqas, ladarba kien ikollu jħalli l-post bil-ġakketta mimlija żebgħa, ġaladarba l-ħajt kien dejjem fi stat ta’ wet paint. Insomma dan seħibna qal bis-sigriet tiegħu lil xi ħadd u rabtu li ma jgħid xejn lil ħadd. Dan obdieh; ma xtaqx jiksirlu kelmtu u jmur lura mill-fiduċja ta’ sieħbu. Ġara li għadda żmien, ir-raġel marad u miet, id-dar intirtet, twaqqgħet u l-ġebel intrema bil-flus kollha fih! Povru raġel! Povru sieħbu! Povri l-werrieta!

Il-biża’ hekk jagħmel! Jipparalizzak. Tħossok komdu u moħħok mistieħ fejn int u tibqa’ hemm. Dawk li fil-parabbola kellhom ħames talenti u żewġ talenti rriskjaw. Setgħu tilfu kollox imma ma beżgħux. Kienu qalbiena biżżejjed li jirriskjaw anke bir-riskju li jitilfu kollox. Żgur li s-sid ma kienx ser jirrabja magħhom, almenu kien jara l-isforz tagħhom li ħadu riskju.

Hawn Ġesù żgur li mhux qed jitkellem fuq xi attività ekonomika, fuq xi business, imma qed jitkellem fuq is-saltna t’Alla. Dan id-diskors hu maħsub għal min irċieva xi don biex jibni s-Saltna tiegħu fuq l-art. Din il-parabbola trid twasslek biex tagħmel il-frott bid-doni li Alla tak fil-bini tas-Saltna tiegħu. Huwa maħsub għad-dixxipli tiegħu, għall-Knisja.

Għax aħna fil-knisja spiss jista’ jiġrilna bħal dak li ħeba t-talent. Spiss nistgħu ninqabdu fit-tentazzjoni li nibqgħu nduru fl-istess roqgħa ħaxix; nippassiġġaw fuq il-passi tagħna stess u nduru u nagħqdu wara denbna. Faċli nibżgħu mill-inizjattivà, u arana nikkritikaw lil xi ħadd li għamel xi ħaġa ġdida, saħansitra ngħidu li hu miġnun, li jrid jilgħabha tal-modern u nippruvaw nitfu l-ispirtu u l-entużjażmu li l-Mulej ikun żera’ fih. Għandna bżonn insara li kapaċi joħolmu. 

Faċli li l-biża’ jaħkimna meta xi ħadd jitqanqal mill-Ispirtu, u flok ninkuraġġuh, inħeġġuh jaħbi t-talenti tiegħu. Kemm drabi fil-knisja għedna kliem bħal: ‘Imma dejjem hekk għamilna.’ Meta ntennu din il-frażi nkunu qed ngħidu l-ikbar gidba li nistgħu ntennu, u nafu li l-gideb huwa dnub! Kif jista’ jkun minn dejjem? Wara kollox mhux Alla biss kien minn dejjem? Kemm-il darba nittieklu minn nostalġiji għall-passat u nkunu rridu nirriproduċu sistemi u ħidmiet li kienu jaħdmu f’soċjetajiet kompletament jew kważi differenti minn dawk tal-lum? Kemm irridu nsalvaw binjiet u strutturi li fi żmienhom qdew tajjeb il-funzjoni tagħhom, imma llum saru jgħidu ftit jew ma jgħidu xejn? Kemm enerġiji moħlija! Kemm jiġrilna li niffissaw fuq in-numri, bħal donnu n-numri huma xi metru eżatt tas-suċċess? Anqas is-sid tal-parabbola ma kien iffissat bin-numri għax lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn u lil ieħor wieħed.

Immaġinaw ftit kieku l-qaddisin ħbew it-talent u ma ħallewx l-Ispirtu joħlom u joħloq! Immaġinaw kieku xi Knisja medjokri għandna. Il-qaddisin ma beżgħux. Kienu oħrajn li beżgħu, dawk li kienu komdi jħaffru fil-ħamrija u jaħbu t-talent. Mhux tnejn jew tlieta kkunsidrawhom imġienen, imma dak li jkun minn Alla jseħħ, u Alla huwa dejjem ġdid. Nispiċċaw neħlu fil-forma u ninsew is-sustanza. 

Għandu raġun Papa Fraġisku meta f’paragrafu 41 ta’ Evangeli Gaudium jikteb:

Bl-intenzjoni qaddisa kollha li nwasslulhom il-verità dwar Alla u dwar il-bniedem, f’xi okkażjonijiet inkunu qed ngħaddulhom alla falz jew ideal uman li mhux tassew Nisrani.  B’dan il-mod, inkunu fidili lejn formulazzjoni partikulari imma ma nkunux qed ngħaddu s-sustanza.  Dan hu l-agħar riskju.  Inżommu f’moħħna li l-espressjoni tal-verità jista’ jkollha diversi suriet, u t-tiġdid tas-suriet ta’ espressjoni hu meħtieġ biex nistgħu ngħaddu lill-bniedem tal-lum il-messaġġ tal-Vanġelu fit-tifsira tiegħu li ma tinbidilx.

Il-Papa, bla ma jaf jidentifika x’kienet il-problema ta’ dak li mar ħeba t-talent tiegħu fil-ħamrija, kellu viżjoni ħażina ta’ min kien sidu. Aħna wkoll jista’ jkollna idea ħażina ta’ min hu Alla, u nispiċċaw noħolqu u nippreżentaw alla falz. Il-Mulej iħarisna milli jiġrilna dan!

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Boloh

It-32 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 25, 1-13)

Nassumi li ġieli kontu f’xi knisja għal xi tieġ! Wieħed mill-isbaħ mumenti huwa xħin tasal l-għarusa. Huwa l-mument fejn kulħadd iqum bilwieqfa b’sinjal ta’ rispett. Kulħadd jitbissem lill-għarusa, bejn għax kuntenti għaliha, bejn għax kulħadd ikun jixtieq jara l-libsa li l-għarusa tkun għażlet għall-okkażjoni, kif ukoll kif ikunu għamlulha xagħarha. Xi demgħa jkun hemm min ixerred ukoll.

Naħseb li ġieli ġralkom ukoll li l-għarusa tittardja xi ftit u kulħadd bil-kwiet joqgħod jistenna; jekk ikun is-sajf tara għadd ta’ mrewwaħ jiċċaqilqu qishom bħal friefet itiru flimkien. Normalment f’dawn iċ-ċirkustanzi ħadd ma jgerger; kulħadd jaf li qed jistenna l-għarusa; kulħadd ċert li ser tasal. Żgur li l-għarus ikun l-iktar wieħed fuq ix-xwiek li jara l-maħbuba tiegħu riesqa lejn l-artal. Niftakar darba kont waqt tieġ fejn l-għarusa ttardjat ftit, l-għarus mingħajr ma ħasibha darbtejn qabad il-microphone u qal: ‘Stennejtha disa’ snin, ma ġara xejn billi nistennew tliet kwarti.’ Hu ma inkwetax, imma jien iva, għax wara t-tieġ kelli quddiesa oħra n-naħa l-oħra ta’ Malta! Bilħaqq, laħħaqt! Imma hu x’inhu l-istennija tal-għarusa għat-tieġ qatt mhi kerha.

Fil-parabbola li jirrakkonta Ġesù huwa l-għarus li jdum ma jasal. Fi żmien Ġesù kien l-għarus li jmur jiltaqa’ mal-għarusa d-dar tagħha. L-għarusa ma kinetx tkun weħidha. Magħha kien ikollha lil sħabha xebbiet jistennew l-għarus ġej. Hekk kif kien jitfaċċa kienu jiffurmaw bħal purċissjoni bl-imsiebaħ f’idejhom, lebsin l-abjad, huma quddiem u l-għarajjes warajhom, kollox f’atmosfera ta’ festa.

Dan l-għarus jittardja. Ma setax javża qabel. Ma kellux mowbajl. Lanqas ix-xebbiet ma kellhom u spiċċaw raqdu. Imma fis-siegħa u l-ħin jinstema’ leħen: ‘Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!’ Ħamsa minnhom kienu mhejjija, ħamsa le. Id-differenza? Iż-żejt fil-kwies. Il-boloh ma kellhomx żejt fil-kwies. Il-problema ma kinetx li raqdu. Kollha raqdu, imma li ma kinux preparati għall-eventwalità li l-għarus jista’ jittardja. Bħal donnu għax ittardja, ħasbu li mhux ser jiġi iktar. Forsi immaġinaw li issa żgur mhux ġej billejl. Filgħodu jmorru jixtru. L-għaqlin ma jtuhomx żejt minn tagħhom, għax kienu jispiċċaw boloh bħalhom. Dawn jibqgħu jassumu li ż-żejt tal-musbieħ jista’ jispiċċa u jkollhom bżonn iktar żejt. Ma setgħux jirriskjaw li jispiċċaw bħall-boloh. Dawk imorru jixtru, il-bibien jingħalqu u jibqgħu barra. Imsieken!

Kemm jista’ jiġri hekk lilna wkoll. Nimmaġinaw li l-għarus mhu ġej qatt. Allura ma nibqgħux nagħtu kas. Bħal dak il-qaddej li jsemmi Ġesù, li kif jillarga s-sid jibda jsawwat lill-qaddejja li jkunu afdati lilu. Naħsbu li għax s-sid ma jidhirx bħalissa, mhu ser jidher qatt. Hekk bil-mod il-mod tibda titneħħa l-idea ta’ Alla mill-imħuħ u mill-qlub. Ninsewh u ngħixu daqslikieku qatt mhu ġej. Jekk Alla jmut mill-qlub, jekk imut mis-soċjetajiet tal-bnedmin, jekk ma nistennewhx iktar, nispiċċaw indallmu s-soċjetà. Soċjetà li tneħħi lil Alla mill-qlub tispiċċa toqtol lilha nfisha. Soċjetà li tippretendi li teqred lil Alla mill-ambjenti tagħha, tkun qed tipprepara l-qerda tagħha stess.

Aħna l-insara li bi ftit jew ħafna diffikultajiet qed nippruvaw ngħixu l-Vanġelu nistgħu malajr nitħajru minn min lil Alla nsieh, u aħna wkoll ma nibqgħux nistennewh. F’li tistenna lil Alla, hemm ferħ mhux l-‘uffa’ u l-infiħ ta’ meta tkun mgħaġġel u lil min tkun qed tistenna m’hemmx li jasal.

Jista’ jkun ukoll li l-Mulej lilna qed isejħilna biex inkunu dik il-vuċi li tgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!” (Mt 25, 6) Forsi lilek il-Mulej qed isejjaħlek biex ma tħallix li fl-ambjenti tiegħek in-nies jorqdu waqt li jistennew jew qed isejjaħlek biex hekk kif jorqdu tqajjimhom. “Waslet is-siegħa li tqumu min-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hija eqreb minn meta bdejna nemmnu,” (Rm 13, 11) jgħidilna San Pawl. Li s-salvazzjoni tagħna hija eqreb minn meta bdejna nemmnu hija t-tama li żżommna mqajma. Hija l-fidi, iċ-ċertezza li nxandru: ‘Xi darba l-Messija jerġa’ jiġi.’ Hija l-imħabba li fuqha hija mimlija l-fidi tagħna li qatt ma tista’ tkun ħaġa privata, li qatt ma tista’ tingħalaq bejn erba’ ħitan! “Dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut,” (Mt 10, 27) jgħid Ġesù. “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.” (Mt 16, 40) “Ngħidilkom li, jekk  jisktu huma, jgħajjat il-ġebel.” (Lq 19, 40)

Is-saltna tas-smewwiet hija realtà tal-ġejjieni, imma li ġa qed tinbena hawn fuq l-art. “Is-saltna t’Alla f’nofskom qiegħda.” (Lq 17, 21) Ħafna drabi ma tkunx evidenti imma għalhekk irridu nfittxuha biex nindunaw li ġa bdiet tinħema, nimtlew passjoni u nkomplu nibnuha sakemm issib il-milja tagħha meta jerġa’ jiġi hu. Fejn hemm l-imħabba, hemm is-Saltna t’Alla preżenti. F’kull persuna tixgħel t-tama fil-qlub. F’kull persuna  tixgħel il-musbieħ tal-fidi. F’kull persuna mimlija ħlewwa, tiġġieled il-ħażen, iġġib il-paċi, tqajjem fuq saqajh lil min hu batut, tmur il-missjoni u tagħtiha ħajjitha, tibni l-familja fl-għożża, iżżur il-morda, il-ħabsin, għandha għal qalbha l-Vanġelu ta’ Ġesù u tixgħel in-nar tal-imħabba tiegħu fil-qlub.

Żommu l-musbieħ mixgħul biex tagħtu d-dawl, biex taraw is-saltna t’Alla tikber, u taqtgħux qalbkom. 

Alla tagħna hu l-għarus li ġej! Hu Alla tal-paċi. Nistennew biex joħloq fostna sema ġdid u art ġdida fejn isaltan is-sliem.

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Dehxa

II-31 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 23, 1-12)

Ajma ħej! X’shower kiesħa dan il-Vanġelu, u issa li t-temp beda jiffriska xi ftit, kulħadd jkun jixtieq shower naqra iktar fietla, imma dan il-Vanġelu huwa shower kiesħa tassew. Jekk wara li taqra jew tisma’ dan il-Vanġelu tħossu nieżel fuqek bħal barmil silġ fl-eqqel tax-xitwa, tajjeb! Irringrazzja ’l Alla! 

Meta wieħed jaqra dan il-Vanġelu, jekk hu xi ftit jew wisq fil-verità miegħu nnifsu jinduna li anke hu huwa inkoerenti, iġifieri dak li jgħid mhux dejjem jaqbel m’għemilu.

L-inkoerenza ma tinkwetanix daqshekk, għax fil-verità kemm min jisma’ l-Vanġelu u kemm min jippritkah, it-tnejn li huma jsibu ruħhom inkoerenti f’ħafna affarijiet.

Ninkwieta jekk dik l-inkoerenza ssir stil ta’ ħajja.

Ninkwieta jekk il-Vanġelu ma jibqax jisfida għall-konverżjoni la lil min jisimgħu u lanqas lil min jippritkah.

Ninkwieta meta l-inkoerenza tiġi ġġustifikata.

Ninkwieta meta l-inkoerenza ta’ min ixandar il-Vanġelu ssir skuża tajba biex min jisimgħu ma jgħix dak li jkun qed jisma’. L-iskuża tkun: ‘Aħjar jara x’jagħmel hu/hi.’ ‘Jekk ma jgħixux hu/hi, ser ngħixu jien?’ Min-naħa l-oħra Ġesù huwa ċar ħafna: “Mela kulma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn.” (Mt 23, 3) Ikollna nkunu sinċiera li ħafna drabi nużaw l-inkoerenza ta’ ħaddieħor biex niġġustifikaw l-inkoerenzi tagħna.

Ninkwieta meta min ixandar il-Vanġelu, ma jkunx qed ixandar fejn jixtieq jasal, imma jipprova jagħti l-impressjoni li hu wasal għall-ideali li qed jipprietka.

Ninkwieta meta min qed ixandar jinsa li hu f’mixja u jippretendi, kważi b’obbligu, li ħaddieħor jasal fejn hu għadu lanqas beda.

Kulħadd, kemm min ixandar u kemm min jisma’, irid jiftakar li għandu l-ġlidiet tiegħu. Kemm drabi, anki ġenituri jkunu jixtiequ xi ħaġa tajba mit-tfal tagħhom, imma jkunu jafu li f’affarijiet oħra huma għadhom qed jaqdfu. Dan però ma jaqtgħalhomx qalbhom li jixtiequ u jipproponu l-aħjar għal uliedhom. Min ixandar il-Vanġelu jibqa’ obbligat ixandru għax waqt li qed ixandar mhux qed ixandar il-qdusija tiegħu (jalla tkun hemm din ukoll), imma l-qdusija ta’ Alla.

Il-problema tal-Fariżej kienet li naqsu milli juru lin-nies li huma wkoll kienu qegħdin f’mixja; li huma wkoll kellhom bżonn konverżjoni; li huma wkoll kienu midinba. Dan ix-xogħol ħafna drabi kien jagħmlu Ġesù għalihom: jurihom quddiem kulħadd l-inkoerenzi tagħhom; li huma ma kinux qed jaraw, jew inkella kienu qed jaħbu.

Il-problema tal-Fariżej kienet li ma kinux qaddejja tan-nies li kienu qed imexxu, imma riedu jwasslu n-nies għat-tajjeb billi jżidu kemm jifilħu liġijiet u preċetti biex josservawhom. Il-qaddej jimxi miegħek fi triq anzi jkun ta’ spalla fin-nuqqasijiet tiegħek.

Li jagħmlilna kuraġġ hu li fil-Vanġelu nsibu xi Fariżej li jiksbu s-simpatija ta’ Ġesù: Nikodemu u Ġużeppi minn Arimatea. Nikodemu jirbaħ lil Ġesù għax jurih li hu kien ukoll f’mixja. Ġużeppi ma jibżax joffri difna sabiħa lill-Imgħallem.

Kieku l-Fariżej baqgħu jgħallmu dak li kienu qed jgħallmu, imma wrew li huma wkoll kienu dgħajfa u li għandhom bżonn ta’ konverżjoni, kieku żgur li kienu jiġbdu iktar is-simpatija ta’ Ġesù. Kieku fehmu dak l-atteġġjament li ’l quddiem, Pawlu “Fariżew u bin il-Fariżej” (At 23, 6) kiteb: “Imma bija nnifsi ma niftaħarx ħlief b’dak li hu dgħajjef fija” (2Kor:12:5), kieku kienu jkunu iktar kredibbli.

San Franġisk t’Assisi huwa ċar ħafna dwar dan:

Biex, għalhekk, tista’ tiftaħar? Anki li kien tant jilħaqlek u għaref, u kellek il-għerf, u taf tfisser l-ilsna kollha, u tgħarbel il-ħwejjeġ tas-sema b’tant sengħa, ma kienx ikollok biex tiftaħar. Għax anki jekk wieħed jirċievi mingħand il-Mulej għerf speċjali tal-ogħla għerf, xitan wieħed jaf dwar il-ħwejjeg tas-sema, u jaf aktar dwar il-ħwejjeġ tal-art aktar mill-bnedmin kollha.

Bl-istess mod, jekk inti aktar gustuż u għani minn kull wieħed ieħor, anki kieku kellek tagħmel il-mirakli u tagħmel li x-xitan jaħrab, dawn il-ħwejjeġ kollha jkunulek ta’ ħsara, xejn mhu tiegħek, u ma tista’ tiftaħar b’xejn b’dawn il-ħwejjeġ.

Imma nistghu niftaħru b’ħaġa waħda biss: b’dak li hu dgħajjef fina u li nġorru kuljum is-salib tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu. (Twissijiet ta’ San Franġisk t’Assisi, 5)

Jalla l-Mulej jibqa’ jurina li aħna lkoll Fariżej msejħa għall-konverżjoni u nagħmlu xi ħaġa konkreta biex nimxu fit-triq it-tajba.

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Assolut m’hemmx wieħed imma tnejn

It-30 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 22, 34-40)

Minn dejjem laqtitni l-kriżi li kellu San Franġisk fi żmien partikulari ta’ ħajtu. F’mument minnhom San Franġisk kellu dubju jekk kellux jingħata kompletament lil Alla billi jinħeba f’postijiet ’il bogħod mill-ibliet u jintilef kollu kemm hu fit-talb, jew inkella jingħata kollu kemm hu għall-predikazzjoni tal-Vanġelu. Franġisk isolvi din il-kwistjoni billi jieħu il-parir ta’ Fra Silvestro u Sorella Chiara. It-tnejn li huma jaqblu fil-parir li Alla ma kienx sejjaħlu għalih innifsu imma għall-oħrajn ukoll. Infatti Franġisk ma jingħalaq fl-ebda kunvent (anke għax dak iż-żmien kunventi ftit kien hemm!), imma jagħti ruħu għat-talb u għall-predikazzjoni; ifittex postijiet fejn jinħeba f’Alla bħal La Verna u Sacro Speco, u fl-istess ħin jiġri l-Italja kollha: f’xogħol mal-lebbrużi u jipprietka bla waqfien saħansitra jmur l-Eġittu jiltaqa’ mas-Sultan tal-Musulmani. Fir-Regola infatti jikteb kif il-patrijiet għandhom immorru fid-dinja ixandru l-Vanġelu. B’intelliġenza tal-għaġeb jikteb ukoll regola għal dawk li jixtiequ jgħixu ħajja iktar kontemplattiva u joħloq armonija bejn Marta (dik li taħdem) u Marija (dik li tisma’) billi l-aħwa li jkunu fl-eremitaġġi xi ġranet jieħdu l-irwol ta’ Marta, imbagħad jinbidlu u jieħdu dak ta’ Marija; hekk l-aħwa kollha setgħu jitolbu u jaħdmu.

L-istess kriżi kellu l-Beatu Charles de Foucauld. Infatti jikteb: “Mal-ewwel darba li kont qattajt żmien twil fid-deżert … ġietni x-xewqa profonda li nibqa’ hemm għal dejjem… iżda fil-qiegħ nett ta’ qalbi kien hemm dubju ħafif tal-kuxjenza: ‘Erġa’ lura,’ qaltli l-kuxjenza. ‘Erġa’ lura,’ qalli s-superjur tiegħi. ‘Int, Karlu, f’dawn is-snin skoprejt l-assolut ta’ Alla u nnamrajt miegħu. Issa trid tiskopri assolut ieħor: il-bniedem.’

Dawn iż-żewġ persunaġġi fehmu li mod konkrett kif tħobb lil Alla huwa li tkellem lill-bniedem dwar Alla. Darba xi ħadd kien qalli: ‘Ma’ Alla tkellem dwar il-bnedmin u mal-bnedemin tkellem dwar Alla.’ Li titkellem mal-bnedmin dwar Alla huwa mod mill-iktar konkrett kif tħobbhom. Alla jonqos li jkun preżenti fil-fatti tal-bniedem meta jkun naqas li jkun preżenti fil-qalb u l-moħħ tal-bnedmin. U kultant, mod konkrett kif tħobb lill-bniedem huwa li tfakkru li jeżisti Alla. Hekk meta Alla jikber fil-moħħ u l-qalb tal-bniedem jikber ukoll fl-opri tiegħu.

Kemm-il darba tisma’ min jgħid li Alla mhux postu fis-soċjetà, bħallikieku kien xi xkiel għal-libertà tal-bniedem jew għall-iżvilupp tagħha? Imma jekk jonqos Alla li hu tjieba, imħabba, maħfra, sliem, tama, hena, paċi x’jibqa’ fis-soċjetà? Kull attentat li nneħħu l-imħabba lejn Alla fl-ambjenti tagħna huwa attentat kontrina nfusna. Mingħajru nibqgħu weħidna, nagħqdu f’xulxin! Għalhekk jibqa’ dejjem kmand assolut li n-nisrani jiżra’ f’qalb il-bniedem l-imħabba ta’ Alla biex forsi xi darba l-ħolma li Ġesù kellu fuq id-dinja li hu jsejħilha s-Saltna ta’ Smewwiet issir realtà. Ejjew naħdmu biex inxandru lil dan Alla li jnissel it-tama u jkeċċi l-biża’.

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Cesare ma jafx jispjega l-għaliex

Id-29 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 22, 15-21)

“Agħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla u lil Cesare dak li hu ta’ Cesare.” Kemm hu intelliġenti dan Ġesù li jrodd lil kulħadd dak li hu tiegħu! Aħna, però, mhux dejjem daqshekk intelliġenti, għax lil Cesare spiss nagħtuh dak li hu tiegħu, dejjem bit-tama li nieħdu xi ħaġa lura jew għall-inqas li jtina daqskemm tajnieh, imma lil Alla nħalluh b’idu fuq idu. Anzi, spiss nispiċċaw nemmnu li Alla ser joħdilna xi ħaġa.

Cesare dak li hu tiegħu jaf jieħdu. Il-mistoqsija li għamlu dawn l-għedewwa lil Ġesù ma treġix. “Għandna nħallsu t-taxxa lil Cesare?” Mhux ovvja li iva. Cesare, żgur mhux forsi, ma kienx se jħallihom ma jħallsuhiex. Imma Alla jħallik ma tħallashiex u ma jagħmillek xejn; int tkun qed tonqos li tieħu dak li qed joffrilek, imma mhux hu jkun qed jonqos li jtik dak li hu tiegħek. L-iskop tiegħu mhux li int tħallas xi ħaġa imma li jħallas hu.

Araw naqra x’ jgħid San Pawl f’waħda mill-isbaħ frażijiet tiegħu: “Ħassar il-kont tad-dejn li kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħih min-nofs u sammru mas-salib.” (Kol 2, 14).

Jekk lil Alla ntuh dak li hu tiegħu, aħna mmorru minn fuq. Hemm affarijiet li Cesare qatt ma jista’ jtik anke jekk tħallas it-taxxa. Meta tagħti lil Alla dak li hu tiegħu, Hu jagħtik kollox: il-libertà ta’ wlied; l-imħabba sinċiera lejn l-aħwa; ferħ issa u għal li ġej; is-sens veru tal-eżistenza; il-maħfra ta’ dnubiet; mod kif tgħix it-telfiet tal-ħajja u fuq kollox il-Vanġelu ta’ Ibnu; il-mewt u l-qawmien tiegħu. Is-Sid tal-ħajja bħal f’mera jagħtik li tagħraf lilek iniffsek u ssir taf il-libertà.

Cesare dejjem għandu limiti; ma jispjegalekx l-għala u l-kif tal-ħajja. Ma jtikx raġuni għaliex il-ħajja u għaliex il-mewt. Ma jagħtikx sens u ma jifdix it-tbatija. Ma jtikx il-veru ferħ. Dan Alla kollu jagħtih, kemm jekk tħallas, kemm jekk ma tħallasx. Jekk tagħti lil Alla dak li hu tiegħu, fl-aħħar mill-aħħar jagħtik lilu nnifsu.

Iva, Cesare ħaqqu dak li hu tiegħu, u huwa sewwa li ntuh dak li hu tiegħu, imma niftakru li Cesare mhux Alla, u Alla fuq Cesare. Hekk qalu l-ewwel appostli b’kuraġġ u determinazzjoni kbira: “Għidulna intom jekk hux sewwa quddiem Alla li aħna nisimgħu aktar minnkom milli minn Alla; għax aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna.” (At 4, 19-20)

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Reġa’ lura fil-kamp

It-28 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 22, 1-14)

Dan l-aħħar kont qed naqra ktieb fuq il-bżonn li fil-ħajja nħallu spazju biex nagħmlu l-affarijiet li jagħtuna nifs, li jgħinuna noħolmu u li jagħtuna dak iċ-ċans li nieħdu ftit ħsieb tagħna nfusna, biex hekk inkunu nistgħu naqdu u nservu aħjar, inkella jiġri li fi ftit żmien ‘ninħarqu’ u l-frott ta’ xi burnout tajba jkun li la nkunu kapaċi nservu ’l Alla u lanqas lil ħutna l-bnedmin. Il-ktieb jippreżenta storja li mal-ewwel daqqa t’għajn tidher banali. Jippreżenta persunaġġ li sa minn ċkunitu jkollu x-xewqa li jitgħallem idoqq il-kitarra, però, minħabba ħafna impenji jipposponi din ix-xewqa għal età iktar matura; meta jikber jipposponi din ix-xewqa għal età iktar avvanzata, jibqa’ sejjer hekk sa ma jasal fuq dik l-imbierka sodda tal-mewt. Meta jsaqsuh jekk kienx kuntent b’ħajtu jwieġeb: ‘Dejjem xtaqt nitgħallem il-kitarra.’

Żgur li f’ħajjitna lkoll għadna xewqat li s’issa baqgħu fil-kexxun. L-istess ħaġa tista’ tiġrilna ma’ Alla. Iva, jista’ jiġrilna li nibqgħu nipposponu x-xewqa li nkunu ta’ Alla għax bħan-nies tal-parabbola ma nagħtux kas, immorru l-għalqa, immorru għan-negozju, u forsi wkoll lil min jistedinna nagħtu ftit ħin għal Alla nżebilħuh u ‘noqtluh’ minn ħajjitna.

Jiġru mumenti f’ħajjitna li, permezz ta’ ċirkustanzi sbieħ jew koroh, Alla jkun qed iħabbat fuq il-qalb tagħna biex jistedinna mmorru għall-festa tat-tieġ ta’ Ibnu. Jista’ jkun li tiltaqa’ ma’ persuna li turik il-ġmiel li tagħti ftit ħin lil Alla f’ħajtek; abbli tmur funeral u l-kliem tas-saċerdot jew il-kwalitajiet tal-persuna li tkun mietet inisslu fik ix-xewqa li tkun ftit aħjar; li tibda din l-avventura ma’ Alla. Kultant jiġri wkoll li tisma’ kelma, tara tbissima, xi ħadd jistiednek tibda tmur f’xi grupp ta’ formazzjoni u fik titnissel ix-xewqa għal ħajja iktar profonda, imma xħin toħroġ mill-knisja, xħin titlaq il-persuna li tkun tbissmittlek jew stednietek għall-grupp, terġa’ tinqabad fil-ġirja sfrenata tal-ħajja ta’ kuljum, tiltaqa’ mal-istess nies li jġennuk u x-xewqa tintefa minnufih. 

Jista’ jagħti l-każ ukoll li tagħmel l-ewwel pass biex tmur għall-festa tat-tieġ, imma ma timpenjax biex tagħmel it-tieni wieħed li tilbes il-libsa tat-tieġ. Fi żmien Ġesù, min imur għall-festa tat-tieġ, kien jingħata bħal mant li kien ifisser li hu qed jingħaqad mal-mistiedna l-oħra biex jifraħ magħhom. Kien hemm drabi fejn min kien jistieden kien jagħti wkoll lill-mistiedna fwejjaħ, kif ukoll post fejn joqgħod wara li tispiċċa l-festa tat-tieġ. Dan l-imsejken tal-parabbola lanqas jindenja ruħu jilqa’ dak li lilu kien qed jingħatalu b’xejn.

Kemm drabi ġralna l-istess lilna! Forsi jkollna xewqa żgħira li nibdlu l-istil tal-ħajja tagħna imma ma nagħmlux il-pass meħtieġ biex almenu naċċettaw il-grazzji li Alla jkun qed jibgħatilna. Niftakru, li kollox bi grazzja, li aħna ġejna salvati mhux bl-opri imma bi grazzja, imma l-grazzja tasal dejjem sal-bieb ta’ qalbna. Jekk naċċettawhiex jew le, jiddependi minna. Jekk naċċetawha, irridu nkunu lesti li nimxu, naħdmu, inħabirku. Alla tagħna mhux Alla tal-magics! Itik il-grazzja, imma dik il-grazzja titlob impenn, kultant impenn serju ħafna. Anke min ikkonverta f’sekonda, jaf li l-impenn biex iżomm dik il-konverżjoni ma kienx wieħed faċli u ħafna drabi kien jimplika fallimenti u waqgħat. Spiss jiġrilna li ħafna drabi nikkonċentraw fuq kemm ser tiswielna r-relazzjoni tagħna ma’ Alla imma ninsew kemm din ir-relazzjoni ser tibdilna f’persuni isbaħ, ħielsa u ferħana.

Kemm jiġrilna li nkunu komdi fid-dlam tagħna li nafu milli fid-dawl li ma nafux. Viktor Frankl, fil-ktieb tiegħu: Man’s search for meaning jirrakkonta l-esperjenza tiegħu f’kamp ta’ konċentrament fit-tieni gwerra dinjija. Fost affarijiet oħra jirrakkonta li meta ġew meħlusa minn dan il-kamp, kien hemm min li waqt li kien miexi ’l barra mill-bieb tal-kamp lejn il-libertà tant mixtieqa, ma felaħx għad-dawl tax-xemx u reġa’ lura lejn id-dlam tal-kamp. Ħasra, hux! Ara li qatt ma jseħħlu jiġrilna l-istess.

Ejjew ma nikkonċentrawx fuq kemm ser tiswielna li mmorru għall-festa tat-tieġ, imma fuq kemm ser nieħdu gost.

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv