Xi jrid isir biex tfal jagħmlu l-Preċett fil-Parroċċa tal-Qawra?

  1. Normalment il-Preċett isir meta t-tfal ikollhom bejn 6 u 7 snin, iġifieri meta l-iskola jkunu qegħdin year 3.
  2. Biex jagħmlu l-Preċett it-tfal iridu jkunu:
    • Mgħammdin
    • Attendew il-katekeżi tal-Preċett
  3. Jekk il-ġenituri huma residenti f’parroċċa oħra u jridu li l-Preċett isir fil-parroċċa tal-Qawra, iridu jmorru għand il-Kappillan tagħhom. Dan jimla u jtihom il-formola “Permess biex sagrament jiġi amministrat f’parroċċa oħra”. Dil-formola jridu jmorru biha l-Uffiċċju Parrokkjali tal-Qawra (iċċekkja l-ħinijiet tal-ftuħ hawn).
  4. Dettalji oħra jingħataw f’waqthom mill-katekisti u mill-Uffiċċju Parrokkjali permezz ta’ email.

L-ilbies tal-Preċett, Videos u Ritratti

Fil-Parroċċa tal-Qawra, għandna sistema differenti minn dik ta’ ħafna Parroċċi oħra rigward l-ilbies tal-Preċett.

It-tfal li jkunu se jirċievu l-Preċett juzaw libsa li tipprovdi il-Parroċċa. Il-libsa hi l-istess kemm għall-bniet kif ukoll għas-subien, bid-differenza li l-bniet ikollhom ukoll mant u dublett ta’ taħt. Is-subien jridu jilbsu shorts jew bermuda abjad /cream u qmis/flokk abjad. Il-Parroċċa tipprovdi wkoll domna bl-isem ta’ min se jirċievi l-Ewwel Tqarbina.

Qabel l-Ewwel Tqarbina il-ġenituri ikunu mitluba jiġu bit-tfal l-Uffiċċju Parrokkjali biex it-tfal jipprovaw l-lbiesi skond il-qies tagħhom. Xi ġimgħatejn qabel l-Ewwel Tqarbina tkunu tistgħu tiġu l-Uffiċċju Parrokkjali biex tiġbru l-libsa u l-affarijiet kollha li jmorru magħha. Is-subien ikollhom il-libsa, ċintorin u domna filwaqt li l-bniet ikollhom il-libsa, ċintorin, dublett ta’ taħt, mant u domna.

Dakinhar li tinġabar il-libsa, irid jitħalls depożitu fuq il-libsa. Parti minn dan id-depożitu (id-differenza tinżamm għad-dry cleaning) jingħata lura meta l-libsa tittieħed lura l-Uffiċċju Parrokkjali. Għall-ilbies tas-subien irid jitħallas depożitu ta’ €35, u jingħataw lura €20 meta l-libsa tkun irritornata. Fuq l-ilbies tal-bniet ikun hemm depożitu ta’ €50 u u jingħataw lura €30 meta l-libsa tkun irritornata

Rigward ir-ritratti u video, fil-Parroċċa ikollna fotografu uffiċċjali li jieħu r-ritratti. Ir-ritratti jittieħdu kemm waqt il-quddiesa, kif ukoll qabel il-quddiesa f’sala li tkun armata apposta. Jittieħed ukoll filmat taċ-ċelebrazzjoni. Il-ħlas għal DVD bil-filmat u għar-ritratti (li jkunu f’form diġitali) isir ftit żmien qabel l-Ewwel Tqarbina.

Dettalji oħra jingħataw mill-katekisti u mill-Uffiċċju Parrokkjali permezz ta’ email.

Nota: Ġenituri li huma residenti l-Qawra u jixtiequ li t-tfal tagħhom jagħmlu l-Preċett f’parroċċa oħra iridu jimlew il-formola t’hawn taħt biex jieħdu permess. Il-kappillan tal-Qawra jibgħatilhom il-formola “Permess biex sagrament jiġi amministrat f’parroċċa oħra” mimlija bl-email biex ituha lill-Kappillan tal-parroċċa ta’ fejn it-tfal ha jagħmlu l-Preċett.

Home Page