Cesare ma jafx jispjega l-għaliex

Id-29 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 22, 15-21)

“Agħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla u lil Cesare dak li hu ta’ Cesare.” Kemm hu intelliġenti dan Ġesù li jrodd lil kulħadd dak li hu tiegħu! Aħna, però, mhux dejjem daqshekk intelliġenti, għax lil Cesare spiss nagħtuh dak li hu tiegħu, dejjem bit-tama li nieħdu xi ħaġa lura jew għall-inqas li jtina daqskemm tajnieh, imma lil Alla nħalluh b’idu fuq idu. Anzi, spiss nispiċċaw nemmnu li Alla ser joħdilna xi ħaġa.

Cesare dak li hu tiegħu jaf jieħdu. Il-mistoqsija li għamlu dawn l-għedewwa lil Ġesù ma treġix. “Għandna nħallsu t-taxxa lil Cesare?” Mhux ovvja li iva. Cesare, żgur mhux forsi, ma kienx se jħallihom ma jħallsuhiex. Imma Alla jħallik ma tħallashiex u ma jagħmillek xejn; int tkun qed tonqos li tieħu dak li qed joffrilek, imma mhux hu jkun qed jonqos li jtik dak li hu tiegħek. L-iskop tiegħu mhux li int tħallas xi ħaġa imma li jħallas hu.

Araw naqra x’ jgħid San Pawl f’waħda mill-isbaħ frażijiet tiegħu: “Ħassar il-kont tad-dejn li kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħih min-nofs u sammru mas-salib.” (Kol 2, 14).

Jekk lil Alla ntuh dak li hu tiegħu, aħna mmorru minn fuq. Hemm affarijiet li Cesare qatt ma jista’ jtik anke jekk tħallas it-taxxa. Meta tagħti lil Alla dak li hu tiegħu, Hu jagħtik kollox: il-libertà ta’ wlied; l-imħabba sinċiera lejn l-aħwa; ferħ issa u għal li ġej; is-sens veru tal-eżistenza; il-maħfra ta’ dnubiet; mod kif tgħix it-telfiet tal-ħajja u fuq kollox il-Vanġelu ta’ Ibnu; il-mewt u l-qawmien tiegħu. Is-Sid tal-ħajja bħal f’mera jagħtik li tagħraf lilek iniffsek u ssir taf il-libertà.

Cesare dejjem għandu limiti; ma jispjegalekx l-għala u l-kif tal-ħajja. Ma jtikx raġuni għaliex il-ħajja u għaliex il-mewt. Ma jagħtikx sens u ma jifdix it-tbatija. Ma jtikx il-veru ferħ. Dan Alla kollu jagħtih, kemm jekk tħallas, kemm jekk ma tħallasx. Jekk tagħti lil Alla dak li hu tiegħu, fl-aħħar mill-aħħar jagħtik lilu nnifsu.

Iva, Cesare ħaqqu dak li hu tiegħu, u huwa sewwa li ntuh dak li hu tiegħu, imma niftakru li Cesare mhux Alla, u Alla fuq Cesare. Hekk qalu l-ewwel appostli b’kuraġġ u determinazzjoni kbira: “Għidulna intom jekk hux sewwa quddiem Alla li aħna nisimgħu aktar minnkom milli minn Alla; għax aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna.” (At 4, 19-20)

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.