EUSF_Enemy

Xkora Għedewwa

L-10 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 3, 20-35)

Għadna kemm bdejna naqraw il-Kapitlu 3 ta’ San Mark u l-Mulej diġà qed ikollu jħabbat wiċċu ma’ xkora għedewwa. Naqraw “Il-Fariżej ħarġu; minnufih bdew jiftiehmu mal-Erodjani kontra tiegħu kif jeqirduh” (Mk 3, 6). Ir-raġuni kienet li fejjaq raġel b’idu niexfa. Imsieken l-Erodjani u l-Fariżej ippreferew in-nixfa mill-ħajja! Fl-istess kapitlu jduru għalih l-ispirti ħżiena. Għandna wkoll referenza għal Ġuda l-Iskarjota li ’l quddiem kellu jittradih. Naqraw ukoll li mar id-dar u qrabatu stess malli semgħu li kien id-dar ħarġu biex iżommuh għax qalu li tilef moħħu. Il-Kittieba qalu li għandu fih xitan u li bis-saħħa tal-prinċep tax-xjaten li kien qed ikeċċi x-xjaten. X’jonqos iktar? Fariżej, Erodjani, Kittieba, saħansitra familjari! Sewwa jgħid il-Malti: “Meta tiġi iftħilha l-bieb.” 

Imma nsejna l-folla! Il-folla li qiegħda d-dar tiegħu; tinġema’ biex tisma’ l-kelma tiegħu għax imxennqa. Il-folla li tidħol fl-ambjent ta’ familja, fid-dar, fejn jinqasam il-ħobż, il-post tal-intimità. Din il-folla li mistiedna ssir familja. 

Qrabatu jaħsbuh miġnun u ħarġu biex iżommuh, imma Ġesù ma jitkellimx minn qraba f’din is-silta tal-Vanġelu, imma minn ġenituri u aħwa – “Ommi u ħuti.” Il-familja naturali ta’ Ġesù qiegħda barra, ma tistax għalissa tidħol mal-ġemgħa għax Ġesù impenjat li jagħmel minn dik il-ġemgħa familja, li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmlu r-rieda tiegħu. 

Il-familja naturali ta’ Ġesù hi diġà familja bi dritt; issa qed tinbena familja oħra, imsejħa, miġbura u mdawla bil-kelma tiegħu. 

Fil-Film Jesus of Nazareth ta’ Franco Zeffirelli hemm xena li dejjem tolqotni. Hija xena frott l-immaġinazzjoni jew ir-riflessjoni personali tad-direttur, madanakollu tagħmel punt qawwi dwar ir-relazzjoni ma’ Ġesù. Fix-xena tal-kruċifissjoni, waqt li l-Mulej imdendel mas-salib, tiġi ommu Marija, wieħed mis-suldati jwaqqafha għax ma jafx min hi imma ċ-ċenturjun jaqbeż għaliha u jħalliha tmur taħt is-salib. Marija ta’ Magdala tipprova tidħol ukoll imma ċ-ċenturjun isaqsiha min hi. Hi twieġeb li hi waħda minn tal-familja u dan biex jikkonferma jsaqsi lil Marija u din twieġeb li iva, parti mill-familja. 

Abbli xena ta’ film m’għandhiex il-valur ta’ Vanġelu imma tispjegalna din it-trasformazzjoni li għamel Ġesù li daħħal lil min kellu qalbu miftuħa sabiex isir parti mill-familja tiegħu. Id-dar tista’ tidħol imma tibqa’ għadu; tidħol biex tiġġudika, tinbex, tara kif ser taqbad lil xi ħadd fl-iżball għax ċert mill-verità tiegħek. Imma verità mingħajr imħabba hija gidba, verità li teskludi hija tentazzjoni ta’ suppervja. Il-Fariżej u l-bella kumpanija dan li ma fehmux. Ma fehmux li anke min ma kellux il-verità, skont huma sħiħa, ukoll seta’ jipparteċipa u jkun parti mill-familja ta’ Ġesù. Mhux ta’ b’xejn li Ġesù darba qalilhom li: “Pubblikani u nisa tat-triq jidħlu qabilkom fis-Saltna ta’ Alla” (Mt 21, 32). 

Kemm-il darba aħna wkoll ridna l-ewwel naraw wieħed kif jaħsibha, x’jemmen, kif qed jgħix u mbagħad naraw jistax jidħol magħna jew le. Kemm-il darba smajna li l-Knisja qisha club, jekk taqbel mar-regoli tagħha għandek postok, jekk ma taqbilx mhux postok hemm. F’termini umani tagħmel sens, f’termini ta’ ħniena ta’ Alla għandi dubji serji jekk nistgħux nibqgħu nużaw dan l-argument. 

Jalla aħna wkoll, sew jekk aħna fuq in-naħa tal-Fariżej u l-klikek l-oħra, sew jekk aħna minn qrabatu, sew jekk aħna parti mill-ġemgħa, nissaħħru wara l-kelma ta’ Ġesù u nsiru parti mill-familja tiegħu. Il-bidla jekk hemm bżonn tiġi wara.

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

EUSF_Confused

Mhux hekk!

It-Trinità Qaddisa (Mt 28, 16-20)

Tajba din, tahom ix-xogħol u telaq u ħalliehom jaqdfu waħidhom. Fil-missjoni li fdalhom f’idejhom spiss kellhom jindunaw u jiskopru kif din il-kelma tiegħu, li hu ser ikun dejjem magħhom, kienet vera. Spiss min ixandar il-Vanġelu jkollu jagħmel l-istess esperjenza. Il-missjoni li fdalhom f’idejhom ma kinitx faċli u, meta tiftakar li kollha jew kważi spiċċaw maqtula, il-ħaġa ma timliekx bil-kuraġġ. 

Allura lil dawn l-imberkin Appostli x’kien li ħalliehom jibqgħu għaddejjin minkejja li kellhom dinja x’jevanġelizzaw u kellhom iseffqu wiċċhom ma’ ħafna taħbit u persekuzzjonijiet? 

Żgur li l-esperjenza tal-Mulej Ġesù fil-ħajja tagħhom kienet waħda qawwija. Huma għexu miegħu u wara li ħafna drabi ma fehmuhx bil-qawwa tal-Ispirtu bdew jindunaw li l-Mulej Ġesù kien preparahom għal kollox. 

L-Appostli, fis-snin li għamlu jterrqu ma’ Ġesù, żgur li tgħallmu li l-Messija kien hu u huma kienu biss dixxipli. Kienu jafu li l-qawwa hi tiegħu u mhux tagħhom għax kull darba li fdaw lilhom infushom u żżattu waqgħu għaċ-ċajt. 

L-Appostli tgħallmu wkoll li ma jintrabtux mal-komunitajiet li huma waqqfu. Ħafna drabi, l-Atti tal-Appostli jurina li kienu jwaqqfu komunitajiet imbagħad jitilqu u jħallu l-komunità timxi. Pawlu, insibuh ħafna drabi jagħti istruzzjonijiet u pariri kemm lil nies individwali kif ukoll komunitajiet sħaħ, imma mingħajr ma kien hemm il-bżonn li hu jkun dejjem u kullimkien. 

Tgħallmu wkoll jaraw lill-Mulej fl-għeġubijiet li hu kien jagħmel permezz tagħhom; fl-Insara ġodda li kienu jitgħammdu, fil-mirakli li kienu jsieħbu l-predikazzjoni tagħhom, fil-qawwa li għandu l-Vanġelu anke fil-mumenti ta’ persekuzzjoni. 

U aħna li għadna hawn?

Anke aħna, f’dinja tant differenti minn dik li għexu l-Appostli, mistiedna jkollna l-istess atteġġjamenti li l-Mulej rawwem fihom. 

Qabelxejn anke aħna mistiedna nagħmlu esperjenza qawwija tal-Mulej Ġesù. Niftakru li l-Mulej ma sejħilniex biss biex nippritkaw imma anke biex noqogħdu miegħu. Kemm-il darba ħdimna għall-Mulej imma lill-Mulej inħossuh seba’ mili ’l bogħod għax ma nsibux ħin xi nqattgħu miegħu? L-Appostli kellhom jitgħallmu li kollox jiddependi fuq Alla u aħna ħafna drabi naħsbu li kollox jiddependi minna. X’ma negħjewx u x’ma nixbgħux! L-Appostli kellhom jitgħallmu li huma ma kinux il-Messija u aħna, għalkemm nistqarruha bil-kliem, bil-fatti nġibu ruħna daqslikieku d-dinja ser insalvawha aħna. 

L-Appostli kellhom isofru l-martirju u din għalihom kienet realtà ċara ħafna. Jekk għamlu hekk mal-Imgħallem l-istess kellhom jagħmlu magħhom ukoll. Għalina mhux dejjem ċara għax aħna ngħixu taħlita ta’ prestiġju li jtina l-ministeru jew aħjar il-pożizzjoni tagħna u kultant ta’ persekuzzjoni wkoll. Għal ħafna sekli l-preparazzjoni li tkun dixxiplu ta’ Ġesù kienet ukoll preparazzjoni għall-martirju. Għalina l-ħaġa mhux dejjem ċara. U allura iktar ma nagħmlu paċi malajr mar-realtà li d-dixxipulat huwa ċaħda u rfigħ tas-salib nibqgħu niddamdmu kull darba li nsibu x-xkiel. 

Jalla l-Mulej itina dawk l-għajnejn tiegħu biex nifhmu li l-ferħ tal-Vanġelu jibqa’ sħiħ anke fil-mumenti ta’ dlam. Jalla l-Mulej itina l-għarfien li l-missjoni fdahielna f’idejna imma tibqa’ tiegħu fiċ-ċertezza li hu dejjem magħna sal-aħħar taż-żmien.

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

EUSF_Dynamite

Dinamita

It-Tifkira Solenni tal-Miġja tal-Ispirtu s-Santu (Ġw 20, 19-23)

Tafu x’inhi d-dinamita u tafu min ivvintaha? Hija taħlita ta’ nitroclicerin, tafal u kimiċi oħra li flimkien jagħmlu materjal splussiv li jintuża biex jitfarrak il-blat. Tintuża ngħidu aħna biex jinstab il-faħam; dan s’issa għadu ma nstabx fuq xi siġra jew fil-baħar, imma fil-blat. Biex jinstab irid jinfaqa’ l-blat u tinħoloq mina. Bilħaqq insejt ngħidilkom min ivvintah. Alfred Nobel ivvintah, dak li għalih hu msejjaħ il-Premju Nobel.

Interessanti l-fatt li Alfred Nobel qabel ma semma din it-taħlita esplossiva ‘dinamita’, l-ewwel kien sejħilha Nobel Blasting Powder. Imma wara li ltaqa’ mal-kelma Griega ‘dynamis’ li tfisser ‘qawwa’, bidel l-isem u ħareġ b’dak li nafu bih illum.  

Lanqas taqtgħu! Meta nkitbu l-Vanġeli, l-Evanġelisti użaw din il-kelma biex ifissru min hu l-Ispirtu s-Santu fl-attribut tiegħu ta’ qawwa. Meta l-Arkanġlu Gabrijel iħabbar lil Marija jgħidilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek” (Lq 1, 34). Ġesù qabel ma jitla’ s-sema jgħid lill-Appostli: “Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art” (At 1, 8). San Pawl jgħidilna li: “Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan” (2 Tim 1, 7).

U proprju dan li ġara dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin. L-Appostli kienu fiċ-ċenaklu, forsi mhux imbeżżgħin imma żgur ma kinux jafu x’jaqbdu jagħmlu. Dan Ġesù telaq, u qabel telaq talabhom biex ixandru l-Vanġelu, biex joħorġu barra jgħidu lin-nies li Alla jħobbhom. Imma kif setgħu jagħmlu dan jekk ġa hemm barra għandhom l-għedewwa, u min kien ser jemminhom li Ġesù qam mill-mewt? Jaħsbuhom imġienen. Imma kif jista’ jkun? U baqgħu hemm jitolbu lil Alla biex jurihom kif jagħtihom il-kuraġġ. U f’ħin minnhom jinstema’ ħoss bħal ta’ riħ qawwi u mela d-dar kollha, u dehru fuqhom bħal ilsna qishom tan-nar u mtlew bl-Ispirtu s-Santu – dynamis – qawwa. Verament kien dinamita l-Ispirtu s-Santu għax sparahom ’il barra! Il-kumplament tal-istorja nafuh. Din mhix storja ivvintata; l-Appostli xterdu mad-dinja, u xandru lil Ġesù. Illum bis-saħħa tagħhom aħna Nsara. 

Jien ninsab ċert li aħna għandna bżonnha din il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Id-dinamita tkisser il-blat! U ser ikun hemm ċirkustanzi fil-ħajja li qalbna tkun bħall-blat, iebsa, u kull meta qalbna ssir blata, ikun hemm bżonn id-dinamita, l-Ispirtu s-Santu. 

L-Ispirtu jkisser il-blat meta qalbna tibża’ tagħmel it-tajjeb. Jagħtina l-qawwa biex nagħmlu deċiżjonijiet favur it-tajjeb! Jagħtina l-qawwa ma nibżgħu minn ħadd u minn xejn meta niġu biex nagħmlu t-tajjeb. 

Tiftakru x’għamel San Massimiljanu Kolbe? L-Ispirtu s-Santu jagħtih il-qawwa biex jagħżel li jmut flok wieħed li kellu familja. L-Ispirtu s-Santu jagħtih il-qawwa biex joħroġ mir-ringiela tiegħu u jmur biex jagħti ħajtu. 

L-Ispirtu s-Santu jagħti l-qawwa lil San Ġorġ Preca sabiex jiġġieled l-injoranza, jagħti l-qawwa lil San Franġisk ibus lil-lebbruż, jagħti l-qawwa lil Madre Tereża tagħti ħajjitha lill-foqra. 

L-Ispirtu s-Santu jkisser il-qtigħ ta’ qalb. Flok il-mewt tat-tgergir jagħtik il-qawwa li tieħu azzjoni. Flok tgħid: “Kullimkien dlam,” l-Ispirtu s-Santu jagħtik il-qawwa tixgħel xemgħa! 

L-Ispirtu s-Santu jagħtik ħarsa ġdida, imġedda! U forsi m’għandniex bżonn dil-ħarsa ġdida fuq kollox?! L-iskumdità li joħolqu fina s-sitwazzjonijiet tal-biża’ u ta’ dak kollu li jiġri madwarna trid iġġegħelna ngħidu “Ejja! Ejja! Ejja Spirtu qaddis u ġedded il-wiċċ tal-art.” Id-diffikultajiet mhux qegħdin hemm biex jgħaffġuna imma biex insejħu lill-Ispirtu, il-Mulej li jagħti l-ħajja! 

Ftakru f’Eżekjel, dik il-viżjoni makabra tal-art mimlija skeletri, togħma ta’ mewt imma li l-Ispirtu jerġa’ jagħmilhom ħajjin (Eż 37, 1-14). Ir-riħ li jaqla’ l-qadim u jġedded il-wiċċ tal-art. Dak in-nar li jeqred il-ħmira l-qadima ħalli nieklu ħobż frisk. Dak l-ilma li mhux ilma qiegħed u jinten imma xmajjar ta’ ilma ħaj. 

L-Ispirtu hemm qiegħed. Issa ddeċiedi tiftaħlux jew le! Kulma trid issejjaħlu: “Ejja Spirtu s-Santu.”

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

EUSF_ManNewStart

L-Arti li tħalli

It-Tifkira Solenni ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema (Mk 16, 15-20)

Bejn l-ewwel qari li qrajna u l-Vanġelu li ġie proklamat lilna hemm xi differenzi. Il-Vanġelu li smajna jgħidilna li wara li Ġesù tela’ s-sema l-Appostli marru jippritkaw kullimkien. Luqa, b’differenza minn Mark, fl-Atti tal-Appostli jgħidilna li fuq ordni ta’ Ġesù l-Appostli kellhom jibqgħu Ġerusalemm sakemm isseħħ il-wegħda. Il-wegħda kienet li kellu jissawwab fuqhom l-Ispirtu s-Santu. L-Atti jgħidilna li l-Appostli telgħu d-dar fejn kienu joqogħdu u kienu jitolbu ma’ xi nisa, ma’ Marija, Omm Ġesù, u ma’ ħutu. 

X’qagħdu jagħmlu l-Appostli, in-nisa, ħutu u Marija f’dawk il-ġranet sa ma niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu? Fil-fehma tiegħi, għamlu 3 ħwejjeġ. 

1. Ippruvaw jindunaw x’sens kellu dak li ġara fil-ġrajja tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. 

2. Għażlu xi ħadd li jieħu post Ġuda l-Iskarjota – Mattija (ara Atti 1, 12). 

3. Irriflettew fuq it-tlugħ tal-Mulej fis-sema. 

F’dawn it-tliet ġrajjiet l-Appostli fit-talb kellhom jelaboraw it-telfiet li kienu ġarrbu: it-telfa tal-Mulej fil-mewt tiegħu; it-telfa ta’ Ġuda; it-telfa tal-Mulej fit-tlugħ tiegħu fis-sema. 

L-Appostli kellhom jelaboraw il-mewt ta’ Ġesù li għalihom kienet ta’ xokk u trawma kbira. Kellhom jelaboraw il-kurċifissjoni u jibdew jaraw lil Ġesù bħala dak li qam. Ix-xokk kien tant kbir li f’kull dehra ta’ Ġesù wara l-qawmien m’għarfuhx jew m’emmnux. Kellhom jinqalgħu mill-idea li Ġesù huwa biss dak l-ifflaġellat u mislub. Kellhom jagħmlu l-kontijiet mat-telfa traġika ta’ Ġuda, mat-tradiment tiegħu u tagħhom. Kellhom jinħabbu mal-fatt li Ġesù issa m’għadux magħhom fiżikament; mhux ser jisimgħu iktar leħnu, mhux ser jesperjenzaw iktar il-mirakli tiegħu u l-preżenza tiegħu li tagħti sigurtà. 

L-istess esperjenza jeħtieġ li nagħmlu aħna; li nitgħallmu nħallu, li nelaboraw it-telfiet tagħna. Jekk aħna ma naħdmux fuq dak li tlifna qatt u qatt ma jista’ jitwieled xejn ġdid f’ħajjitna. Jekk aħna ma naħdmux fuq il-weġgħat tagħna, qatt ma nistgħu nkunu miftuħa għall-fejqan. Jekk neħlu fil-weġgħat tagħna, nispiċċaw ngħaddu lil ta’ madwarna l-uġigħ tagħna u qatt ma naslu ngħaddulhom it-tama. Nispiċċaw ngħaddulhom il-pjagi mimlija demm, jintnu u jdennu imma qatt il-pjagi ta’ min għadda mill-mewt għall-ħajja. 

Ilkoll kemm aħna għandna xi nħallu. 

Forsi bħala individwi rridu nħallu t-tfulija tagħna fejn kollox idur magħna u fejn b’bikja u tisbit tas-saqajn nakkwistaw kulma rridu. Forsi rridu nħallu ż-żgħożija tagħna u nindunaw li qed nikbru, jew aħjar li kbirna u m’għadux żmien ir-romantiċiżmu u l-passjonijiet kbar u qawwija. 

Forsi rridu nħallu l-ħolm li kellna fuq kif kellha tiżvolġi ħajjitna, fuq kif kellu jkun iż-żwieġ tagħna, fuq kif kellha tkun il-ħajja mingħajr it-traġedji li mingħajr ma għażilniehom ġrawlna. 

Forsi rridu nħallu l-ħolm li kellna fuq uliedna, mill-mod kif rabbejniehom u l-mod kif qed jgħixu, jew sempliċiment il-ħolm li aħna obbligajniehom joħolmu magħna u għalina. Hekk biss uliedna nistgħu narawhom jitwieldu quddiem għajnejna. 

Forsi aħna bħala Knisja rridu nħallu l-idea ta’ knisja tal-folol fejn kulħadd jisma’ minnha; fejn m’hemmx kontradizzjonijiet bejn il-fidi u l-ħajja pubblika. Forsi rridu nħallu l-idea ta’ kunventi mimlija patrijiet u sorijiet u seminarji mimlija seminaristi. 

Kieku l-Appostli weħlu fil-mewt ta’ Ġesù qatt ma kienu jesperjenzaw il-qawmien. Kieku l-Appostli żammu lil Ġesù milli jitla’ s-sema qatt ma kienu jesperjenzaw l-Ispirtu s-Santu u l-Knisja ma kienet titwieled qatt. Kieku ma ħallewx l-esperjenza ta’ Ġuda kieku qatt m’għażlu lil Mattija. 

Imma l-Appostli ħallew, tgħallmu jħallu u l-Ispirtu niżel b’qawwa u bil-freskezza tiegħu ħoloq il-ġdid. Mhux ta’ b’xejn li nsejħulu: “L-Ispirtu li jagħti l-ħajja.” 

Ejjew aħna wkoll nitgħallmu nħallu. Nidħlu f’din l-esperjenza ta’ tiġdid. Mhux biżżejjed li nitolbu lill-Mulej jurina minn xiex irridu ninħelsu imma nitolbuh ukoll jurina ‘għal xiex’ irridu ninħelsu. Ġesù wegħedna li meta jiġi Hu, l-Ispirtu s-Santu jwassalna għall-verità kollha. 

Aħseb ftit! Ma’ xiex int marbut? Illum tiqafx taħseb kemm ser tbati għax ser ikollok tħalli imma x’ser tirċievi hekk kif tinħeles. Niftakru fil-kelma ta’ Ġesù: “Il-mara, meta tkun ser tiled tħossha mdejqa; iżda meta tkun twieldet it-tarbija, ma tiftakarx iżjed fl-uġigħ, bil-ferħ li twieled bniedem fid-dinja. Hekk intom, issa tħossukom imdejqa; imma għad nerġa’ narakom u qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom” (Ġw 16, 21-22).

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

EUSF_Eagle

Ajkla

Is-6 Ħadd tal-Għid (Ġw 15, 9-17)

Dan l-aħħar kont party ta’ birthday u min kien qed jiċċelebra għeluq sninu qal: “L-ikbar kontribut li għamilli t-tali kien meta qalli li jien tiġieġa.” Ħadd ma fehem mal-ewwel u l-kumment tat-tali għall-bidu, f’għajnejna, deher kemxejn dispreġjattiv, sakemm min kien qed jiċċelebra l-birthday spjega iktar fid-dettall. Il-frażi kompluta kienet li t-tali, li nzerta kien patri, qal lil din is-sinjura: “Jien irrid nagħmel minnek ajkla u int trid tibqagħli tiġieġa.” Hekk id-diskors ħa sens ieħor u kulħadd fehem kemm dan il-patri kellu għal qalbu li din il-persuna tikber. Żgur li tgħin lil xi ħadd biex jikber hija forma privileġġata ta’ mħabba. Ġesù fil-Vanġelu tal-lum jgħid lill-Appostli tiegħu li hu ħabbhom kif il-Missier ħabb lilu. Qed jitkellem dwar l-imħabba, kelma li lilna ġġenninna. Nieħdu n-nifs xħin nisimgħuha u ħafna drabi nsibuna nixxennqu għaliha.

Imma x’inhi l-imħabba? Ħafna drabi jkollna l-idea li l-imħabba hija biss kwistjoni ta’ tgħanniq, bews u viċinanza fiżika. Ovvjament dawn huma kollha sinjali ta’ mħabba, imma nafu wkoll li kultant jistgħu jkunu eżattament l-oppost ta’ dak li oriġinarjament suppost li jfissru. Ġuda l-Iskarjota lil Ġesù biesu, imma ħadd ma jista’ jgħid li f’dak il-mument li kien qed ibusu kien qed iħobbu! Kultant għandna l-idea li l-imħabba hija biss dawk is-sentimenti romantiċi li nisimgħu f’ħafna mil-love songs. Jiġrilna li nifhmu l-imħabba biss fl-ewwel stadji tan-namur. Nafu wkoll li anke f’dan il-mument l-imħabba tista’ ma tkunx fil-verità kollha tagħha, u jekk ma timmaturax issir biss ġirja sfrenata biex il-persuna li tħobbni timla l-vojt li nkun qed inġorr f’qalbi. Hawn min jaħseb li l-imħabba hija wkoll il-libertà konċessa lill-individwi biex jagħmlu dak kollu li jridu. Huwa d-diskors ta’ meta l-imħabba ma tiġix aċċettata bħala rigal imma meqjusa bħala dritt.

“Kif ħabbni Missieri hekk ħabbejtkom jien” (Ġw 15, 1), jgħid Ġesù. U kif ħabbhom Ġesù lid-dixxipli tiegħu? Il-Vanġelu ma jgħidx li qagħad il-ħin kollu jgħannaq fihom. Mela kif ħabbhom? Ġesù kien preżenti fil-ħajja tagħhom. Qabelxejn l-imħabba hija preżenza. Fuq id-dgħajsa, f’baħar imqalleb, Ġesù kien rieqed, imma kien hemm. L-imħabba hija dik il-preżenza ta’ xi ħadd li ma jsolvilekx il-problemi, imma waqt li qed iġġorrhom qiegħed hemm, miegħek. 

Ġesù ħabbhom billi kien kapaċi jismagħhom. Żgur li tiftakruh jisma’ dak li kien qed itaqqal qalb Nikodemu meta kien imur għandu billejl biex jiftaħ qalbu miegħu. Ġesù ħabb id-dixxipli tiegħu billi sfidahom jemmnu. Mhux dejjem kien ħelu magħhom. Darba minnhom insibuh jgħidilhom: “Kemm se ndum magħkom, kemm se ndum nissaportikom” (Mt 17, 17). Dak li kellu jgħidilhom, qalulhom, u dan ma jfissirx li ma kienx iħobbhom. 

Ġesù jħobbhom billi jħallihom liberi. Ma ridhomx ikkakkmati miegħu għax kieku kienu jkunu qegħdin miegħu għax jaqblilhom. Ma wegħedhomx l-ilma jiżfen biex jeħlu miegħu. Infatti kien hu li qalilhom: “Tridux tmorru intom ukoll” (Ġw 6, 67). Fil-Ġnien taż-Żebbuġ ra kif għamel u talab lis-suldati biex iħalluhom imorru. U hu baqa’ waħdu! U dik hija wkoll imħabba!

Ħabbhom billi ma ċappsilhomx id-dnub tagħhom ma’ wiċċhom. Kellu għal xiex itihom tgħajjira tajba hekk kif qam mill-imwiet, imma l-ewwel kliem li jlissen kien l-awgurju tas-sliem. Minkejja l-fraġilità evidenti tagħhom Ġesù jafdahom bil-Vanġelu. 

Verament minn tiġieġ għamilhom ajkli. 

U int lil min tħobb tħallih tiġieġa jew tgħinu jsir ajkla?

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

EUSF_ReachingOut

Xejn xejn

Il-5 Ħadd tal-Għid (Ġw 15, 1-8)

“Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15, 5). Immaġina jiġi xi ħadd fuqek u jgħidlek: “Mingħajri ma tista’ tagħmel xejn.” Inti wisq probabbli f’qalbek jew b’vuċi li tinstema’ tgħidlu: “Sieħbi, int min taħseb li int?” Kważi għandek kull dritt tiġġudikah u tgħid li t-tali huwa mimli bih innifsu, li kibritlu rasu, li ma jafx x’inhu jgħid. Ngħiduha kif inhi mhux bilfors li jkollok tort f’dan il-ġudizzju. In-natura indipendenti tiegħek abbli malajr tirribella lejn xi ħadd li mal-ewwel daqqa t’għajn bħal donnu jrid jagħmlek dipendenti fuqu; irid jaħkmek.

Min qal din il-frażi kien żagħżugħ ta’ bejn wieħed u ieħor tlieta u tletin sena. Żagħżugħ li dar dejjem fl-istess kilometri ta’ art; li qatt ma baħħar, qatt ma siefer, li ma kienx sultan, li ma kellux flus, li ma kienx jiġri wara l-popolarità, li ma kellu setgħa fuq ħadd.

Allura x’jedd kellu li jiġi jgħidlek li mingħajru ma tista’ tagħmel xejn? 

L-unika preokkupazzjoni tiegħu kienet li inti tista’ (allaħares qatt) ma tagħmilx frott. Mhux inkwetat li int jista’ jkun li ma tinfaqax bil-flus, anqas mhu jinkwieta li int tista’ ma tkunx popolari. L-inkwiet tiegħu mhux li int ikollok is-setgħa fuq xi ħadd, u anqas li tagħmel konkwisti kbar. Mhux l-inkwiet tiegħu li int ma tiksibx suċċess jew li ma tkunx effiċjenti daqskemm id-dinja tridek li tkun effiċjenti. L-inkwiet tiegħu hu li int ma tagħmilx frott. Infatti jgħid: “Jiena d-dielja vera u missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar” (Ġw 15, 1-2). U jkompli: “Din hi l-glorja ta’ missieri, li intom tagħmlu ħafna frott, u tkunu dixxipli tiegħi” (Ġw 15, 8). Jixtieqek tikber, tisbieħ u tagħmel il-frott.

U x’inhu dan il-frott?

Wieħed mill-ikbar ħbieb tiegħu stqarr li l-frott tal-Ispirtu huma dawn li ġejjin: “L-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5, 22-23). Mentri, ikompli l-appostlu li: “L-għemejjel tal-ġisem huma magħrufa: żina, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbaħrid, u ħwejjeġ bħal dawn” (Gal 5, 19-21).

Tifhem li l-ewwel tip ta’ frott jagħmluk ħieles; mentri t-tieni tip ta’ frott huma kollha ħwejjeġ li fil-verità, anke jekk fil-bidu jidher bil-kontra, joħonqulek il-libertà. Il-bniedem tassew ħieles huwa dak li kapaċi jirreżisti r-rabja, kapaċi ma jifridx, ma jgħirx. Li tagħmel l-għemejjel tal-ġisem huwa ħafna iktar faċli, imma hemm prezz xi tħallas; il-bejgħ tal-libertà tiegħek.

Ikompli d-dixxiplu tiegħu: “Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa. Żommu sħiħ, u terġgħux tmiddu għonqkom għall-madmad tal-jasar” (Gal 5, 1).

Huwa ovvju li ma tistax tikseb il-frott tal-Ispirtu bil-ħila tiegħek biss. Is-self- healing waħdu ma jeżistix, huwa permezz tal-istess Spirtu ta’ dak li qallek li mingħajru ma tista’ tagħmel xejn li inti tista’ tikseb il-ħelsien veru.

Kif tarmi lilU; miegħu tarmi l-libertà tiegħek ukoll. Għalhekk dik li fil-bidu dehret bħala dipendenza jew ħakma, issa ssir għajn ta’ ħelsien, għax mingħajru u mingħajru biss ma tista’ tagħmel xejn. BiH tista’ tagħmel kollox, tibda ftit ftit tinħall minn kulma jżommok skjav u tieqaf tibża’ li titlef xi ħaġa għax ma jkollokx iktar x’titlef. Tieqaf tibża’ titkellem għax taf li b’li tgħid mhu ser titlef xejn għax fiH għandek kollox; u fid-dlam tkun fid-dawl, fil-biża’ tkun qawwi, fil-mard f’saħħtek, fil-ħabs liberu.

Tal-għaġeb dak li kiteb l-appostlu mill-ħabs ta’ Ruma qrib is-sena sittin: “Għalih jien qiegħed inbati sal-irbit tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt. Imma l-kelma ta’ Alla mhijiex marbuta” (2 Tim 2, 9).

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

EUSF_GoodShepherd

Ragħaj jew Mikri

Ir-4 Ħadd tal-Għid (Ġw 10, 11-18)

Hija waħda mill-isbaħ xeni li għandna fil-Vanġelu din! Ir-ragħaj, proprjament mhux it-tajjeb, imma s-sabiħ! Kalos (sabiħ) insibu fil-Vanġelu (mhux agatos – tajjeb). Imma aħna drajna ngħidulu r-Ragħaj it-tajjeb! Allura, jekk naqblu nistgħu nsejħulu biż-żewġ aġġettivi f’daqqa, għax wara kollox hekk hu: Ragħaj sabiħ u tajjeb! 

U x’inhi s-sbuħija ta’ dan ir-ragħaj? Hija li jagħti ħajtu. F’dawn is-7 versi tal-Vanġelu li għadna kemm smajna nsibu ħames darbiet il-frażi: “Jagħti ħajtu jew nagħti ħajti.” Ġesù qed jagħmel paragun bejn ir-ragħaj il-mikri, li jipprova jsalva lil ħajtu, u r-ragħaj is-sabiħ li jagħti ħajtu. Il-mikri huwa r-ragħaj tal-kompromessi; li jagħmel dmiru sakemm ma jinqalax inkwiet, sakemm ma jkunx hemm sitwazzjonijiet tal-biża’, sakemm kollox sejjer sew u miexi fuq ir-rubini. Il-mikri huwa dak li qatt ma jieħu riskji għax kif inhu jinsab tajjeb. 

San Pietru, li fit-Testment il-Ġdid għandu żewġ ittri sbieħ ħafna, jitkellem ukoll fuq ir-ragħajja. Lil Ġesù jsejjaħlu r-Ragħaj il-Kbir! Jgħidilna hekk Pietru; f’silta li hija indirizzata lill-ewwel saċerdoti, dak iż-żmien imsejħa iktar presbiteri: 

“Irgħu l-merħla ta’ Alla fdata f’idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma minn qalbkom, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx, imma bil-ħeġġa tal-imħabba; mhux bħallikieku taħkmu bil-qawwa fuq dawk li messewkom b’xortikom, imma billi tkunu eżempju tal-merħla. Imbagħad, meta jidher ir-Ragħaj il-Kbir, tiksbu l-kuruna tal-glorja minsuġa minn ward li ma jidbielx” (1 Pt, 5).

Pietru, hu li kellu jitgħallem mingħand Ġesù kif ikun ragħaj, jasal imbagħad jikteb x’inhuma l-kwalitajiet ta’ ragħaj. 

1. Il-merħla mhix tar-ragħaj imma hija fdata f’idejH. Il-merħla hija tar-Ragħaj il-Kbir. Allura din timlieh bir-responsabbiltà li tagħha jrid jagħti kont lir-Ragħaj il-Kbir. Ir-Ragħaj il-Kbir għandu fiduċja fir-Ragħaj iż-Żgħir imma din il-fiduċja trid tissarraf f’kura li r-ragħaj irid ikollu għall-merħla, infatti jgħid: “Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma bil-qalb.”

2. San Pietru jgħid ukoll li min jieħu ħsieb il-merħla jrid jieħu ħsiebha mħeġġeġ mill-imħabba, u mhux għall-qligħ baxx. X’inhu l-qligħ baxx? Huwa meta r-ragħaj iservi l-merħla biex jieħu xi ħaġa minn fuq daharha. Il-qligħ baxx mhux bilfors flus imma jistgħu jkunu pjaċiri, sodisfazzjon affettiv, attenzjoni żejda, approvazzjoni, xi ħadd li jimxi warajh u jċapċaplu dejjem. Dan huwa wkoll qligħ baxx. Wara kollox, bl-ikbar rispett lejn dawk li għandhom il-professjoni ta’ ragħajja, fil-ħajja normali hekk isir. Ir-ragħaj lin-nagħġa jżoqqha, imantniha, imma biex fl-aħħar joħdilha s-suf, imbagħad joqtolha u jew isajjarha jew ibigħha. Ħeqq! Ir-ragħaj li jpenġilna Ġesù lin-nagħġa iktar jittrattaha ta’ ‘pet’ milli ta’ nagħġa li xi darba għad tispiċċa fil-borma. Ħafna drabi jista’ jkollna din it-tentazzjoni li nservu n-nies biex nieħdu xi ħaġa lura. 

3. San Pietru jitlobna wkoll biex inkunu ta’ eżempju għall-merħla. U kif inkunu ta’ eżempju? Billi nagħmlu l-konverżjoni li minn ragħajja nsiru ħaruf! X’taħwid! U forsi r-Ragħaj il-Kbir mhux hekk għamel? Hu li hu r-ragħaj sar il-ħaruf meħud għall-qatla. Kemm hi sabiħa hux? Imma kemm hi diffiċli! Kemm trid tiġġieled biex tingħata mingħajr tgergir, tħassib, interessi. Imma allura jagħmlilna kuraġġ il-parir li jagħtina l-Awtur tal-Ittra lil-Lhud li nsibu fit-Testment il-Ġdid: “Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu” (Lh 12, 2). 

Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù! Xi ġmiel! Din sabiħa tafux. Hekk biss jista’ jkollna l-kuraġġ inkunu ragħajja ta’ vera! Jekk inħarsu lejn Ġesù, għax Ġesù sabiħ, Kalos għedna fil-bidu. Ġesù huwa ġmiel, anke fuq is-salib, anzi hemm huwa l-ikbar ġmiel għax hemm ta ħajtu għall-merħla. 

Illum, kif tafu, huwa Jum il-Vokazzjonijiet! Aħna llum irridu nitolbu għal iktar ragħajja ferħana! Tgħiduli għaliex mhux qaddisa, imma ferħana!? Għax il-qdusija hija vokazzjoni għall-ferħ. Il-Papa tafux kiteb ktieb sħiħ fuq il-qdusija u semmieh Gaudete et exultate – Ifirħu u thennew! Anke Ġesù, xi jsejħilna? “Henjin.” Mela llum nitolbu biex is-saċerdoti tagħna jkunu saċerdoti u patrijiet ferħana bil-vokazzjoni tagħhom. Darba kien hemm isqof qalilna: “Saċerdoti frustrati ma jagħmlux ġid; la għalihom infushom u lanqas għall-Knisja.” Nitolbu wkoll biex dan il-ferħ li ġġib magħha l-vokazzjoni Nisranija, reliġjuża u saċerdotali, tqanqal oħrajn li jwieġbu għas-sejħa li jagħtu ħajjithom għall-merħla.

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

EUSF_HappyFace

Ma Emmnux bil-Ferħ

It-3 Ħadd tal-Għid (Lq 24, 35-38)

Meta xi ħadd ikun f’relazzjoni li tkun qed timlielu ħajtu faċli tinduna. Il-persuna bħal donnha tinbidel. Il-wiċċ ta’ xi ħadd innamrat jitkellem waħdu; l-għajnejn jixegħlu u l-wiċċ bħal donnu jilma bid-dija. Żmien l-Għid li qed niċċelebraw huwa tassew stedina għall-ferħ. Kultant il-ferħ ta’ xi ħadd iqajjem stagħġib fl-oħrajn u kultant xi naqra għira wkoll. Forsi ġieli ġralkom li tiltaqa’ ma’ persuna ferħana u f’moħħok l-ewwel kliem li jgħaddi jkun: “Dan l-għaġeb kollu għalfejn.” Jista’ jkun li tgħir għall-persuna li tkun ferħana u jekk l-għira tkun xi naqra qawwija faċli li konxjament jew inkonxjament tara kif tagħmel biex tniżżel il-persuna minn fuq il-muntanja għar-realtà pragmatika nieqsa mill-ferħ.

Forsi nistgħu nlumu d-dixxipli li ma jaslux jemmnu f’Ġesù imma rridu niftakru li dan jagħmluh imqanqlin mill-ferħ. Toqgħod tajba l-espressjoni: “Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma ridux jemmnu” (Lq 24, 41). 

Ħafna drabi ninsew li l-ħajja Nisranija minkejja s-salib hija stedina għall-ferħ. Fil-Vanġelu l-istedina għall-ferħ hija kostanti: “Araw, qed inħabbrilkom ferħ kbir” (Lq 2, 10). Hekk insibu miktub fl-ewwel noti tal-Vanġelu ta’ San Luqa. Marija wkoll tgħid li: “kull nisel jibda jsejjaħli hienja” (Lq 2, 48). Eliżabbetta wkoll tesprimi li t-tarbija li kienet qed iġġorr fil-ġuf qabżet bil-ferħ (Lq 2, 43). L-istess Luqa jgħidilna li meta Ġesù laqa’ lura d-dixxipli tiegħu, wara li bagħathom għall-missjoni, tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu (Lq 10, 21). Nimmaġina li meta qrabatu ħarġu biex iżommu lil Ġesù għax ħasbu li tilef moħħu dan għamluh għax Ġesù wera sinjali evidenti ta’ ferħ. Fl-Atti nsibu li proprju kien ferħ għad-dixxipli li jkunu ppersegwitati. Insibu dan il-pass meraviljuż ta’ reżistenza appostolika:

“Sejħu lill-Appostli quddiemhom, u, wara li tawhom is-swat, ordnawlhom li ma jitkellmux fuq l-isem ta’ Ġesù; imbagħad telquhom. Iżda huma ħarġu minn quddiem is-sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù. U kuljum, fit-tempju u fi djarhom, kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù huwa l-Messija” (Att 5, 41). 

Ġesù nnifsu meta jitkellem fuq il-persekuzzjoni jgħid: “Ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax ħlaskom kbir fi smewwiet” (Mt 5, 11). 

U aħna? Għaliex kultant inħossuna daqshekk ’il bogħod mill-ferħ? Għaliex kultant qisna għamilna biss mill-ħajja Nisranija sejħa għad-dwejjaq u d-delużjoni milli stedina għall-ferħ?

Jista’ jkun għax:

Għadna ma ltqajniex ma’ Ġesù ħaj;

Għadna kkonċentrati wisq fuq il-bżonnijiet tagħna;

Għadna m’aċċettajniex l-umanità tagħna;

Għadna wisq nippretendu li ħaddieħor iferraħna u ftit nagħmlu biex inferrħu lill-oħrajn;

Qed infittxu sostituti għall-ferħ u mhux il-ferħ veru;

Għadna wisq marbuta mal-proġetti tagħna u nsejna l-proġett ta’ Alla;

Għandna wisq x’nagħmlu li mhux kapaċi nsibu mistrieħ fiH;

Nibżgħu ninħelsu minn dak kollu li qed iżommna lsiera; 

Għadna wisq marbuta mal-ħtija tad-dnub tagħna u ninsew li l-Ħniena ta’ Alla hija ferm ikbar mid-dnub tagħna;

Nibżgħu li niġu ppersegwitati minħabba l-isem ta’ Ġesù.

Mhux b’kumbinazzjoni li Papa Franġisku fil-kitbiet tiegħu l-ħin kollu jsejħilna għall-ferħ. It-titli tal-komunikazzjonijiet il-kbar tal-Papa kollha jġorru l-ferħ fihom: Evangelii Gaudium, Amoris Laetizia u dan l-aħħar: Gaudete et exultate. 

Jalla llum ilkoll kemm aħna nindunaw li Alla jridna ferħana.

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

EUSF_OpenDoor

Mingħajr Bibien

It-2 Ħadd tal-Għid (Ġw 20, 19-31)

Meta kont fin-Novizzjat, niftakar kellna taraġ twil li mis-sular ta’ fuq kien jagħti għas-sagristija. Jien kont inħobb niġrih dat-taraġ u bi grazzja u ħniena t’Alla biss qatt ma tgerbibtu. Darba f’waħda mill-ġirjiet tiegħi, hekk kif dħalt fis-sagristija, kien hemm patri anzjan u qalli: “Minn fejn int?” Għedtlu, “Minn Malta!” Qalli, “U Malta għandkom xadini?” Għedtlu, “Le, xi waħda jew tnejn.” Qalli: “Mela int it-tielet waħda.” Għedtlu, “Għaliex?” Qalli, “Għax ix-xadini jiftħu l-bibien u ma jagħlquhomx.” Indunajt li kont ftaħt il-bieb u m’għalaqtux! Ftit wara miet! Imma qatt ma nsejtu u tgħallimt li bieb m’għandikx tħallih miftuħ! Almenu hekk dejjem għallmuna. 

Ġesù milli jidher il-bibien ma tantx kien iħobbhom; il-ġebla li kienet fuq il-qabar ma damx biex tajjarha min-nofs, u anke llum fil-Vanġelu, għal darba darbtejn naqraw li l-bibien kienu magħluqa imma hu jidħol xorta. Naqraw, “Fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa,  ġie Ġesù u qagħad f’nofshom” (Ġw 20, 19). Il-Vanġelu jerġa’ jtenni l-istess frażi: “Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa” (Ġw 20, 26). U għalfejn id-dixxipli kienu bil-bibien magħluqa? Minħabba l-biża’ mil-Lhud. 

Fi żmien il-pandemija għalaqna l-bibien u ħafna drabi konna nkellmu lill-maħbubin tagħna mill-gallariji. Għalaqna ħafna bibien u għamilnieh biex nibżgħu għalina nfusna u għal ta’ madwarna. Imma hemm bibien oħra li aħna nagħlqu u nagħlquhom għall-istess raġuni – il-biża’. 

Kemm-il darba għalaqna l-bibien ta’ qalbna għal dawk ta’ madwarna għax bżajna li dawk ta’ madwarna ser ikomplu jgħawru fil-feriti u l-weġgħat tagħna? 

Kemm-il darba għalaqna l-bibien ta’ qalbna għal dawk ta’ madwarna għax bżajna li jekk niftħulhom qalbna u nuruhom il-bżonn tagħna li nkunu maħbuba, minflok iħobbuna ser jisirqulna l-ftit imħabba li baqgħalna? 

Kemm-il darba għalaqna l-bibien ta’ qalbna lill-oħrajn għax bżajna minnhom għax b’xi mod differenti minna?

Kemm-il darba għalaqna l-bibien ta’ qalbna lil Alla għax jekk niftħulu qalbna abbli jbiddilna, u kif nafu aħna, u kif ser inkunu ma nafux? 

Kemm-il darba, u din l-iktar waħda iebsa, għalaqna l-bieb ta’ qalbna għalina nfusna, għax bżajna li nieħdu qatgħa b’dak li nsibu f’qalbna? 

Allura, x’ser jagħmel li aħna niftħu dawk il-bibien? Il-Ħniena. Jekk il-Vanġelu jgħidilna għal darba darbtejn li l-Bibien kienu magħluqa; għal tliet darbiet jgħidilna x’kienet il-Kelma ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Is-Sliem għalikom” (Ġw 20, 19, 26). Ġesù ma jidħolx għandhom bil-kundanna, bit-tgħajjir! Ma jaqbadx lil Pietru minn widintu u jgħidlu: “Biċċa ta’ beżżiegħ li int, ħrabt hux, coward, loser.” Imma jidħol u bil-ħniena kollha: “Il-paċi magħkom.” Anke jekk ġimgħa wara lil Tumas iwasslu għall-verità li kellu bżonn jara biex jemmen, it-tislima tibqa’ dejjem l-istess waħda: “Is-Sliem għalikom.” 

Kien jaf li kienu mbeżżgħa u kien jaf li kellhom bżonn jaffaċċjaw dawk il-biżgħat, infatti jsejjaħ fuqhom l-Ispirtu s-Santu. Anke aħna, bil-ħniena li l-Mulej juri magħna, nistgħu naffaċċjaw il-biżgħat li hemm fina. Fil-biża’ hemm trick ħelu! Jekk inti tiġri u taħrab mill-biża’, il-biża’ tibqa’ tixxala tiġri warajk. Iktar ma tarak tiġri, iktar tiġri warajk. Xħin taffaċċjaha, xħin tiqfilha, il-biża’ titlaq tiġri hi. Il-biża’ ma tiflaħx min jiqfilha. 

Il-Mulej bil-qawwa tal-ħniena tiegħu ma jbeżżagħniex, m’għandux kliem ta’ kundanna, jgħinna naffaċċjaw il-biżgħat tagħna, niftħu dawk il-bibien li minħabba l-biża’ huma msakkra, il-bibien ta’ qalbna. Jekk Alla kellu ħniena minni, min jien jien biex ma nħennx għalija nnifsi?

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

EUSF_GesuQam

Tidlek l-Intiena bil-Fwieħa

Ħadd il-Għid (Ġw 20, 1-9 / Lq 24, 13-35)

Min se jgerbibilna l-ġebla? Hekk smajna fil-Vanġelu li ġie mxandar lilna fil-Velja tal-Għid. Min jaf kemm-il darba staqsejna din il-mistoqsija! Nimmaġinaw din il-preokkupazzjoni ta’ dawn in-nisa. Il-Vanġelu jgħidilna b’mod li ma jħalli l-ebda dubju dwar din id-diffikultà: “Kienet ġebla kbira ħafna” (Mk 16, 4).

Jista’ jkun li f’ħajjitna hemm ġebla tqila ħafna u bl-ebda mod ma nafu kif ser inwarrbuha?  

Min se jgerbibilna l-ġebla? Meta ser tinfetaħ triq quddiemna u nimxu b’rasna mgħollija b’tama ċerta li ser jirnexxilna ngħixu ħielsa u ferħana? 

Min ser igerbibilna l-ġebla tal-mard, tal-infedeltà, tal-problemi finanzjarji, tad-dwejjaq u l-għeja? Min ser igerbibilna l-ġebla tar-rabja, tal-vizzju li ħakimna? Min ser igerbibilna l-ġebla tan-nuqqas ta’ mħabba? Min ser igerbeb il-ġebla li għandna bħala poplu, il-ġebla tal-preġudizzji, tal-partiti, tal-gost li donnu għandna f’demmna li nieħdu gost ninfirdu fuq kull ħaġa ta’ xejn, f’argumenti mimlija piki, imma mingħajr l-ebda ħjiel ta’ intelliġenza? 

Kemm ġebel f’ħajjitna! Min ser igerbibhom? 

Sabu l-ġebla mgerba u nħasdu. Iva, għax wara li jgħaddi s-Sibt, ix-xemx titla’. 

Il-ġebla titgerbeb jekk f’qalbek Alla xegħel ix-xewqa li tfewwaħ il-mewt. Dawn in-nisa kellhom xewqa waħda, li jidilku l-ġisem ta’ Ġesù bil-fwieħa. Dak il-ġest, li għal Marija oħt Lazzru, kien ġest familjari. Imma issa ġisem il-Mulej huwa mejjet, u f’moħħhom kellhom ċerta urġenza li jagħtu qima lill-ġisem mejjet ta’ Ġesù qabel ma jkun tard wisq. Ġa kienu tilfu ġurnata ħabba l-preskrizzjonijiet tal-liġi Lhudija li kienet tipprojbixxi li tidlek ġisem mejjet f’Jum is-Sibt u biex tgħaxxaq inzerta l-Għid tal-Lhud. 

Żgur li dan ma kienx ser ikun mument faċli. Li tidlek ġisem mejjet, mhux faċli aħseb u ara tidlek ġisem fraġellat. F’qalbhom kellhom ix-xewqa li jidilku l-ġisem ta’ Ġesù magħmul ferita waħda. F’qalbhom kellhom il-ferita tal-inġustizzja, tal-firda, ta’ aspettazzjonijiet delużi, imma l-attenzjoni tagħhom ma kinitx fuq il-feriti ta’ qalbhom imma fuq l-imħabba, li dak il-ġisem, anke jekk mejjet, kellu jittrażmetti f’qalbhom.

Imma Ġesù jaħsadhom! Kull darba li aħna jkollna f’qalbna li nfewħu fejn hemm il-mewt, li nidilku bil-fwieħa fejn hemm il-qerda, li mmorru ngħaġġlu nħobbu anke f’qabar, il-ġebla titgerbeb.

Allura tajjeb insaqsi, fejn il-Mulej qed jistedinni nidlek bil-fwejjaħ? Liema ċirkustanzi f’ħajti li dejjem rajthom bħala mewt, diżappunt, delużjoni, kif jien imsejjaħ nidlikhom bil-fwieħa? Inħalli l-weġgħat tiegħi, jagħlqu kollox ġo qabar? Fejn il-Mulej qed jistedinni nitbissem, fejn dejjem inħares b’ħarsa mqita? Fejn il-Mulej qed jistedinni ngħid kelma ta’ ħlewwa fejn is-soltu dejjem neqred u ngerger? Liema hi dik is-sitwazzjoni, abbli immaġinarja li twerwirni, lest inħares lejha bi ħlewwa u nidlikha bil-fwieħa? Nista’ nħares b’ġenerożità lejn dik is-sitwazzjoni li tant nibża’ li teħodli xi ħaġa? X’għadni ma aċċettajtx f’ħajti? X’qed nibża’ li nitlef? 

Dan hu l-qawmien! Ġesù lest jerġa’ jiltaqa’ miegħek il-Galilija. Hemm fejn beda kollox, fejn ma kienx hemm dell ta’ tradiment, dell ta’ min hu l-ikbar, tan-nuqqas ta’ fidi, fejn kollox kien entużjażmu ta’ “Sibna l-Messija” (Ġw 1, 41). Kien hemm bżonn ukoll li jiġri dan kollu biex dawk ta’ miegħu jaslu jemmnu li l-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

Illum qed niċċelebraw l-Għid tal-Mulej, u fih qed niċċelebraw l-Għid tagħna. Is-salib m’għandux l-aħħar kelma, il-qawmien għandu l-aħħar waħda.

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.