EUSF_Pessimist

Ma jarax il-Mewt

Il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi (Lq 2, 22-40)

Forsi ġieli ltqajna ma’ xi ħadd li qatt ma jara xejn sabiħ fil-ħajja. Aħna, peress li aħna mdorrijin nagħtu ħafna labels, niġġudikawh negattiv jew pessimist. Ngħidu li xejn ma jikkuntentah. Ovvjament ma rridux naħarbu mir-realtà li nies hekk itaqqlu l-ambjenti ta’ madwarhom, mhux faċli tkun magħhom, u b’konsegwenza naturali jispiċċaw bosta drabi iżolati. Jista’ jkun li kultant dan jiġri lilna. Ħafna drabi aħna smajna min jgħidilna: “Ma niflaħx iktar Father. Waħda fuq oħra.” Issib min b’mod sarkastiku jgħidlek: “Meta tiġi, iftħilha l-bieb.” Hekk hu, il-ħajja taf tkun krudila. U kultant kapaċi taqa’ fin-nassa tal-pessimiżmu għax tkun qed iġġorr fik weġgħat kbar u ma tkunx tiflaħ għal iktar daqqiet. 

Jista’ jiġrilna li kultant inħossuna telliefa f’logħba ċess. Insibuna f’sitwazzjonijiet fejn kull pass li nagħmlu ser jikkawża li aħna nitilfu. F’mumenti bħal dawk faċli naqtgħu qalbna, għax ma narawx fejn nistgħu mmorru iktar għal ftit serħan. Forsi jiġu mumenti fil-ħajja fejn mal-awtur ta’ Salm 69 intennu: “Fittixt min jagħdirni u ma sibt lil ħadd, min ifarraġni u ma kelli ’l ħadd” (21). Is-salmi għalhekk sbieħ u profondi għax bosta drabi jpoġġu fi kliem dak li aħna minħabba n-niket li nkunu qed inġorru ma nkunux kapaċi nesprimu fi kliem dak li nkunu qed inħossu. Għiduli qattx ħassejtux tagħkom il-kliem ta’ Salm 142: “Inħares fuq il-lemin, u nara li m’hemm ħadd min jagħti kasi; m’hemmx mnejn nista’ naħrab, m’hemm ħadd min jieħu ħsiebi” (5).

Imma llum, fil-Festa tal-Familja Mqaddsa, qed tingħatalna kelma: “L-Ispirtu s-Santu nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej” (Lq 26, 2). Qed nitkellmu dwar Xmun il-Profeta, li jgħaddi ħajtu fit-tempju jistenna l-faraġ ta’ Iżrael. Xmun fl-aħħar ta’ ħajtu jara dak li dejjem xtaq. Il-Mulej donnu għandu ħabta kif l-Inbid it-tajjeb iħallih għall-aħħar, kif għamel fit-tieġ ta’ Kana. Ħafna drabi xogħolna huwa li nistennew. Kultant anke biex tikkonvinċi persuna li għandha bżonn l-għajnuna trid tistenna. 

Li tistenna mhux faċli u trid tkun kelma li tħeġġek li m’intix bħal checkmate f’logħba ċess. Ser ikun il-Mulej li jnebbħek b’kelma. Xħin titnebbaħ tistenniex iktar. Kultant tkun ilek ittella’ u tniżżel, taf li trid tieħu xi deċiżjonijiet, u tkun kelma li timbuttak teħodhom. L-Ispirtu lil Xmun il-Profeta nebbħu li għandu jmur it-tempju. U dan mar hemm bla telf ta’ żmien. Meta jnebbaħ l-Ispirtu ma hemmx għalfejn tkarkir tas-saqajn. Hawn mhux qed nitkellmu fuq l-għaġla tal-mument, mhux qed nitkellmu fuq l-ispontanjetà imma f’dak il-mument fejn int tħoss li jew ser tieħu ċans li tfiq u tinbidel jew ser tibqa’ fl-abbissi. Take it or leave it. 

Qed nitkellmu fuq ċirkustanzi fejn l-ispirtu t’Alla f’tebqa t’għajn idawlek u tibda tara b’mod differenti. Niftakru li l-istess frażi li smajna llum: “ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej” Ġesù jgħidha lid-dixxipli fil-Vanġelu ta’ San Mark fl-ewwel vers ta’ Kap 9: “li żgur ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw il-wasla tas-Saltna ta’ Alla, mogħnija bil-qawwa”. Sitt ijiem wara tlieta minnhom jagħmlu l-esperjenza tat-trasfigurazzjoni. 

Mela ma naqtgħux qalbna. Alla għandu l-aħħar kelma, u anke umanament hemm iktar vantaġġi li timxi bit-tama, tama hienja milli bil-qtigħ ta’ qalb. 

Min fil-Knisja jitlob it-talba tal-Brevjar jaf li kuljum nitolbu tliet kantiki mill-Ġdid Testment: Il-Benedictus (Il-Kantiku ta’ Żakkarija), il-Magnificat (Il-Kantiku ta’ Marija) u n-Nunc Dimittis (Il-Kantiku ta’ Xmun). 

Dawn it-tliet kantiki huma mimlija versi li juruna li Alla, magħna, illum, ser jagħmel ħwejjeġ kbar. Kif Żakkarija, Marija u Xmun setgħu jkantaw wegħda li saret realtà Alla magħna ser jagħmel l-istess. Araw xi ġmiel ta’ versi: 

“Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu” (Lq 1, 68). “Idawwal lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt u jmexxi l-passi tagħna fi triq ta’ sliem” (Lq 1, 79).

“Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu, bħalma wiegħed lil missirijietna, b’risq Abram u nislu għal dejjem”(Lq 1, 54). 

“Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha” (Lq 2, 30-31). 

Allura kuljum bejn kantiku u ieħor nistgħu nagħmlu esperjenza tas-salvazzjoni. 

U hekk ser ikun!

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.