EUSF_BirthOfJesus

Baqgħet tgħożż

Is-Solennità ta’ Marija Omm Alla (Lq 2, 16-21)

Żmien l-Avvent u żmien il-Milied huwa żmien tal-meravilji. Għaddejna ġranet sbieħ, ġranet li fihom rajna li Alla kapaċi jagħmel ħwejjeġ kbar. Min kellu ċ-ċans jisma’ ftit x’ qaltilna l-Kelma t’Alla seta’ jisma’ ħafna u ħafna meravilji. Muntanji li jsiru widien, widien li jsiru muntanji, fjuri li jikbru fid-deżert, triq fil-baħar. Minn Nazaret, belt li qatt qabel ma tissemma fil-Bibbja, joħroġ il-Messija! Eliżabbetta mara xiħa u sterili jkollha baby, Marija verġni u ssir omm. Smajna l-istess Marija tkanta l-‘Magnificat’: “Ruħi tfaħħar l-għemejjel tal-Mulej…!” (Lq 1, 46b) U mbagħad l-ikbar ġrajja li Alla jsir bniedem, wieħed minna, biex ikun jista’ jifhem dak li ngħaddu minnu, kull ferħa tagħna, kull niket.

Rajna kemm ferħ ġab miegħu dan Alla li kapaċi jgħammar mal-bniedem. Rajnieh f’idejn Xmun il-Profeta. Smajna lil Xmun ikanta bil-ferħ: “Issa o Sid, tista’ tħalli l-Qaddej tiegħek imur fi sliem skont kelmtek, għax għajnejna raw is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna” (Lq 2, 29).

U anke llum, l-anġli jħabbru lir-ragħajja li Alla sar bniedem. Forsi tafu li l-Lhud fi żmien Ġesù kienu jemmnu li meta jiġi l-Messija kellu jeqred tliet kategoriji ta’ nies għax midinbin: ir-ragħajja, il-pubblikani u l-prostituti, flimkien mar-Rumani li kienu xebbgħu lil-Lhud bil-ħakma tagħhom. Imma Alla juri li dejjem jisboq ir-raġunamenti tagħna, Alla mhu qatt eżatt kif nimmaġinawh aħna, imma dejjem iktar, dejjem aqwa, dejjem isbaħ! Mhux biss ma qeridx lir-ragħajja imma lilhom deher l-ewwel. Kienu huma l-iffurtunati li ntlaqtu mill-imħabba ta’ din it-tarbija. Kif kellha x-xorti tiltaqa’ miegħu l-adultera fil-Vanġelu, kif kellu x-xorti jiltaqa’ miegħu Żakkew il-pubblikan u ċ-Ċenturjun Ruman.

U dan kollu jħallina mistagħġba, imniffxa! Naqraw fil-Vanġelu tal-lum li “kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-ragħajja” (Lq 2, 18). U x’ma tibqax mistagħġeb?!

Illum aħna kemm aħna kapaċi nistagħġbu b’dak li jiġri madwarna? Kemm kultant jiġri li tiġrilna xi ħaġa fil-ħajja tagħna u nippruvaw nispjegawha bir-raġunamenti tagħna biss, kemm jiġrilna li ma nħallux dak li jiġri madwarna jkellimna? Kemm aħna kapaċi nindunaw u nistagħġbu li kulma jiġri fil-ħajja tagħna ma jiġrix addoċċ, imma minnu nista’ nitgħallem xi ħaġa, kemm jekk sabiħ, kif ukoll ikrah? Kemm nippruvaw nikkanċellaw esperjenzi fil-ħajja tagħna, u forsi anke persuni biex ma niftakrux il-ħsara li għamlulna, u ninsew li anke mill-iktar esperjenzi koroh nistgħu nikbru? Kemm kapaċi nistagħġeb quddiem is-sbuħija tan-natura, it-twelid ta’ tarbija, il-ferħ ta’ min jgħix viċin tiegħi?

Marija, kif jgħidilna l-Vanġelu, “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha”(Lq 2, 19). Ta’ vera mara li hi, Marija ma kinitx toqgħod taħseb biss b’moħħha fuq dak li kien jiġrilha, imma kienet tgħożżhom f’qalbha. Ċertu affarijiet ma nasal qatt nispjegahom biss b’moħħi. Jista’ jkun li xi ħadd jasal jispjegali x’inhi l-imħabba, xi ħadd jista’ jasal jgħidli li jien għandi xi newrun li jwassalni nħobb lil xi ħadd. Anke jekk dan ikun minnu, mhux biżżejjed għalija. Jien l-imħabba rrid ngħixha, u mhux nifhimha b’moħħi biss. L-istess għall-mistoqsijiet il-kbar tal-ħajja, il-mewt, il-ħbiberija u dak kollu li jferraħ u jtaqqal il-qalb tagħna.

Forsi rridu nitgħallmu ħafna minn Marija, u kulma jiġrilna nitgħallmu ngħożżuh f’qalbna. Mhux l-affarijiet is-sbieħ biss, imma anke l-affarijiet il-koroh. Hemm anke bżonn dik ir-rassenjazzjoni pożittiva, li ma nistgħux nifhmu kollox u mill-ewwel. Marija kienet iżżomm dan kollu f’qalbha. Minn mindu Marija qalet “iva” lill-Anġlu, kollox ġieha iktar ikkumplikat, kellha titlaq minn Nazaret għal Betlem, imbagħad għall-Eġittu, imbagħad lura, Xmun jgħidilha li sejf ser jinfdilha qalbha, Ġesù jaħrabilha fit-tempju, jispiċċa fuq salib, imma hi tibqa’ hemm wieqfa, tgħożż kollox f’qalbha.

Ejja matul din is-sena nitgħallmu nżommu l-esperjenzi tagħna f’qalbna. Ma nafux kif ser tkun din is-sena u anke jekk nawguraw dejjem is-sena t-tajba, fil-fond xi ftit jew wisq ikollna xi biża’ żgħira li xi ħaġa tista’ tmur żmerċ. Matul din is-sena jistgħu jiġru affarijiet sbieħ, forsi hawn min ser jiżżewweġ, min ser ikollu l-ewwel tarbija, min ser jidħol il-kunvent, min ħa jispiċċa mix-xogħol, min ħa jibda jistudja f’post jew jaħdem f’post ġdid. Forsi anke ser jiġru affarijiet li jbeżżgħuna xi ftit, li ma jogħġbuniex. Ejjew nitgħallmu ngħożżu kollox fil-qalb tagħna, kollox, għax nemmnu li Alla huwa l-Għimmanuel, Alla huwa magħna. Ser jifraħ u jibki magħna, ser jimxi dejjem magħna.

Dan li nawguralkom għal din is-sena, li nagħmlu teżor minn kull esperjenza tagħna, li nitgħallmu nħobbu u naħfru ftit iktar. Fuq kollox li nibqgħu niskopru li Alla jħobbna bi mħabba tal-ġenn!

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.