EUSF_Shade

Ftit Sunblock

Ir-4 Ħadd tal-Avvent (Lq 1, 26-38)

Fis-sajf min jaf kemm-il darba xtaqna ftit dell. Min jaf kemm hawn minna ma jifilħux għal ħafna xemx. Mhux għax ix-xemx hija ħażina għax nafu li mingħajr id-dawl tagħha kull ħaġa maħluqa tintemm. Imma nafu li aħna żgħar wisq għall-qawwa tax-xemx; ftit dell jaħjina, iġegħelna nħossuna sikuri. U bilħaqq ma ninsewx is-sunblock kollu li ndellku fis-sajf! Ftakru ftit, x’paniku qajjem Ġona meta l-Mulej qeridlu l-unika siġra li kienet toffrilu naqra dell; infatti mal-qerda tas-siġra Ġona jeqred: “Għalija aħjar immut milli nibqa’ ħaj” (Ġn 4, 8).

Illum il-Mulej jgħid lil Marija: “Il-Qawwa tal-għoli tixħet id-dell tagħha fuqek.” Fl-Iskrittura d-dell huwa dejjem sinjal tal-preżenza t’Alla. Tiftakru fil-mixja fid-deżert Alla kien jimxi mal-poplu binhar f’kolonna ta’ sħab. Meta Mosè tela’ fuq il-Muntanja Sinaj biex jirċievi t-twavel tal-liġi, il-ktieb tal-Eżodu jgħidilna li Mosè tela’ fuq il-muntanja u s-sħaba ksiet il-muntanja (Eż 24, 26). Tiftakru f’Pietru, Ġakbu u Ġwanni fuq it-Tabor ma’ Ġesù, l-isħaba tgħattihom (Mk 9, 7). Tiftakru x’jgħid is-salm: “Ma tolqtokx ix-xemx binhar” (S 121, 6). Is-salmi għandhom iktar xi jgħidu: “Għad-dell ta’ ġwenħajk, kenninni” (S 17, 8). “Għad-dell ta’ ġwenħajk nistkenn, sakemm jgħaddi l-hemm minn fuqi” (S 57, 2). “Sidi Mulej, fortizza tas-salvazzjoni tiegħi, int l-għata ta’ rasi f’jum it-taqbida” (S 140, 8). 

Dan jidher kollu kliem poetiku, li forsi ftit jagħmel sens jekk mhux imdorrijin napprezzaw il-poeżija jew il-letteratura. Imma biċċa poeżija, meta tibda tagħmel sens jekk mhux meta nindunaw li għandha xi ħaġa xi tgħid lill-ħajja tagħna? Jekk mhux meta l-poeżija tagħti isem lil dak li jkun għaddej f’qalbna li aħna qajla stajna nsibu kliem biex nispjegawh? 

U anke fejn jidħol id-diskors tal-fidi, il-Kelma tagħmel sens meta għandha xi tgħid lil qalbna. Meta l-Kelma tmur ’l hemm mill-fatti, u tgħid xi ħaġa differenti minn dak li jkunu qed jgħidulna l-fatti, hemm il-Kelma tkun kelma li tifdi. Kemm sfortunatament jiġri fil-ħajja li nagħtu wisq importanza lill-fatti, u ma nindunawx li hemm kelma li qed tgħid xi ħaġa differenti, li qed tinterpreta dawk il-fatti minn lenti differenti. Din il-kelma, tant issir realtà, li tqanqlek biex inti ssir dik il-kelma li tkun smajt. Imma mhuwiex dan li ser niċċelebraw f’dan il-Milied? Kif il-Kelma saret laħam. Minn Kelma, forsi ftit astratta, ’il bogħod xi ftit mis-sensibbiltajiet tagħna ssir ‘laħam’. Kelma li tinbidel f’azzjoni, fi preżenza. Mhux proprju dak li ġara f’Marija li l-Kelma setgħana ta’ Alla, tnisslet fil-ġuf ta’ Marija? 

Forsi tgħidu li għadni ftit fis-sħab… ma ġara xejn, infatti l-isħab u d-dell huma s-suġġetti prinċipali ta’ din ir-riflessjoni. 

Ħa nagħtikom eżempju żgħir. Darba persuna qasmet miegħi din ir-riflessjoni. Għamlet biċċa xogħol lil xi ħadd, biċċa xogħol tajba. Il-klijent bi sfida ma ħallsux. Ovvjament il-persuna rrabjat u ħassitha mweġġgħa. L-individwu mar il-knisja u bir-rabja li kellu lanqas daħal; baqa’ fil-bieb. Talab: “Mulej mhux sew.” U f’qalbu ħass min jgħidlu: “Ħallihom u ssib il-paċi.” Hekk għamel u ġie jirrakkuntali x’ferħ ħass. Kelma li saret laħam. Dell sar kenn f’jum il-għawġ. 

Ieħor kellimni u qalli dwar xi kotba spiritwali li kien qed jaqra, u kif dawn il-kotba jgħinuh jgħix aħjar, u jaħdem fl-għalqa tal-Mulej, f’ċirkustanzi partikulari u diffiċli. 

Rajt l-esperjenza ta’ Paisos, wieħed mill-qaddisin tal-Knisja Ortodossa. Fl-1970 għamel terremot fuq il-Muntanja Atos; il-monasteru u l-knisja jitriegħdu, gandlieri u xemgħat jaqgħu mal-art; nies jaħarbu. Paisos baqa’ kalm; wieqaf fil-bieb tal-knisja. Wieħed mill-monaċi qallu: “M’intix tara kif kollox ser isir ħerba?” Wieġbu l-qaddis: “Għalfejn qed tagħmel għaġeb; meta ommok kienet tbennek, int kont tieħu gost! Għaliex qed tibża’ għax il-Mulej qed ibennek ftit bis-saħħa.” Araw ftit, terremot isir tbennina! 

Il-Kelma ma tiswiex, ma titlobx minnek sforz, ma ġġegħlekx titħabat biex tiksibha. Trid biss tilqagħha. 

Din il-Kelma għalina għandha isem, il-Mulej Ġesù. Din il-bidla tista’ ssir biss fina jekk jien ‘ninnamra’ ma’ Ġesù. Meta jien ngħaddi ħin miegħu, ma nitlifx il-paċi anke fl-ikbar avversità. Ix-Xitan ser jgħidlek: “Mhux vera, mhux possibbli.” Imma Alla jgħidlek: “Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1, 37). Hemm karta li trid tilgħab; jew ser tagħti ċans lill-fidi, jew inkella ibqa’ emmen biss fik innifsek u iftaħ il-bieb għad-disperazzjoni. 

L-unika arma li għandna huwa t-talb; li nidħol fil-profondità ta’ Alla u ma’ Pawlu tkun tista’ tgħid:

“Għeżież, jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna? Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. Min se jikkundannahom? Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? 

Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna” (Rm 8, 31, 33, 35, 38).

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.