Waħda mir-regoli biex tirbaħ gwerra hija li tkun taf it-tattika tal-għadu. Jekk tkun taf it-tattika tal-għadu tkun ġa rbaħt nofs il-gwerra. Issa l-ġlieda tagħna mhix kontra l-bnedmin tad-demm u l-laħam imma kontra l-ispirtu tad-dlamijiet.
Waħda mill-iktar tattiki intelliġenti tax-Xitan hija dik li jġiegħlek tħossok nieqes. Il-Bibbja tgħidilna li minn dejjem hekk kien. Jipprova jipperswadik li int jonqsok xi ħaġa u ser itik parir sabiex ma tibqax tħossok hekk u minn nieqes iġibek għarwien. Jipperswadik li int nieqes u jkaxkarlek dak kollu li għandek, li int fl-għama tiegħek ma indunajtx li kellek.
Il-Ġenesi jgħidilna li Adam u Eva kienu fil-ġenna tal-art. Ipperswadiehom li kien jonqoshom xi ħaġa – li jsiru daqs Alla. Emmnuh, u tilfu dak li kellhom, ġabhom ta’ fuqhom senduqhom, tkeċċew mill-ġenna tal-art u ntebħu li kienu għarwenin! Imsieken!
Sawl, ma kienx qed jintebaħ li Alla kien għamlu l-ewwel Sultan t’Iżrael. Quddiem David beda jħossu nieqes; beda jgħir għalih u sar jobogħdu. Infena bil-għira, spiċċa dejjaq lil Samwel meta kien mejjet u biex għamel hekk mar għand is-saħħara. Spiċċa tilef ir-renju u ħajtu stess. Miskin!
David, kellu ħafna nisa u li kieku ma kienx biżżejjed Alla kien lest li jagħtih iktar. Imma x-Xitan ġiegħlu jħossu nieqes. Webblu li jkun ferħan, u ma jħossux nieqes jekk ikollu l-mara ta’ Urija l-Ħitti, mara sabiħa li nzertat tinħasel waqt li hu kien fuq is-setaħ. Seraqha, taqqalha, qatlilha lil żewġha. Miskin tilef il-paċi tal-qalb u l-ferħ fil-familja tiegħu. Miskin!
L-istess ġralu Sansun! Nesa li kellu saħħa li ħadd bħalu ma kellu fost il-poplu l-magħżul. Kien jaf x’inhu s-sigriet biex jibqa’ b’saħħtu u żammu b’attenzjoni kbira. Ma qalu lil ħadd għax ċerti affarijiet kif tgħidhom titlifhom, imma x-Xitan ġiegħlu jħossu nieqes u Dalila serqitlu minn qalbu s-sigriet ta’ saħħtu. Spiċċa tilef saħħtu u ħajtu, u ovvjament xagħru. Miskin.
Annanija u Saffira fit-Testment il-Ġdid kellhom għalqa u bigħuha. Suppost kellhom jagħtu l-flus lill-Appostli, imma ħassewhom neqsin u ddeċidew li jżommu biċċa mill-qligħ għalihom mingħajr ma qalu lill-Appostli. Spiċċaw tilfu l-għalqa, il-flus u ħajjithom. Imsieken.
Ix-Xitan lil Ġesù jagħmillu l-istess. Jipprova jbellagħhielu li hu jonqsu xi ħaġa, li mhux vera kien l-Iben il-maħbub ta’ Alla; jonqsu l-ħobż, tonqsu l-popolarità, jonqsuh is-saltniet kollha tad-dinja! Imma Ġesù jaf li ma kien jonqsu xejn għax, mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’kull Kelma li toħroġ minn fomm Alla, għax Alla waħdu biżżejjed u lilu biss taqdi, u m’għandekx iġġarrbu lill-Mulej Alla tiegħek. Ġesù mhux miskin!
Aħna msieken imma. Ħafna drabi nħossuna nieqsa minn xi ħaġa, anzi mhux minn ħaġa waħda biss u naraw kif nimlew dak il-vojt. Nieqes mill-imħabba u l-attenzjoni ta’ martek jew żewġek, arak tfittex tbissima ta’ ieħor jew oħra. Wara tbissima jsegwu ħwejjeġ oħra. Ma tindunax li fi ftit żmien tista’ titlef mhux biss lil martek/żewġek imma lil uliedek ukoll.
Tħossok nieqes mill-apprezzament, arak tiġri wara kull min jgħidlek prosit u mingħajr ma taf tispiċċa tittallab l-attenzjoni. Ma tindunax li fi ftit żmien tista’ titlef id-dinjità li għandek għax xi ħadd jista’ jieħu vantaġġ mill-karba tiegħek għall-attenzjoni.
Tħossok li ħajtek hija wisq monotona; nieqsa mill-entużjażmu, arak tibda tipprova tagħmel xi ħaġa li tgħollilek l-adrenalina u, jekk il-ħaġa ma tinzertax tajba, abbli tgħallik għal ħajtek kollha u tispiċċa titlef is-serenità li kellek.
Tħossok nieqes mill-ħin, allura arak timtela b’tensjoni kull darba li jmissek tagħmel xi ħaġa. Tispiċċa titlef il-ħin u l-paċi ta’ qalbek.
Tħossok nieqes mill-finanzi, allura arak tiġri minn xogħol għall-ieħor; tipprova anke jekk ikun possibbli tqarraq xi ftit ’l hemm u ’l hawn. Tkun f’riskju li titlef saħħtek, ħinek u familtek tiġri wara l-flus u, jekk ix-Xitan ikun għamiek biżżejjed li tasal tqarraq, u jaqbduk, tispiċċa titlef anke l-libertà tiegħek.
Insomma! Illum skoprejna t-tattika tax-Xitan. Tantx tgħiduha barra għax jirvilla, imma żgur li tista’ tagħmel hu li tara fiex ix-Xitan qed iġiegħlek tħossok nieqes u, jekk tiftakar, aħseb ukoll b’kemm barkiet int mimli!