EUSF_Anchor

L-Ankra Imbarazz

In-Nawfraġju ta’ San Pawl – 10 ta’ Frar (Mk 16, 15-20)

“Imbagħad is-suldati qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa u ħallewha tmur għal riħha” (At 27, 32).

“Wara li xebgħu, bdew iħeffu l-ġifen u jwaddbu l-qamħ il-baħar” (At 27, 38).

“Irħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun” (At 27, 40).

“Imma l-poppa bdiet titfarrak bil-qilla tal-mewġ” (At 27, 41).

Jekk inħarsu sewwa lejn ir-rakkont tan-nawfraġju ta’ San Pawl, nogħxew kemm fih dettalji, xi sbuħija ta’ rakkont; sbuħija għal min iħobb in-narrazzjoni marittima kif ukoll sbuħija għal min iħobb jaqra jew jisma’ xi avventura eċċitanti. Ir-rakkont tan-nawfraġju huwa wkoll teżor ta’ kitba spiritwali (infatti jinsab fil-Bibbja), kif ukoll hemm sbuħija umana-eżistenzjali. Forsi tempesta ma tispjegax b’mod eċċellenti l-esperjenzi li xi kultant ikollna ngħaddu minnhom fil-ħajja?

Jekk naqraw sew ir-rakkont, nindunaw li f’diversi mumenti ta’ din l-esperjenza ta’ vjaġġ imwiegħer, il-baħrin, il-Kaptan u ċ-ċenturjun kellhom jagħmlu deċiżjonijiet importanti: iqaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa u jħalluha tmur għal riħha, iħeffu l-ġifen u jwaddbu l-qamħ il-baħar (li kienet l-unika raġuni għall-Kaptan il-għala kien sejjer Ruma). Kellhom jieħdu d-deċiżjoni li jarmu l-ankri u jħallu l-irbit tat-tmun. Fl-aħħar kellhom jieħdu deċiżjoni li jħallu saħansitra l-ġifen. 

F’ċerti mumenti fil-ħajja biex issalva trid tħalli kollox! Tempesta fil-ħajja turik x’inhuma dawk l-affarijiet li jiswew tassew, kif ukoll x’inhuma dawk l-affarijiet li s’issa dehru importanti imma fir-realtà f’tempesta ma wrewx li huma daqshekk. Maltempata fil-ħajja iġġiegħlek tieħu deċiżjoni. 

Jista’ jiġri li fil-fond ta’ qalbek taf x’deċiżjonijiet għandek tieħu biex issalva ħajtek imma minħabba ambizzjonijiet, nuqqas t’umiltà, biża’ li titlef xi ħaġa, ma teħodhomx. Taf, taf u taf li fil-qiegħ ta’ qalbek trid tieħu ċerti deċiżjonijiet imma ma teħodhomx għax mingħalik il-maltempata mhu ser tiġi qatt u teħel mal-affarijiet li fil-maltempata mhu ser iservuk għal xejn. Jista’ jkun jiġrilek bħall-Kaptan, li xi ħadd jew il-kuxjenza tgħidlek biex tieħu ċerti deċiżjonijiet, imma twebbes rasek jew qalbek: “Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf” (At 27, 21). Jista’ jkun tibża’ tieħu deċiżjoni għax tibża’ mill-konsegwenzi. 

Imma jiġi mument li trid tieħu deċiżjoni, li tħalli l-ankri, tħalli d-dgħajsa, tħalli t-tmun u taqbeż tgħum, inkella tmut.

Forsi l-Mulej illum b’dan ir-rakkont qed jgħidlek biex tħalli xi ħaġa li qed teħodlok ħajtek. Kieku l-baħrin ma ħaffux il-ġifen kienu jegħrqu. Kellhom jerħu t-tmun biex almenu joqorbu lejn l-art. Jew ħajja jew mewt. 

Allura x’inhuma dawk l-affarijiet li l-Mulej qed jgħidlek biex tħalli llum? 

Forsi xi vizzju, xi mġiba li qed twasslek biex tikkontempla adulterju, forsi t-‘toqol’ ta’ ħafna xogħol u jeħtieġ mill-aktar fis teħfief biex ma tegħriqx, forsi qed jistiednek taqta’ l-ankri minn ma’ nies li mhux iħalluk tesplora u tikber, forsi d-dgħajsa li fiha ssib rifuġju biex mingħalik taħrab, dawk il-ftit mumenti ta’ sodisfazzjon li jnessuk ir-realtà imma ħabba fihom tibqa’ f’realtà li qed tagħmillek il-ħsara. Forsi t-twemmin żejjed fik innifsek li l-‘ġifen’ tiegħek jiflaħ għal kollox. Forsi l-gidba li mhux ser jirnexxilek tgħix mingħajr l-ankri, il-ħbula u dak kollu li jagħtik sigurtà. Forsi marbut mal-ġid kif kienu marbuta l-Kaptan u sid il-ġifen. 

Illum staqsi bis-serjetà: “Ma’ xiex jien marbut?”

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.