Jidħol inkiss inkiss

Is-26 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 21, 28-32)

“Aħna u huma!” Kemm għaddew snin u sekli biex anke fil-komunità ta’ Ġesù biex seħħilna nindunaw li m’hemmx ‘aħna’ u ‘huma’ imma ‘aħna biss’. Kemm-il darba kejjilna d-distanzi li jeżistu bejn dawk li jemmnu f’Ġesù u nsejna li fuq distanza waħda kellna nitfgħu l-qies: fuq dik li tifridna minn Ġesù Kristu? Kemm huwa sabiħ il-kliem ta’ Mosè fl-ewwel qari: “Jalla l-poplu tal-Mulej ikun kollu profeti, u jalla l-Mulej iqiegħed fuqhom l-ispirtu tiegħu!” (Nr 11, 29) Normalment aħna nibżgħu mill-‘huma’ għax naħsbu li ser jeħdulna xi ħaġa!

Imma normalment mhux dawk li huma differenti minna li jkunu ta’ periklu għalina, imma l-għadu tagħna, ix-xitan, li jidħol fil-qalb tagħna u jisirqilna dak li hu tagħna bi dritt – il-libertà tagħna. Ix-xitan huwa makakk u jwiegħdek li ser jagħtik kollox imma filwaqt li jagħtik kollox, jeħodlok kollox, għax jeħodlok dak li jagħmlek Iben Alla – il-ħelsien tiegħek. Makakk ix-xitan u jidħol fin fin sakemm jgħarraqlek ħajtek.

Forsi llum mhux faċli li titkellem fuqu għax jgħadduk b’xi ħadd tal-Medju Evu. Imma forsi mhux kulħadd għamel esperjenza ta’ kif jaħdem ix-xitan, meta wiegħdek l-ilma jiżfen u fl-aħħar mill-aħħar daħak f’wiċċek? Ix-xitan iwiegħed iva, u kapaċi jagħti wkoll imma dejjem hemm prezz xi tħallas: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani.” (Mt 4, 9). Anke lill-Iben t’Alla ttanta, aħseb u ara lilna!

Jaf fejn aħna dgħajfa u hemm jidħol inkiss inkiss. Jidħol meta l-iktar inkunu vulnerabbli u jilgħab bil-vulnerabilità tagħna. Isibna dgħajfa u jwegħidna l-eħfef triq biex neħilsu mit-toqol tagħna. Allura, arah jagħtik opportunitajiet li qatt ma ħsibt li ser ikollok imma kollha qerq. Jagħmik fuq il-konsegwenzi, u jgħaxxqek għal ħajtek. Giddieb ix-xitan u flok iwieżnek fi dgħufija tiegħek jagħmlek iktar skjav tagħha. Litteralment jieħdok minn ġot-taġen għal ġon-nar.

U Ġesù b’mod ftit esagerat jagħtina l-mediċina ta’ kif nistgħu ma nħalluhx jidħak bina! Ġesù jgħidilna, biex naqilgħu barra għajnejna, naqtgħu jdejna u riġlejna li jkunu għalina okkażjoni ta’ dnub. Ovvjament, allaħares naqraw din is-silta b’mod litterali għax kieku nkunu qed nagħmlu ħsara lilna nfusna li żgur mhix ir-rieda ta’ Alla. Mela x’qed jgħid il-Mulej?

L-għajnejn, ir-riġlejn u l-idejn huma l-organi li jħajruk, iressquk, u jagħtuk il-possibbiltà li tieħu xi ħaġa li mhix tiegħek. Inti b’għajnejk tara xi ħaġa li togħġbok, f’qalbek tixtieqha, b’riġlejk tersaq lejha u b’idejk teħodha. Allura xi rridu nagħmlu: naqilgħu għajnejna u naqtgħu jdejna u riġlejna? Le, imma tajjeb li naraw x’kienu l-passi li wassluna għad-dnub biex ma nerġgħux nirrepetuhom. Ħafna drabi aħna nserrħu rasna li Alla ħafrilna, immorru nqerru, noħorġu nodfa u allura naħsbu li l-istorja spiċċat hemm. L-istorja ma tkunx spiċċat hemm, tkun bdiet storja oħra. “Ix-xitan qisu ljun jgħajjat, ifittex lil min jibla’,” (1 Pt, 5,8) jgħid San Pietru. Hekk kif naħseb li sirt nadif tazza, jerġa’ jibda jserrep biex jiblagħni.

Imma nistgħu niqfulu. Nistgħu mmorru lura u naraw x’wassalna nagħmlu d-dnub. Nistgħu nieqfu lill-makakkerija tiegħu u nkunu makakki iktar minnu. Aħjar ftit xogħol qabel, u ma nħalluhx jgħaddina biż-żmien, milli ħafna biki wara!

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.