L-Epifanija tal-Mulej (Mt 2, 1-12)
Qed niċċelebraw l-Epifanija tal-Mulej. Il-kelma Epifanija tfisser wirja! Wirja għax il-Mulej illum juri min hu lil dawn il-Maġi li ġew mil-Lvant. Ħutna l-Ortodossi din il-festa jiċċelebrawha f’jum wieħed; flimkien mal-Milied u l-Magħmudija tal-Mulej. Jagħmlu hekk għax fi tliet festi l-Mulej juri hu min hu. Aħna l-Kattoliċi nifirduhom b’xi ġranet u Ħdud.
Illum fuq kollox hija stedina għall-ferħ. Qrajna fl-ewwel qari stedina tassew sabiħa “Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!” (Is 60, 1) Fil-Vanġelu wkoll għandna frażi tassew sabiħa: “Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew”(Mt 2, 10).
U l-Vanġelu jagħtina kif ser naslu għal dan il-ferħ u liema atteġġjamenti mhux ser jgħinuna niksbu l-ferħ. Ejja nibdew b’dawk l-atteġġjamenti li ma jwassluniex għall-ferħ ħalli nispiċċaw b’togħma tajba.
Ma tifraħx meta:
Tibża’ li ser titteħidlek xi ħaġa. Erodi, jgħidulna l-istoriċi Lhud, fosthom Ġużeppi Flavju, kellu ossessjoni manjakali li dejjem kien hemm xi ħadd li ser jipprova jniżżlu mit-tron. Spiċċa li l-ossessjoni wasslitu joqtol tlieta minn uliedu u saħansitra lil waħda min-nisa tiegħu.
Tkun komdu żżejjed. L-iskribi u s-saċerdoti kienu jafu eżattament fejn kellu jitwieled il-Messija imma ma jmorrux. Lanqas ħaqq kemm studjaw il-Bibbja, imma l-kumdità fil-bibljoteki tagħhom kienet ferm iktar importanti milli jmorru Betlem ifittxu l-Messija. Għall-aħbar li twieled dak li kienu ilhom jistennew, kien imissom għamlu party bil-ferħ. Jista’ jiġri lilna wkoll li komdi bil-ħajja reliġjuża u Nisranija tagħna madanakollu ma rridux inkwiet; ma nagħmlux dak l-extra mile. Nirraġuna, naħdem, ngħin, nitlob, sakemm dan ma jitlobnix nagħmel ftit iktar sforz.
Ma temminx li l-kelma ta’ Alla hija vera. Jista’ jkun ukoll li dawn l-iskribi u s-saċerdoti kienu verament jafu li l-Bibbja tgħid li l-Messija kellu jitwieled Betlem; imma ma kinux jemmnu fil-fond, fil-Verità li din ħa tiġri verament. Kemm jista’ jiġri li nieħdu gost naqraw siltiet mill-Kelma, ngħiduhom lill-oħrajn, imma ma nemmnux fil-verità li dik il-Kelma qed issir realtà fina.
Min-naħa l-oħra jirnexxilu jifraħ min:
Kapaċi jaqra s-sinjali taż-żminijiet. Il-Maġi raw sinjal u kienu kapaċi jaqrawh.
Min kapaċi jitlaq u jfittex. Il-Maġi ma kinux marbuta mal-kumdità ta’ fejn kienu joqogħdu. Kienu lesti jitilqu, iħallu l-ispirazzjoni tmexxihom, jirriskjaw. It-tama li ser isibu għelbet id-diffikultajiet tal-vjaġġ. Ma kejlux, ma kkalkulawx.
Min kapaċi jadura. L-iskop tal-Maġi kien li jaduraw lil dan is-Sultan li twieled. Jifraħ fil-ħajja min jirnexxilu jadura mhux is-Sultan fuq it-tron tal-glorja imma dak li għadu ma jidhirx li hu Sultan. Tarbija ta’ koppja fqira ma tgħid xejn dwarha nfisha li hi Sultan, imma l-Maġi jadurawha. Jifraħ min kapaċi jinżel għarkupptejh quddiem ispirazzjoni sabiħa li għadha kemm tibda. Quddiem żerriegħa li għadha ma saritx siġra.
Min kapaċi jagħti. Il-Maġi jippreżentaw ir-rigali tagħhom lill-Messija. Hemm “iktar ferħ f’li tagħti milli f’li tirċievi” (At 20, 35), jgħid San Pawl. Darba jikteb “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor 9:7).
Ejjew nitolbu ’l-Mulej biex matul din is-sena dawn l-atteġġjamenti jagħmlu parti mill-atteġġjamenti li ser jagħtuna l-ferħ veru. Dak li ħadd ma jeħodhulna. Nitolbu ’l-Mulej biex tassew idawwalna naqraw is-sinjali taż-żminijiet u nħalluh jispirana dwar dak li jrid minna. Ma nibżgħux nitilqu kumditajiet u sikurezzi foloz biex nagħmlu dak li qed isejħilna għalih. Nitolbuh biex ma nibżgħux nivvjaġġaw u nfittxu; anke jekk niltaqgħu ma’ Erodi li jipprova jħawdilna t-triq. Fuq kollox ma nibżgħux nagħtu ħajjitna.
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.