Aħbar sabiħa

It- 3 Ħadd matul is-Sena (Mt 4, 12-23)

Jekk xi ħadd minnkom li qed jaqra xi darba għamel xi ftit studju taċ-ċinema jaf tajjeb li fil-maġġoranza tal-każi, film dejjem ikollu l-istess struttura: għandek sitwazzjoni inizjali ta’ paċi, jinqala’ konflitt, jiġi xi ħadd u jsolvi dak il-konflitt, u fl-aħħar sitwazzjoni finali fejn turi li l-kunflitt li nqala’ fil-bidu tal-istorja issa ġie solvut u kulħadd jista’ jerġa’ jibda jgawdi naqra paċi! Jekk nitkellmu fuq films drammatiċi, nafu li jkunu msejsa fuq stejjer vera, u li kapaċi wieħed jiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Biex ma nkomplux intawlu, ħajjitna ħafna drabi tixbah ġrajja ta’ film: esperjenza ta’ paċi, imbagħad jinqala’ xi ħaġa tant li faċli ngħidu: ‘Dejjem irid jara x’jinqala’’, kif ukoll nieħdu r-ruħ b’ċirkustanzi oħra li jgħinuna nkomplu għaddejja anke meta s-sitwazzjoni tkun diffiċli.

Però, f’dan kollu jista’ jinbet sentiment li jkun xi jkun l-eżitu tal-istorja, f’għajnejna xorta tkun spiċċat ħażin. Dan is-sentiment, li faċli nesperjenzaw ħafna drabi huwa: il-qtigħ ta’ qalb! Storja ma tispiċċa qatt tajjeb jekk naslu naqtgħu qalbna. Sewwa jgħidu li l-qaddisin il-kbar li l-qtigħ tal-qalb hija l-iktar arma qawwija f’idejn ix-xitan. Normalment biex wieħed ma jaqtax qalbu, irid jisma’ aħbar sabiħa; jisma’ li din id-diffikultà, dan is-saram, dan l-inkwiet mhux għal dejjem. 

L-istess jiġri fil-Vanġelu. Il-poplu kien fi dlam għax arrestaw lill-profeta. Ġwanni minkejja li kien persuna xi ftit riġida żżejjed, kien ta’ konsolazzjoni għall-poplu, kien kapaċi jagħti dawl, direzzjoni, tant li ħafna kienu jmorru għandu jistaqsuh dwar kif għandhom jgħixu. Imma issa għalqulu ħalqu, u l-poplu tħawwad. Imma ġie xi ħadd ieħor, l-istess bħalu jxandar li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Daqshekk dlam għal darb’oħra. 

Jiġi u joqgħod idur il-Galilija kollha, dik il-Galilija li kulħadd kien iħares lejha bħala post baxx mgħammar minn nies baxxi. U hu jdur propju hemm: jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-aħbar it-tajba u jfejjaq kull xorta ta’ mard. U dan ma jagħmlux waħdu. Jagħżel uħud biex miegħu jwettqu din il-missjoni. Missjoni li jduru fost in-nies, jgħallmuhom, ifejquhom u jagħtuhom aħbar sabiħa. 

Issa ġa għaddew elfejn sena minn dakinhar u dehru ħafna dixxipli tiegħu jduru man-nies jagħmlu l-ġid: jgħallmu, ifejqu u jxandru l-aħbar t-tajba. Kemm aħna midjunin mal-Imgħallem Ġesù! Kemm aħna midjunin mad-dixxipli tiegħu! Tul dawn l-elfejn sena, id-dixxipli tal-Imgħallem, minkejja d-dgħufija evitenti tagħhom, xi kultant anke kbira, għaddew mit-triqat tad-dinja jxandru l-Bxara t-Tajba. Kollox beda minn xatt il-baħar tal-Galilija u xterdu mad-dinja, għallmu, wettqu fil-fidi, bnew skejjel u sptarijiet, qerdu l-faqar, qerdu l-mard, assistew il-batut, għelbu ideoloġiji, bnew soċjetajiet, u bis-saħħa tas-salib tqanqlu mill-imħabba. Bosta drabi ġew ippersegwitati propju għax kienu viċin il-fqar. Dixxipli illustri ta’ Ġesù terrqu t-toroq tagħna jxandru l-Vanġelu, ifejqu kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu. X’dejn għandna ma’ dawn in-nies li ma jżommux fuq saqajhom bix-xewqa biss li jidhru jew iħaxxnu bwiethom! Is-soċjetà jsalvawha l-qaddisin! 

U int? U jien? Indunajna li bħal Ġesù, bħal Pietru, bħal Indrì, Ġakbu u Ġwanni għandna l-missjoni li nduru l-ambjenti li ngħixu fihom, ngħallmu, inxandru aħbar sabiħa u bil-preżenza tagħna nfejqu kull xorta ta’ mard? 

Il-Mulej, li sejjaħ għal warajħ eluf u eluf ta’ dixxipli, minn dik l-ewwel sejħa fuq xatt il-baħar tal-Galilija, qed isejjaħ lilek ukoll.

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Konna ser naħbtu

It- 2 Ħadd matul is-Sena [Ġw 1, 29-34]

Meta kont għadni lanqas għalaqt l-għoxrin, f’Malta kienet għamlet eklissi tax-xemx li kienet ser tkun tidher ħafna. It-televixin u r-radju tgħidx kemm kienu damu jxandru biex ħadd ma jħares direttament lejn ix-xemx għax dik setgħet tkun l-aħħar darba li wieħed jara x-xemx. Niftakar, jien u wieħed minn sħabi morna għand xi ħadd tal-welding biex nixtru biċċa ħġieġa simili li jużaw il-welders biex inkunu nistgħu naraw ix-xemx mingħajr ma nitilfu l-vista. Niftakar konna ddubbajna tnejn. Sieħbi kien isuq, jien kont għadni le. Jien kif tlajt fil-karozza, mill-ewwel qabbadt il-ħġieġa ma’ wiċċi biex nara l-imbierka eklissi għax bdejna nibżgħu li se tilħaq tispiċċa u lanqas ħaqq li nkunu xtrajna l-ħġieġ. Sieħbi għamel l-istess, u li kieku mhux għax il-Bambin kien magħna konna nifqgħu lil ta’ quddiemna. Għadni nisma’ l-ħoss tal-brejkijiet u nħoss l-iskoss li kont ħadt! Imma … bluhat ta’ meta tkun iżgħar.

Illum Ġwanni l-Battista hekk jiġrilu fil-Vanġelu: jara x-xemx! Innutaw kemm fil-Vanġelu hemm il-verb ‘ra’, jew xi kelma li toħroġ minnu. Ġwanni ra, u jrid li kulħadd jara. Jgħid hu stess: “Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, ‘Dan hu l-Iben ta’ Alla’.” (Ġw 1, 34) 

Ġwanni jgħid li ma kienx jafu lill-Mulej. Nafu li meta tkellem fuqu, mingħajr ma kien għadu rah, penġieh iktar qisu xi terrorista milli ħaruf. Kien il-Mulej stess li ppurifikalu għajnejh, biex hekk fis-safa kollu seta’ jara min kien verament il-Mulej u jagħmel li oħrajn jarawh ukoll. 

Allura, fl-essenza tagħha l-ħajja nisranija hija ħarsa lejn Ġesù. Ħarsa twila, kontemplattiva li nara f’wiċċu il-wiċċ tal-Missier li jħobbni. Hija orjentazzjoni kontinwa. ‘Fuq Ġesù se jissammru l-għajnejn,’ jgħidilna wieħed mill-innijiet li nkantaw fl-adorazzjonijiet tagħna, wisq probabbli ispirat mill-Ittra lil-Lhud meta tgħid: “Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.” (Ld:12:2) Hija l-istedina ta’ San Ġorġ Preca, li fil-ktieb tiegħu dwar il-kurċifiss bit-titlu Il-Ktieb il-Kbir jikteb: Itfgħu għajnejkom fuq l-Imgħallem Divin tagħkom. 

Biex nikkontemplaw lil Ġesù jrid ikollna ħarsa safja. Issa aħna ħafna drabi is-safa norbtuha biss ma’ ħwejjeġ ta’ natura sesswali. Nafu li ħafna drabi minn ħarsa mhux safja, jinbet ħsieb u minn ħsieb storja.  Għalkemm dan kollu huwa veru,  jekk nidħlu iktar fil-profondità tagħna nfusna nindunaw li fl-aħħar mill-aħħar, aħna ma nibqgħux safja mhux meta nħarsu lejn fejn ma kellniex inħarsu, imma meta l-‘oġġett’ li lejh inħarsu nagħmluh tagħna, meta fil-verità tagħna mhux. Allura jiġri li aħna ħafna drabi ma nkunux safja mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġisem imma ma ħafna sitwazzjonijiet li nagħmluhom tagħna meta tagħna mhumiex.

Ma jkollix ħarsa safja u ma jirnexxilix nara wiċċ Ġesù u nfiq kull darba li persuna, oġġett jew sitwazzjoni nagħmilha tiegħi, meta tiegħi mhijiex. Nispiċċa rrid immexxi jien; insalva s-sitwazzjoni jien; nippretendi minn nies ta’ madwari li jkunu u jġibu ruħhom eżattament kif nixtieqhom jien. Il-Mulej jippurifikali l-ħarsa kull darba li l-affarijiet ma jkunux eżattament kif qed narahom jien għax hemm nitgħallem li m’għandix kontroll fuq ħafna sitwazzjonijiet ta’ ħajti. Hemm ikolli nħares lejn Ġesù, u fis-sitwazzjonijiet l-iktar iebsa, ħarsti tiltaqa’ ma’ ħarstu. 

Tiftakru meta Pietru ħareġ mill-bitħa tal-qassis il-kbir, eżatt xħin kien għadu kif ċaħad lill-Imgħallem. Il-Mulej ħares lejh. Nimmaġina li ried jgħidlu: ‘Pruvajt issalva is-sitwazzjoni mingħajri, Piet, imma ma rnexxilekx!’ Fil-ħarsa ta’ Ġesù ma kienx hemm kundanna imma ħniena. 

Għalhekk nitolbu l-Mulej jagħtina ħarsa sajfa fuq ġrajjietna, fuq il-passat tagħna, fuq il-preżent u l-futur tagħna. Bil-grazzja tiegħu nistgħu naraw ħajjitna f’lenti differenti, fejn Ġesù jibda jidher fejn qabel ma kienx, u nneħħu darba għal dejjem li Alla tagħna huwa iktar terrorista milli ħaruf. 

Għalhekk: 

Fil-passat tiegħi – ‘Jien wiċċek infittex, Mulej.’

Fid-dnub tiegħi – ‘Jien wiċċek infittex, Mulej.’

F’ħija jew oħti li jdejquni – ‘Jien wiċċek infittex, Mulej.’

Fin-nies li għamluli l-ħsara – ‘Jien wiċċek infittex, Mulej.’

Fl-għedewwa – ‘Jien wiċċek infittex, Mulej.’

Fil-marid li nżur – ‘Jien wiċċek infittex, Mulej.’

Fil-familja tiegħi – ‘Jien wiċċek infittex, Mulej.’

Fil-komunità u l-Knisja – ‘Jien wiċċek infittex, Mulej.’

Fid-deċiżjonijiet li nieħu – ‘Jien wiċċek infittex, Mulej.’

Fil-futur tiegħi – ‘Jien wiċċek infittex, Mulej.’ 

Fil-mard u l-mewt li jżuruni – ‘Jien wiċċek infittex, Mulej.’

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Skużi, twieled xi bambin?

L-Epifanija tal-Mulej [Mt 2, 1-12]

“Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh.” (Mt 2, 2) 

U jekk isaqsu lilna nafu nweġbuhom? Il-qassisin il-kbar u l-kittieba tal-poplu kienu kapaċi jwieġbu, anke jekk sfortunatament lanqas għamlu pass wieħed biex immorru jarawh, jew jeħdulu xi rigal. Forsi pretendew li jitwieled fit-tempju, u allura ladarba ma twelidx hemm ħassuhom esklużi! Min jaf?

Imma int u jien nafu fejn twieled il-Bambin? Sibnieh? Morna narawh? Il-Bambin, (u din mhix retorika infantili), twieled f’qalbi?

Jistgħu jkunu diversi r-raġunijiet għalfejn il-Bambin għadu ma twelidx f’qalbi:

· Jista’ jkun għax ftit jinteressani. Għandi biżżejjed problemi ma xiex inħabbat wiċċi. Għandi biżżejjed xogħol x’nagħmel u wara kollox kif jien, għaddej tajjeb.

· Jista’ jkun għax nimmaġinani tant midneb li naħseb li m’hemmx post għall-Buon Ġesù biex jiġi għandi.

· Jista’ jkun li qtajt qalbi nipprova nkun tajjeb. Il-vizzju rikibni, u issa m’hemmx x’tagħmel. Ġesù forsi twieled f’qalb Madre Tereża, f’qalb il-kapillan, f’qalb dik l-anzjana li tmur kuljum il-knisja u tqatta’ ħinha żżebbeġ il-kuruna tar-rużarju, imma f’tiegħi, le.

· Jista’ jkun ukoll li jien inħossni wisq adult issa, anke jekk niġi l-knisja kull nhar ta’ Ħadd. Dawn huma ħmerijiet ta’ tfal mhux tiegħi!

· Forsi nħossni wisq intelliġenti biex noqgħod infittex il-Bambin. Ikolli nammetti li dak il-Bambin jekk jitwieled f’qalbi jumiljani, iġegħilni ninżel fl-art inqimu, u jien bniedem intelliġenti nistħi nintefa’ fl-art quddiem kulħadd.

· Forsi nibża’ li jekk il-Bambin jitwieled f’qalbi ser jobbligani nbiddel qalbi, imma jien ma rridx, m’għandix ċans, m’iniex komdu għalissa.

· Forsi nibża’ li jeħodli xi ħaġa, li jobbligani ntih id-deheb, l-inċens jew il-mirra, imma dawk għandi bżonnhom jien. 

Jien għandi bżonn min jinċensani ħa nħossni utli, ħa nħossni apprezzat, ħa nħossni stmat u popolari. Jekk ma jinċensawx lili lil min ser jinċensaw?

Id-deheb għalija biss. Jien il-King of the World. Għalfejn jagħtuh lil ħaddieħor? Mhux hekk tgħid, jagħtuh lill-Bambin. Dak min jafu? Il-Bambin wara kollox m’għandu bżonn xejn. Jien għandi bżonn. Jien dejjem fil-bżonn, allavolja għal kont wieħed il-bank għandi tnejn. 

Il-mirra għandi bżonnha jien biex infejjaq il-weġgħat, jew almenu biex intaffi l-uġigħ. Il-ħajja iebsa u ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu. Il-problemi nsolvihom jien. Il-Bambin x’qatt għamel? 

Imma bla ma nindunaw dawn ir-raġunamenti kollha jagħmluna Erodi, il-bniedem imkaxkar mill-poter, li jibża’ li Alla jeħodlu postu, il-bniedem li jsibu jikkompeti ma’ Alla għall-glorja. Battalja mitlufa! Kemm jista’ jiġri lilna li neħduha ma’ Alla? Kemm jista’ jiġri lilna li nsibuna mxennqa wara l-glorja, wara l-poter, wara kilba għall-popolarità li magħha ġġib biss kompetizzjoni, pika, ftaħir żejjed? Alla min-naħa l-oħra jġib paċi, sliem, risq, umiltà u ferħ għax ħadd ma jħossu obbligat jiġġieled għal xi ħaġa li jibża’ li ser jisirqulu.

Jekk isaqsuk fejn twieled il-Bambin tiddejjaqx tgħidilhom li twieled f’qalbek u f’kull qalb li ħalliet lil Alla jkun Alla. U dan ikun ir-risq! 

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

O żmien ħelu kif għaddejtli

Is-solennità ta’ Marija Omm Alla [Lq 2, 16-21]

Xħin qrajt u rriflettejt dan il-Vanġelu ltqajt mar-rgħajja u moħħi ġera lejn tfuliti. Ftakart kemm-il darba meta kont daqsxejn ta’ tfajjel nirreċta ta’ ragħaj. Niftakar ix-xena ta’ meta r-rgħajja laqgħu l-aħbar tal-anġlu, u l-qtajja li ngħaqdu miegħu. Wieħed minnhom tant kien immeravilja ruħu li radd is-salib, anke jekk dan, fil-mument tad-dehra ma kienx għadu jeżisti. Niftakarna rgħajja żgħar nitkellmu fuq l-istennija tal-Messija. Il-palk kien ikun dlam ċappa, u f’daqqa waħda min kien ikun qed jieħu ħsieb id-dwal jixgħel id-dwal ta’ fuq il-palk u aħna niddawlu. Minn fuq il-microphone xi ħadd moħbi wara l-purtiera tal-palk iħabbar: ‘Qed inħabbrilkom ferħ kbir…’ ‘Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet!’ O żmien ħelu kif għaddejtli!

’Il bogħod min-nostalġija tar-reċti tal-M.U.S.E.U.M. ejjew immorru iktar lura fi żmien. Żgur li r-rgħajja ta’ Betlem qatt ma reġgħu ħarsu lejn is-sema bl-istess mod. Immaġinaw ftit kif kull darba li kienu jħarsu lejn is-sema kienu jerġgħu jiftakru dak li għaddha mingħalihom dakinhar li s-sema ddawwal. Immaġinawhom ftit jiddiskutu bejniethom: ‘Benjamin, tiftakar sena ilu xi ġralna waqt li konna qed inħarsu lejn is-sema?’ ‘Kif qatt nista’ ninsa, Natan?’

Nistgħu nkomplu nimmaġinaw u mmorru lura f’dak il-lejl meta Alla ħareġ lil Abraham fil-beraħ u stiednu jħares lejn is-sema u jwiegħdu li nislu kien ser ikun jgħodd iktar minn dawk il-kwiekeb bla għadd. Żgur li Abraham, minn dakinhar qatt ma reġa’ ħares lejn is-sema bl-istess mod. Ftakart ukoll f’Marija, bis-sema miftuħ quddiemha tikkontempla t-tħabbira tal-anġlu. Żgur li Marija qatt ma reġgħet ħarset lejn is-sema bl-istess mod!

Imma seta’ ġara wkoll li matul iż-żmien ir-rgħajja, maqtulin bix-xogħol u d-diżappunti tal-ħajja, insew dak li raw fis-sema. Nafu li Abraham, f’mument nesa l-ħarsa li kien ta lill-kwiekeb, iddubita u ra kif għamel biex l-pjan ta’ Alla jwettqu hu mingħajr Alla.

Forsi matul din is-sena lilna ġralna l-istess. Jista’ jkun li ħarisna wisq lejn l-art, lejn il-problemi tal-ħajja, lejn l-ikrah ta’ xulxin, u qlajna għajnejna minn fuq is-sema. Is-sema li rajna darba jinfetaħ quddiemna nsejnieh u ħallejlna lilna nfusna niġu misjuqa mir-rabja u mid-diżappunt. Sirna morri fi kliemna, ikkonċentrajna wisq fuq ir-relazzjonijiet qatt perfetti tagħna, użajna kliem iebes, qasqasna fuq xulxin, ħadna għalina, sħitna lil Alla li bħal donnu għaddiena bi żmien. Jista’ jkun li matul din is-sena kkonċentrajna wisq fuq il-futur mhux magħruf tagħna. Bżajna u tlifna t-tama. Jista’ jkun li l-wegħdiet ta’ Alla dehru wisq ’il bogħod, u allura ħadna l-liġi b’idejna, għaġġilna, pruvajna nibnu imperu hawn fl-art u ħallejna s-suppervja jew l-għira jsuquna. Jista’ jkun li tlifna l-fiduċja fin-nies ta’ madwarna, ħrabna u morna fejn ridna aħna u mhux fejn riedna Alla. Forsi użajna l-istorbju biex naħarbu mir-realtà u bżajna nidħlu fi skiet u nerġgħu nikkontemplaw il-wegħdiet ta’ Alla. Jista’ jkun li tajna l-fiduċja tagħna lil nies, oġġetti li flok tawna d-dinjità ta’ wlied għamluna lsiera.

Jekk dan ġara fil-ħajja tagħna ejjew nerġgħu noħorġu fil-beraħ u nikkontemplaw is-sema sabiħ kif darba nfetaħ quddiemna. Ejjew nieqfu u nerġgħu ngħixu dawk l-esperjenzi li fihom doqna s-sbuħija ta’ Alla u l-wegħdiet tiegħu. Ejjew nerġgħu niftakru fis-sbuħija tal-qdusija, nerġgħu nibdew minn hemm u nħarsu ’l quddiem b’tama. Dak is-sema jista’ jerġa’ jinfetaħ quddiemna u naraw il-glorja ta’ Alla. Ejjew bħal Marija ngħożżu dan kollu f’qalbna u naħsbu fuqu bejnna u bejn ruħna.

Taqtax qalbek. Taħt is-salib, fejn ix-xemx tiddallam, int tista’ tibqa’ wieqaf, għax darba doqt is-sbuħija tas-sema miftuħ, u smajt il-kliem: “Tibżax, qed inħabbarlek ferħ kbir.” (Lq 2, 10)! Le, iż-żmien ħelu għadu m’għaddiex!

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Patri Andrew Galea OFM Conv