Is-27 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 21, 33-43)
Intrabtu magħha u saru huma l-padruni. Għal darba oħra nsew min huma; li huma ma kinux is-sidien tal-għalqa, imma biss ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli. Fil-kilba li kellhom li jirtu l-għalqa nsew ħafna affarijiet.
Insew kemm kien ħanin is-sid. Li l-għalqa tad-dwieli “tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri.” (Mt 21, 33) Li kieku ftakru naqra b’liema attenzjoni ħa ħsieb l-għalqa tad-dwieli kieku malajr kienu jifhmu li la kien daqshekk qalbu tajba ma’ għalqa, daqshekk ieħor kien ser ikun qalbu tajba magħhom. Żgur li kien ser ikollhom sehem mill-frott tal-għalqa.
Insew li s-sid wera fiduċja kbira fihom li fdalhom l-għalqa għażiża tiegħu.
Insew li l-frott ma kienx tagħhom imma tas-sid.
Imsieken, saru padruni ta’ xi ħaġa li ma kinetx tagħhom. Intrabtu żżejjed magħha, mhux biex jieħdu ħsiebha, imma biex jieħdu xi ħaġa minnha.
Kemm jiġrilna hekk lilna! Alla jafdalna xi ħaġa u dik il-ħaġa nagħmluha tagħna. Ħafna drabi ma’ Alla hekk nirraġunaw. Għal kull ħaġa li jtina flok nirringrazzjawh ngħidulu: ‘Dik tiegħi!’ Nippretendu li nsiru padruni aħna, meta aħna biss kuraturi jew amministraturi. Ninsew li kollox huwa don!
Kemm jiġrlilna li nintrabtu mal-affarijiet tiegħu u mhux miegħu! Kemm ninsew li Alla ma jrid joħdilna xejn! Żġur li f’dan il-mument li qed taqra dan il-ħsieb qed taħseb f’xi ħaġa li int għamiltha ikbar minn Alla; qed taħseb f’xi ħaġa li ma timmaġinakx tgħix mingħajrha; qed taħseb f’xi ħaġa li tibża’ li Alla jista’ jeħodlok.
Imma Alla ma jrid jeħodlok xejn; irid biss jgħinek tifhem li dik il-ħaġa: persuna; storja; esperjenza; falliment; ferħa, tkun isbaħ meta tkun tiegħu milli meta tkun tiegħek.
F’waħda mill-isbaħ omeliji tiegħu Papa Benedettu XVI kien tkellem propju li Alla ma jrid jeħdilna xejn imma jagħtina kollox. Fil-bidu tal-ministeru tiegħu kien qal hekk Benedettu XVI.
Għalhekk illum, jien irrid, b’qawwa u b’konvinzjoni kbira, ngħid lilkom żgħażagħ, wara l-esperjenza ta’ ħajja personali twila: tibżgħux minn Kristu! Hu ma jeħdilkom xejn, imma jagħti kollox. Min jingħata Lilu, jirċievi għal mitt darba. Iva, iftħu, iftħu beraħ il-bibien għal Kristu – u jkollkom il-ħajja. (Benedettu XVI, Omelija fil-Bidu tal-Ministeru Petrin tal-Isqof ta’ Ruma, 24/04/2005)
Ejjew nemmnu li jekk is-sid jiġi għal frott lilna mhux ser iħallina b’idejna f’idejna!
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv