EUSF_InAHurry

Għaġla

Id-Daħla Solenni tal-Mulej f’Ġerusalemm (Mk 14, 1-15, 47)

Kien għad baqa’ jumejn għall-Għid u f’jumejn il-qassisin il-kbar u l-Kittieba, f’għaġla għamja, riedu jħejju kumplott kif jeliminaw lil Ġesù. Impressjonanti li qagħdu attenti li ma jneħħuhx fil-festa li ma tmurx tqum xi rewwixta! Ma ridux iħassru festi, imma jeqirdu lil Ġesù riedu u ma kellhomx żmien x’jitilfu. 

Il-mara bil-vażett tal-alabastru wkoll kellha l-għaġla. Il-ħeffa, li mingħajr ma taħsibha, tidħol f’baħar miżgħud klieb il-baħar, u tpoġġi fil-prattika l-ħsibijiet ta’ moħħha u qalbha u xxerred iż-żejt ifuħ ta’ ward safi fuq ras il-Mulej. 

Il-mistednin ta’ Xmun l-imġiddem kellhom l-għaġla li jeħduha magħha, jiġġudikawha ħalja. Kellhom l-għaġla jfittxu skuża l-għala dan l-istagħġib tagħhom, il-għala ħadu skandlu u ġabu skuża bil-foqra. 

L-Imgħallem ukoll kellu l-għaġla li jiddefendiha u li jagħti ġustifikazzjoni għall-aġir ta’ ħniena u mħabba li kienet uriet miegħu. Dak li għamlet il-mara għal Ġesù huwa Vanġelu, infatti jistqarr li kull fejn tixxandar il-Bxara t-Tajba, dan jingħad ukoll b’tifkira tagħha. U hekk seħħ tassew. L-Evanġelisti Mattew, Mark u Ġwanni jpoġġu dan ir-rakkont fil-bidu tar-rakkonti tal-passjoni tagħhom. 

Min jaf il-Mulej fuq is-salib b’xagħru mgħakkar bid-demm ftakarx fil-ġest ta’ din il-mara li dellkitlu rasu bil-fwieħa? L-awtur tar-raba’ Vanġelu jgħidilna li din il-mara dellkitlu riġlejh. Min jaf ftakarx fuq is-salib, b’riġlejh imwaħħlin mal-għuda, fil-ġest tal-mara minn Betanja? Min jaf il-ġest tal-ħasil ta’ riġlejn id-dixxipli tiegħu kellux dan il-ġest f’moħħu?

F’din is-silta niltaqgħu ma’ nies mgħaġġlin; min iħobb u min biex jobgħod. Żgur li l-Mulej kellu l-għaġla li jwettaq ir-rieda tal-Missier. F’Kapitlu 12 tal-Vanġelu skont San Luqa nsibu l-kliem qawwi ta’ Ġesù dwar l-għaġla li kellu li fih iseħħ ir-rieda tal-Missier: “Nar ġejt inqabbad fuq l-art u kemm nixtieq li qabad” (Lq 12, 49). 

U int u jien x’inhi l-għaġla li tikkaratterizzana? 

Hija l-għaġla tal-ġudizzju li nfajru bl-addoċċ fuq kull min jagħmel xi ħaġa li taħsadna, li tħawwadna, li ddaħħalna f’dubju, li tisfida ċ-ċertezzi tagħna? Għandna l-għaġla li nsibu skuża għall-ġudizzji mgħaġġlin tagħna? Fl-aħħar mill-aħħar xi nkunu qed niddefendu meta ngħaġġlu biex insibu l-ġustifikazzjonijiet għall-ġudizzji tagħna? Ma ninsewx li l-biża’ tagħmilna dejjem iktar riġidi. 

Għandna l-għaġla biex nippruvaw nifhmu? U biex nifhmu l-għaġla li jrid ikollna hi biex nisktu u nosservaw. Nitgħallmu nwaqqfu moħħna mill-bżonn li jtajjar minn quddiemu dak kollu li b’xi mod jista’ jħawdu. L-għaġla biex tifhem u tagħder trid tieħu l-forma li tieqaf, il-prontezza li ma toħroġx mill-ewwel iċ-ċertezzi tiegħek u tiddefendihom. Jekk tagħmel hekk ma tkunx qed tiddefendi l-verità ħlief ’il dik li weħilt magħha, li mingħajrha abbli tħossok vulnerabbli. 

Jagħtina l-Mulej li f’dawn il-jiem qaddisa nifhmu kemm Alla tagħna fuq is-salib ikisser l-iskemi mentali tagħna. Hu s-Samaritan it-tajjeb li ma kienx marbut mal-liġi bħall-qassis u l-levita, u bħal din il-mara jħalli li l-unika liġi li tmexxih tkun l-imħabba. Nieqfu quddiem il-passjoni tal-Mulej u ngħaġġlu li nħobbuh biex nhar il-Ġimgħa l-bewsa li nagħtu lill-Kurċifiss tkun radd ta’ ħajr għal-libertà li nissilna fiha bil-mewt u l-qawmien tiegħu.

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.