It-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu (Lq 2, 1-14 / Ġw 1, 1-18)
Is-sena l-oħra, żgur li tiftakru, stenn’ stenn’, x’jien ngħid?! Żgur li ma tiftakrux. Hu x’inhu kelli l-biża’ li waqt li nkun tiela’ bil-bambin biex inpoġġuh fuq l-artal jaqagħli u jsir frak! Għadni niftakar ngħidilkom “Ċert li nisma’ oooooo jew iiiiiiiii” u jkun vera każ li nibqgħu niftakruh. Dakinhar il-bambin ma sarx frak, imma spiss insiru. Ħafna esperjenzi jagħmluna frak.
Tiftakru żmien il-Covid. Issa nsejnieh hux vera?! Imma fi żmienu konna drajna ndaħħluh f’kollox. Ma setax ikun mod ieħor! Pandemija li ħadd ma kien jistenna. Xi drabi kont inħossni niċċassa u ngħid, “Imma din ħolma?” Filgħodu nkun nieżel għat-talb u ngħid: “Eh, bilħaqq il-maskra.” Immur nixtri xi ħaġa u dlonk naħsel idi. Kull darba li rrid niltaqa’ ma’ xi ħadd irrid noqgħod attent li ma naqbiżx il-linja taż-żewġ metri. X’memorji. U din mhux oħra! Il-fatt li ma stajniex ngħannqu jew nieħdu b’idejn ħadd għajr il-membri stretti tal-familja tagħna! Għadda wkoll!
Imma ejja nkunu ċari ma’ xulxin. Huma verament dawn l-affarijiet essenzjali li għadna noqogħdu nsemmu ħdejn affarijiet iktar gravi li ġraw u għadhom jiġru? In-nies baqgħu jmutu xorta u anzjani li ħadd ma jmur iżurhom għadhom fostna, anke wara l-Covid. Oħrajn għadhom jitilfu x-xogħol u oħrajn għadhom jispiċċaw f’sitwazzjoni li ma tħallihomx ifendu għal rashom għall-bżonnijiet primarji tal-ħajja ta’ kuljum u jkollhom jittallbu. Ħafna drabi l-inkwiet tagħna huwa biss – tfettiq!
Imma kif jiġrilna hux; kultant nibqgħu nibżgħu li ser jiżolqilna l-bambin minn idejna u jsirilna frak u ninsew kemm hawn affarijiet oħra li jsiru frak. F’dawn l-aħħar sentejn assistejna għal żewġ gwerer u oħrajn li lanqas biss nafu bihom. Nibqgħu nimmaġinaw li fil-ħajja kollox irid imur sew u arana ninkwetaw fuq il-ħmerijiet. Kemm kapaċi nkunu għoġġieba fil-ħajja! Kemm ninsew l-essenzjal u bħallikieku nibdew nemmnu li għandna d-dritt ninkwetaw fuq ix-xejn u li nħallu barra dak li vera jiswa. Ejja ngħiduha flimkien: “Kemm aħna boloh.”
U proprju minn dan ġie jeħlisna l-Mulej Ġesù. Għalina li nemmnu llum qed niċċelebraw is-salvazzjoni tagħna. Aħna nipprofessaw fidi li tgħallimna li l-Mulej bis-salib u l-passjoni tiegħu ħelisna mill-mewt ta’ dejjem. Alla jħallas id-dejn li aħna kellna ma’ Alla li għamilna aħna permezz ta’ dnub. Hija l-istorja tas-salvazzjoni tagħna. Kristu bl-inkarnazzjoni tiegħu, bil-passjoni, bil-mewt u bil-qawmien tiegħu jsalva lill-bniedem.
Imma Alla ma jsalvaniex biss permezz tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Ma jsalvaniex biss mid-dnub u l-konsegwenzi tiegħu. Alla jsalvana, jifdina permezz tar-rivelazzjoni. X’iġifieri? Rivelazzjoni tfisser tikxef xi ħaġa! Alla jsalvana billi jurina hu min hu. Il-Franġiskani dejjem emmnu sa mill-1308 (data tal-mewt ta’ Duns Scotus) li anke kieku l-bniedem ma dinibx Alla xorta kien ser jibgħat lil Ibnu. Alla minn dejjem ħaseb biex juri lil Ibnu lill-umanità, ma setax ma jurihx. Għaliex? Għax aħna għandna bżonn naraw! Aħna għandna bżonn nitgħallmu x’iġifieri tkun bniedem. Aħna m’aħniex biss stint, aħna wkoll intelliġenza, u l-moħħ u l-qalb iridu jiġu edukati. Jekk ma jiġux, kont ser ngħid nagħmlu bħall-annimali. Imma l-annimali msieken m’għandhomx tort. Imma aħna iva, għax intelliġenti. Wara kollox l-ikbar atroċitajiet aħna għamilniehom, mhux l-annimali. Nispiċċaw nagħmlu agħar minnhom.
Konna qed ngħidu. Alla jdawwal il-moħħ tagħna. Jurina hu min hu, biex aħna nagħrfuh u joffrilna stil ta’ ħajja li tgħinna ngħixu ħajja sura ta’ nies. Alla ma jsalvaniex biss wara li nkunu fattarnieha, imma joffrilna stil ta’ ħajja biex kemm jista’ jkun ma nfattruhiex. Allura, Alla mhux biss mediċina, terapija għal wara l-waqgħa. Alla huwa wkoll prevenzjoni. Anke, min ma jemminx hawn għandu jsib postu! Alla jrid jeħilsek billi jurik kif tkun bniedem ferħan, kif tkun bniedem sabiħ, kif tkun bniedem li kapaċi tgħix ta’ bniedem. Kif? Billi tidħol f’relazzjoni ma’ Ġesù Kristu u, wara li dduq il-ħlewwa tiegħu, tibda bil-mod il-mod tgħix bħalu.
Aħna għandna bżonn naraw u nifhmu biex niġu meħlusa. U x’qed naraw?
• Qed naraw tarbija, li tagħha m’għandha xejn! Tarbija mfisqija mimduda f’maxtura. Tarbija frott tal-grazzja, imma ġa miċ-ċkunija, taf x’inhi t-tbatija. Tarbija li titwieled f’Betlem minħabba li Ċesare ried jgħodd lil niesu, u taħrab lejn l-Eġittu minħabba l-ġenn ta’ Erodi. Perspettiva li titgħallem taċċetta ċirkustanzi xejn pjaċevoli għax temmen li Alla jara fil-bogħod iktar milli tara inti!
• Qed naraw tarbija ta’ nies li ma sabux min jilqagħhom. Il-Vanġelu qed joffrilna perspettiva ta’ nies li jaċċettaw li fil-ħajja tista’ tiġi mwarrab jew b’mod sfaċċat jew ħelu ħelu.
• Qed naraw nies li mhuma marbuta ma’ xejn; lanqas mal-idea li l-Messija kien jixraqlu xi post aħjar fejn jitwieled. Kemm inbatu minħabba l-aspettazzjonijiet megalomanijaċi tagħna. Fil-Vanġelu, it-tarbija ta’ Betlem tgħallimna li mhux kollox irid jiġi kif inpenġuh aħna f’moħħna.
• It-tarbija ta’ Betlem tgħallimna li dawk li fid-dinja huma disprezzati, huma l-għożża ta’ għajnejn Alla. Ir-ragħajja kienu dawk li l-ewwel waslitilhom l-aħbar. Mela sabiħ/a titkabbarx għax Alla hu ħabib tal-umli.
Iva, Alla ma jsalvaniex biss billi jissallab ma’ salib. Alla jsalvana billi jurina wiċċ ibnu. Il-wiċċ ta’ Alla huwa wiċċ il-Bambin. Xi ġmiel il-bidu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann: “U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità” (Ġw 1, 14).
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.