L-24 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 8, 27-35)
Immaġina li tkun qed issuq u tiltaqa’ ma’ billboard b’differenza, għall-ewwel tpeċpeċ ftit għajnejk biex tara jekk tkunx qed taqra sewwa. Fuq il-billboard hemm ritratt ta’ Ġesù Kristu u maġenbu hemm il-kliem: “Min irid jiġi warajja, irid jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Lq 9, 23). L-għada filgħodu tiftaħ il-gazzetta u ssib headline li jgħid: “Billboards b’differenza”.
Tifhmu għalfejn fil-bidu bdejt bil-kelma ‘Immaġina’ għax nassumi li dawn l-affarijiet jiġru biss fl-immaġinazzjoni tiegħi. Imma jekk fil-gazzetta qrajna: “Billboards b’differenza”, ma nkunux qed nimmaġinaw jekk ngħidu li Ġesù huwa Messija b’differenza. Din huwa l-ħsieb tal-Vanġelu tal-lum. L-ewwel ma rridu nifhmu huwa li Ġesù huwa tassew Messija, u Messija differenti minn kull min fl-istorja tal-bniedem ippropona lilu nnifsu bħala Messija. Jekk id-dinja rat ħafna rivoluzzjonarji kien biss Ġesù Kristu dak li biddel mill-qiegħ l-istorja tal-bniedem.
Kien hu biss li rnexxielu jkun rivoluzzjonarju mhux bil-ġlied, imma bl-imħabba. Miegħu rridu nżidu kull min bħalu, fuq il-passi tiegħu, għamel l-istess rivoluzzjoni. Kien hu li rnexxielu joħroġ bi ħmerija (għal għajnejn id-dinja ovvjament!) li wieħed biex jirbaħ lill-għadu tiegħu jrid iħobbu. Għalina mhi ħmerija xejn għax nafu li l-għadu normalment hu beżżiegħ u għax beżżiegħ vjolenti. Allura għandu bżonn ifiq u dan il-fejqan jista’ jsibu biss fl-imħabba, jekk le jibqa’ jkun beżżiegħ u vjolenti.
Kien dan il-Messija b’differenza li jirnexxilu jasal jgħid li huma henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja.
Kien dan il-Messija b’differenza li jasal jgħidlek li jekk tkun ser ittella’ l-offerta tiegħek fuq l-artal u tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, tħalli l-offerta hemm, tmur tirranġa miegħu, imbagħad ittella’ l-offerta.
Kien ukoll dan il-Messija li jgħidlek biex min itik daqqa fuq ħaddek il-leminija ddawwarlu l-oħra biex tiġi pariġġ, u jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil, tmur miegħu tnejn, immaġina ftit jekk dak ix-xi ħadd ikun idejqek!
Huwa dan il-Messija b’differenza li llum qed jgħid li iva biex tkun dixxiplu tiegħu trid tagħmel paċi mas-salib. Sakemm is-salib tibqa’ tqisu bħala għadu tiegħek u tiġġilidlu bħala xi ħaġa ’l barra minnek ħa tkompli tiġġieled fl-ajru, ser tkompli taħli l-enerġija qisek qed tagħti daqqiet ta’ ponn lir-riħ. Ġesù qed jistiednek tagħmel ħabib mas-salib, tilqgħu, għax hu hekk għamel, laqgħu u għamel minnu għodda ta’ ħelsien.
Jekk naċċettaw is-salib Ġesù jrid jagħmilna nies ħielsa, saħansitra minn ħajjitna stess, mill-illużjoni li ħajjitna tista’ tkun dejjem taħt xi umbrella fuq xi xtajta fil-Karibew. Ġesù jrid jagħmilna ħielsa mill-illużjonijiet imma fuq kollox iqawwilna qalbna li fis-salib nistgħu nkunu nies ta’ tama, hienja.
Iebes dal-kliem! Min jista’ jifhmu? Mulej agħtina d-dehen.
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.