Curriculum Vitae

Il-11-il Ħadd matul is-Sena (Mt 9, 36-10, 8)

Mhux faċli ssabbar lil xi ħadd li jkun applika għal post tax-xogħol u ma jkunx ġie aċċettat. Bħal donnu kull min japplika, sakemm joħroġ ir-riżultat jekk ġiex aċċettat jew le, ikollu qalbu mimlija tama li dak il-post huwa tiegħu. Ir-riżultat jekk ikun wieħed negattiv, spiss iġiegħlek tisħet is-siegħa u l-mument li ħadt xi jumejn tipprepara s-CV, li qgħadt tixtri xi ħwejjeġ tajba biex tagħmel impatt fuq min intervistak. Tiddejjaq ukoll li qgħadt timtela bit-tama biex imbagħad bqajt diżappuntat. Faċli wkoll li dawn l-avvenimenti kapaċi jnisslu fil-persuna nuqqas ta’ stima lejha nfisha, għax ġaladarba ma ntagħżilx għall-post, sinjal li kien hemm xi ħadd li kien aħjar minnu. Insomma, normalment jgħaddu ftit ġranet, u dawn il-ħsibijiet kollha jgħaddu.

Dejjem nistagħġeb bil-mod kif Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u lil min eventwalment għażel. Bħal donnu l-Mulej ra l-bżonn tan-nies li jkollom ragħaj għax kienu mitluqa u mdejqa u ddeċieda li jagħżel tnax li ser ikunu rgħajja tal-poplu, kienu kif kienu. Nafu li Ġesù talab qabel għażilhom. Nafu li żgur mhux forsi kien kapaċi jagħmel dixxerniment tajjeb, madanakollu r-rgħajja li għażel ma kellhomx xi kwalitajiet li jispikkaw la fi xjenza u lanqas fil-qdusija. Fi ħdan l-ewwel komunità kien hemm isaltnu kwalitajiet li mhux ta’ min isejħilhom ‘appostoliċi’ kif ġieb u laħaq. Kollha kienu jfittxu min kien l-ikbar fosthom, min kien moħħu fil-flus, min kien jigdeb, min irid jibgħat in-nar fuq il-belt tas-Samarija li n-nies tagħha m’ aċċettawx lil Ġesù. Uħud ma emmnux u kollha jaħarbu. Ma ninsewx ukoll li l-ewwel komunità, dik imwaqqfa minn Ġesù nnifsu spiċċat b’żewġ traġedji: l-mewt tal-imgħallem u d-diżgrazzja ta’ Ġuda. 

Minkejja dan kollu Ġesù jafdahom bil-Vanġelu; jafdahom b’missjoni. Kien jaf li l-missjoni nfisha kienet ser tgħallimhom affarijiet ġodda. Ġesù hekk jagħmel magħna. Jibgħatna anke jekk jaf li qatt ma nistgħu nkunu kwalifikati daqskemm wieħed jixtieq.

Il-Mulej jibgħathom biex ixandru l-aħbar it-tajba. Hawn tajjeb insaqsi kemm jien qed inkun xandar ta’ aħbar sabiħa. Fija nġorr dak il-qtigħ il-qalb li jagħmilha diffiċli li nxandar aħbar ta’ ħelsien? F’ħajti qed nagħmel esperjenza ta’ ħelsien hekk li nkun kapaċi nkun ta’ spalla għal min ħelsien ma jafx x’inhu? Il-preżenza tiegħi, hija preżenza ta’ fejqan, jew kapaċi, bl-egoiżmu tiegħi mmarrad l-ambjenti li fihom ngħammar? Qed nkun strument li ‘jqajjem il-mejtin’ jew tant drajt fil-mewt tiegħi, li kapaċi noqtol l-entużjażmu li l-Ispirtu jiżra’ fi qlub ħuti? Kapaċi nieqaf lill-ħażin? Ċħadt lilu u l-għemil qarrieqi tiegħu, jew għadni ngħix sieq ’l hemm u sieq ’l hawn? Insibni ħabib t’Alla fejn jaqbilli, u ħabib tal-għadu fejn le? 

Il-Mulej jistedinna wkoll infejqu l-lebbrużi. Illum il-lebbrużi huma dawk li jien b’xi mod jew ieħor niddejjaq u nitqażżeż nagħmilha magħhom. Ħafna drabi, huwa jien li nfiq meta nagħmilha ma’ min insibni diffiċli nġerraħ għax inkun qed immur kontra l-egoiżmu tiegħi. Meta San Franġisk t’Assisi ltaqa’ mal-lebbruż, dan tal-aħħar ma fieqx imma fieq San Franġisk mill-egoiżmu tiegħu u induna li kollox b’xejn kien ingħata lilu, u għalhekk hu wkoll seta’ jingħata mingħajr riżervi. 

Jien nistqarr li għadni ma wasaltx għal dan kollu li semmejna hawn fuq, u nassumi li lanqas intom. Madanakollu ma naqtax qalbi la minni nnifsi u lanqas mill-Knisja li tagħha nagħmel parti. Wara kollox ma nippretendix li d-dgħufija tiegħi jifhimha xi ħadd ħlief min hu dgħajjef bħali u Alla l-imbierek. Int ukoll taqtax qalbek. Il-Mulej jista’ jużak ukoll. Serraħ rasek li hu ser jibqa’ jaħdem fik u jseħħlek int ukoll, minkejja d-dgħufija tiegħek, u tal-Knisja li tagħmel parti minnha, twettaq ħwejjeġ kbar. 

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.