Kollha naħarbu niġru

It-12-il Ħadd matul is-Sena (Mt 10, 26-33)

Aħna poplu tal-festi! Arana nħejju minn ġimgħat qabel għall-festa. Oj, oj, x’jien ngħid, mhux ġimgħat qabel, xhur qabel jekk mhux mill-għada tax-xalata. F’ħafna festi tal-irħula tagħna niċċelebraw u nfakkru xi qaddis martri li ta ħajtu bl-aqwa mod, billi spiċċa xerred demmu.

Kultant, aħfruli l-makabrità, nimmaġina li jidħol xi ħadd f’xi knisja waqt xi paniġierku tal-festa u jgħajjat: ‘Jekk intom ta’ Ġesù se ntajjar kull m’hawn.’ Kieku serrħu raskom li kulħadd jara kif ser jagħmel biex isalva ġildu, jien l-ewwel wieħed. Nista’ nifhem, tafux, li f’sitwazzjoni bħal dik kulħadd jippanikja u jfittex li jsalva ġidu. Ħadd ma jkun jista’ jakkużana li għax ħrabna l-periklu nqasna milli nistqarru l-fidi tagħna.

Madanakollu jkollna nammettu li dan il-poplu għażiż tagħna bħal donnu dera jiċħad il-fidi b’mod ħafna iktar sottili. Il-poplu Malti, fortunatament qatt ma għex persekuzzjoni reliġjuża ħarxa. Madanakollu, peress li qatt ma ġie sfidat mill-għeruq dwar il-fidi tiegħu, dera wisq jgħix fidi komda; fidi li tinbiegħ bi ftit ċenteżmi. Fidi li tagħmel ħoss bil-murtali u l-marċi, imma tibqa’ siekta għalkollox meta niġu biex nittrattaw il-valuri li jipproponi l-Vanġelu. Fidi li tlibbes il-knejjes imma mhux dejjem tagħmel l-istess sforzi biex tlibbes is-soċjetà bil-valuri ta’ Ġesù. Fidi li ddur ma’ kull riħ ibda minn San Pawl sal-lum. Tiftakru hekk kif ħeles mill-għarqa bdew jgħidu li kien xi ‘alla’, imma mbagħad xħin gidmitu l-lifgħa bdew jgħidu li kien xi qattiel. Fidi li timla kullimkien bi xbihat reliġjużi, imma fil-fond, fil-fond tal-qalb la taf lil Ġesù, u lanqas il-Vanġelu tiegħu. Ħafna drabi dan il-poplu huwa poplu li jrid il-fidi biex ikollu biex jilgħab, bħat-tfal li jfittxu l-ġugarelli, imma mbagħad xħin jixbgħu minn dak il-ġugarell iwarrbuh f’ġenb u jfittxu ġugarell ieħor!

Fil-magħmudija aħna ġejna mmarkati bis-sinjal ta’ Ġesù Kristu. Fil-magħmudija ġejna midluka biż-żejt biex niżolqu lill-ħażen. Fil-magħmudija ġejna midluka biex bħal Kristu nkunu saċerdoti, sabiex inqaddsu l-ambjenti li nkunu fihom; profeti li nisimgħu u nxandru l-kelma t’Alla. Ġejna midluka slaten biex ngħixu l-ħajja ċivili tagħna b’ġustizzja u paċi. Fil-magħmudija ġejna mogħtija d-dawl ta’ Kristu. Ġejna mlibbsa l-libsa l-bajda mistiedna li ninżgħu l-bniedem il-qadim u nilbsu lil Ġesù Kristu.

Imma x’sar minn din il-missjoni li rċevejna fil-magħumudija? Illum Ġesù qed jistedinna nkunu xhieda u biex tkun xhud ħafna drabi trid toħroġ mill-kumdità tiegħek.

Nemmen li jien immarkat bis-sinjal tas-salib? Bejn l-ewwel salib li ġejt immarkat bih fil-magħmudija, u l-aħħar salib li jimmarka t-tebut u l-qabar tiegħi, x’hemm f’ħajti? Naf li l-imħabba mingħajr salib hija l-ikbar gidba. Jien xhud tas-salib ta’ Ġesù? Nimxi warajh meta kollox ħarir, jew inkella nsibu ħdejja anke meta mgħobbi bis-salib?

Ġejt midluk bil-żejt tal-katekumeni biex naħrab lill-ħażin. U jien? Nagħmel kompromessi mal-ħażen? Ġejt mogħti l-missjoni li nkun saċerdot. Il-missjoni tas-saċerdot hija li jqaddes. Jien inqaddes l-ambjenti fejn nkun? Jista’ jkun li ma nidgħix, u allura moħħni mistrieħ li m’iniex nisħet fejn inkun. Imma kif inhu kliemi? Forsi ma nidgħix imma nqassas, nivvinta, nigdeb u allura flok nidgħi b’Alla nkun qed nidgħi bix-xbieha tiegħu. 

Ġejt mogħti l-missjoni li nkun profeta, imma kemm jien kapaċi nuri s-sbuħija ta’ Alla fid-dinja tal-lum?

Ġejt mogħti l-missjoni li nkun sultan, imma kemm inħaddem il-kwalitajiet tiegħi u l-ġid li Alla tani b’reqqa? 

Jiena dawl? Jiena melħ? Jiena belt fuq muntanja? Dik il-libsa l-bajda li rċevejt dakinhar tal-Magħmudija għadha bajda? Meta ntebbagħha nfittex li nerġa’ niksibha bajda bħas silġ?

Il-ħajja nisranija ma tħalli l-ebda rokna mingħajr ma tqaddisha bil-Vanġelu ta’ Ġesù! Ma nibżgħux inkunu xhieda anke meta minn naħa jgħidulna biex noħorġu mis-sagristiji, imma min-naħa l-oħra hekk kif noħorġu niftħu ħalqna jaraw x’jagħmlu biex nerġgħu jitfgħuna lura u jsakkru l-bieb. Il-kliem tal-Imgħallem ċar: “Dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut.” (Mt 10, 27)

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.