Artal fi triq

It-Tifkira Solenni tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej: Il-Ħadd wara t-Trinità Qaddisa   (Ġw 6, 51-58)

Darba kont għall-quddiesa ta’ saċerdot li kien għalaq 25 sena jqaddes. Niftakar li l-knisja kienet mimlija nies u abbli l-patri beda jinkwieta xi ftit li fir-riċeviment li kellu jsegwi wara, l-ikel ma kienx ser iservi. Għalhekk il-patri simpatiku fl-aħħar tal-quddiesa qal: ‘Kellna deċiżjoni x’nagħmlu: jew ftit jieklu ħafna jew inkella kulħadd jiekol ftit, imma kulħadd jiekol. Għażilna t-tieni waħda.’ Ma nafx għaliex in-nies qabdu jċapċpu! Il-party kien sabiħ. L-ikel serva. U n-nies abbli ma ħarġux jgħidu: ‘Ajma kemm kilna,’ imma żgur li qalu: ‘Kemm ħadna gost.’

Ġesù fil-Vanġelu tal-lum jidher li wkoll għandu problema bl-ikel u hekk kif l-appostli jmorru jikkonsultaw l-Imgħallem fuq il-fatt li kien sar il-ħin u li n-nies bdiet tgergrilhom żaqqhom, hu mingħajr ma jaħsibha darbtejn iwieġeb biex ikunu huma li jagħtuhom x’jieklu. Xi studjużi tal-Bibbja jgħidu li traduzzjoni iktar eżatta għandha tkun: “Agħtuhom lilkom infuskom x’jieklu.” U propju dan huwa l-veru sens tal-festa li qed niċċelebraw illum – is-solennità tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej.

Jekk il-ġimgħa l-oħra rajna li l-misteru tant sublimi tat-Trinità Qaddisa għandu konklużjonijiet tant prattiċi għal ħajjitna, hekk ukoll il-misteru li qed niċċelebraw illum tal-Ewkaristija Mqaddsa, għandu għajxien prattiku. Allaħares nikkuntentaw bil-fatt li l-misteri tal-fidi huma biss ħwejjeġ tqal li aħna nistgħu naduraw mingħajr ma nifhmu, jew inkella nirriduċuhom biss għal riti sbieħ imma li ma jbiddlux il-ħajja. Il-misteri tal-fidi, jekk ngħixhom fil-konkretezza tagħhom isiru għalina stil ta’ ħajja, u waqt li ngħixuhom, nibdew nifhmuhom, u mhux hekk biss, anzi naraw il-frott tal-għajxien tagħhom.

Il-kliem ta’ Ġesù li kuljum, għall-sekli sħaħ u llum, jiġi rrepetut mijiet u eluf ta’ drabi jgħid hekk: “Ħudu u kulu għax dan huwa ġismi. Ħudu u ixorbu għax dan huwa demmi.” Forsi Ġesù ma tax ġismu fuq salib biex aħna ngħixu? Forsi ma kienx ġa qabel ma spiċċa salib sar kollox għal kulħadd? Forsi ħinu mhux kollu għan-nies kien? Forsi ma kellux kelma għal kulħadd? Ħajtu forsi ma kinetx għotja totali sal-aħħar mingħajr ebda kundizzjoni? Ħajtu kienet dan kollu! L-aħħar qatra ta’ demmek tajthielna jmur jgħid il-poeta. 

Illum hija l-festa tal-Ewkaristija. Hija l-festa tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, imma hija wkoll il-festa tagħna. Aħna wkoll, Ġesù illum fil-mument tal-konsagrazzjoni sagramentali nitilgħu bis-saqajn tal-fidi fuq il-Golgota u nipparteċipaw fl-għotja totali ta’ Ġesù lill-Missier fuq is-salib, u nassistu għas-salvazzjoni tal-umanità kollha. Il-ħobż u l-inbid f’dak il-mument jinbidlu fil-ġisem u d-demm tal-Mulej li aħna nitmantu bih, ħalli hekk kif ninżlu minn fuq il-Golgota ta’ Ġesù, nibdew tilgħin il-ħafna golgoti u niltaqgħu mal-ħafna kurċifissi li trid tkun għajnejk magħluqa biex ma tarahomx fid-dinja u fis-soċjetà tagħna.

Illum il-Mulej qed jistiednek tagħti ħajtek. Issir Ewkaristija. Tagħti ġismek biex ħaddieħor jieklu, u demmek biex jixorbuh. (Meta Ġesù tkellem fuq dan ma fehmuhx, iġifieri ma niskantax jekk anke aħna nsibu xi diffikultà biex nifhmu). Ġesù qed jistedinna biex ħajjitna ssir Ewkaristija, offerta, għotja… għaliex? Biex kulħadd jiekol u jixba’ kif ġralhom in-nies tal-Vanġelu tal-lum.

Immaġinaw dinja fejn kulħadd isir bħal Ġesù. Kulħadd jingħata bla kundizzjoni fl-imħabba! Xi ġmiel! Forsi qed nesaġera, hux veru? Jew qed nippretendi żżejjed! Vera, id-dinja kollha forsi ħafna, imma int li qed taqra tista’ tibda tingħata b’iktar imħabba. Issir dik l-Ewkaristija li tirċievi. Tara kif id-dinja ssir ftit isbaħ, anzi ħafna.

Tibda tinduna li ma teżistix biss l-ekonomija imma wkoll il-providenza. Tibda tinduna li ma jeżistix biss il-gwadann personali imma wkoll it-tqassim tal-ġid. Tibda tinduna li mhux biżżejjed tmur il-quddies, imma dik il-mejda mqaddsa trid isservi biex tagħmel mid-dinja tempju, u l-artal tal-ġebel isir l-artal tat-triq li fuqu int tagħti ħajtek u tingħata b’vittma biex ħaddieħor jgħix. Dan mhux ħolm. Din mhix ideoloġija u lanqas utopija. Din hija t-triq għall-ferħ, fejn ħadd ma jkun nieqes.

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.