It-3 Ħadd tal-Avvent (Ġw 1, 6-8, 19-28)
Niftakar meta kont tifel kont smajt storja tad-daħk imma fl-istess ħin tal-biki. Kien hemm tifel li ntilef u beda jibki. Sabuh il-pulizija u ovvjament, wara li staqsewh xi ġralu, staqsewh x’jismu.
Pulizija: X’jismek boy?
Tifel: Dimonju.
Pulizija: Dimonju?
Tifel: Iva mela!
Pulizija: Minn fejn ġibtu dan l-isem?
Tifel: Ommi dejjem hekk tgħidli Sir.
Pulizija: U l-mummy x’jisimha?
Tifel: Dimonju.
Pulizija: Kif?
Tifel: Hekk jgħajtilha d-daddy.
Pulizija: U d-daddy x’jismu?
Tifel: Dimonju.
Pulizija: Kif?
Tifel: Hekk tgħajjatlu l-mummy. Anke ħuti kollha dimonji jisimhom!
Pulizija: U fejn toqgħod?
Tifel: Id-dar tad-dimonji.
Pulizija: Kif?
Tifel: Il-mummy meta tibda tgħajjat tgħid li qisna qed ngħixu fid-dar tad-dimonji!
Miskin, l-identità ta’ dan it-tifel kienet marbuta mal-kelma ‘dimonju’. Ma tantx hi ħaġa sabiħa. Nafu li l-ewwel fażi tal-formazzjoni tal-identità tagħna sseħħ billi nagħrfu n-nies li qed jissodisfaw il-bżonnijiet primarji tagħna bħalma huma l-ikel u x-xorb. Imbagħad ngħaddu għall-fażi fejn nibdew nindunaw aħna min aħna minn dak li jgħidulna, isejħulna, jittrattawna. Tafu li meta nitkellmu dwar identità qed inwieġbu għal mistoqsija fundamentali: Jien min jien? Iktar ma nikbru, iktar l-identità tagħna tissaħħaħ permezz ta’ tliet fatturi:
1. Li nagħraf x’inhuma l-potenzjalitajiet tiegħi; dan nagħrfu billi ninduna fiex jien tajjeb u fiex inqas.
2. Li nagħżel fejn jiena ħa neżerċita dawn il-potenzjalitajiet.
3. (Preferibbilment ikolli ambjent fejn jien nista’ nirfina dawn il-potenzjalitajiet.) Jekk dan l-ambjent ma jinstabx nista’ nasal għall-frustrazzjonijiet li kultant iġibu magħhom il-vizzji.
Illum il-Vanġelu jlaqqagħna ma’ persuna li kien ċert mill-identità tiegħu. Dawk mibgħuta minn Ġerusalemm jagħmlulu ruxxmata mistoqsijiet fuq hu min hu.
“Int min int?”
“Mela min int? Elija?”
“Int il-Profeta?”
“Mela min int?”
“Min tgħid li int?”
“Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?”
Ġwanni jwieġeb u juri li huwa ċar dwar min hu, dwar x’inhi l-identità tiegħu. Il-Vanġelu stess jgħid: “Hu stqarr bla ma ċaħad.” Ġwanni jistqarr li hu mhux il-Messija. Jistqarr li mhux il-Profeta. Jistqarr li mhux Elija. Huwa ‘leħen’ jgħajjat fid-deżert. Ġwanni huwa ċar dwar il-missjoni tiegħu u ħadd u xejn mhu ser itellfu; la Erodi u lanqas martu, la l-Fariżej u lanqas il-Kittieba.
L-identità tiegħu hija mħawla f’dak li qed iħejji għalih – Ġesù Kristu. Alla tagħna ma jisraqlek xejn mill-identità tiegħek. Huwa l-Mulej li jgħinek tagħraf int min int. Huwa tak doni biex jagħmlek int, differenti mill-folla. Tak karattru li huwa tiegħek biss. Tak li tkun int, u li tkun int huwa l-ikbar rigal li seta’ jagħtik! Int uniku, int irrepetibbli, bħalek m’hawn ħadd u ħadd ma jista’ jkun hawn. Għandek ħajja waħda. Ħafna ċirkustanzi m’għandniex kontroll fuqhom imma li tkun int hija deċiżjoni tiegħek u l-iktar ambjent sikur fejn tikber u tkun int huwa Ġesù Kristu. Ġesù ma jnaqqas xejn mill-identità tiegħek, anzi jgħinek tikber.
Meta Pawlu jgħid li ma jgħix hu, imma Kristu jgħix fih qed jgħid li hu assimila l-identità ta’ Kristu, imma ovvjament baqa’ Pawlu (Gal 2, 20). Meta jgħidilna sabiex fina jkollna l-istess sentimenti li kienu fi Kristu Ġesù, jgħidu biex inissel fina valuri li ser jagħmlu l-uniċità tagħna isbaħ (Fil 2, 5). Għax l-identità tinkiseb ukoll f’li nagħraf jien ta’ min jien! Jien ta’ Kristu Ġesù.
Ix-Xitan biss jista’ jqarraqni fl-identità tiegħi. Sa mill-bidu: “Vera li Alla qalilkom: La tiklux mis-siġar tal-ġnien?” (Ġen 3, 2). Ikompli jqarraq u jivvinta: “Imma Alla jaf li dakinhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 3, 5).
Lil Ġesù stess jattakkah fuq l-identità tiegħu u jgħidlu: “Jekk int Bin Alla” (Mt 4, 2).
Imma aħna iva, nafu ta’ min aħna u min aħna! Aħna ta’ Ġesù Kristu! L-identità tagħkom afdawha lil Kristu, imma tbigħuha lil ħadd. Int prezzjuż, uniku, irrepetibbli, u swejt id-demm ta’ Kristu!
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.