L-24 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 18, 21-35)
Immaġinaw ftit li kieku Żakkew wara l-ikla tajba li kiel ma’ Ġesù ltaqa’ ma’ xi ħadd li kellu jtih xi ħaġa u ma ħafirlux. Immaġinaw ftit (li kontra kull loġika ta’ maħfra) Żakkew kien jerġa’ jispiċċa fuq is-siġra b’xi daqqa ta’ sieq!
Immaġinaw li kieku l-mara l-midinba tal-Vanġelu, li għax daħal għaliha Ġesù, frankat borġ ġebel wara l-maħfra li ta Ġesù, taqbad lir-raġel tagħha jitbissem lil xi mara oħra u tagħtih tgħajjira kif imiss. Ibqgħu ċerti li kieku dan kien iċempel minnufih jipprova jara minn fejn ser jikri trakk ġebel.
U nistgħu nibqgħu sejrin hekk bil-personaġġi kollha li ltaqgħu mal-ħniena ta’ Alla fil-Vanġelu. Minn min irċieva ħniena aħna nistennew ħniena, u dan huwa ovvju u naturali. Alla, kif jgħidilna Ġesù, jistenna l-istess minna. Jekk aħna tassew doqqna l-ħniena tiegħu, fid-dmir li din il-ħniena nwassluha lill-oħrajn. Jekk dan ma jsirx allura, wisq probabbli, għadna ma indunajniex kemm Alla kien ħanin magħna; jew għax mingħalina aħna nies ġusti, jew inkella għax tant aħna kkonċentrati fuqna nfusna, li l-offiżi tal-aħwa jnessuna li aħna wkoll ħatja.
Jista’ jkun ukoll li ma naħfrux għax qatt ma kellna bżonn doża qawwija ta’ ħniena għax sa fejn niftakru aħna qatt m’għamilna xi dnub kbir. Jekk inhu dan il-każ tajjeb niftakru li għadna fiċ-ċans li jkollna bżonnha, u jekk fil-fatt jiġri li niġu bżonnha, żgur li nkunu nixtiequ nirċievu ħniena u mhux ġudizzju.
Ir-raġel li lilu ġie maħfur ħafna, nesa mill-ewwel kemm kienet kbira l-ħniena li kienet murija lilu. Jista’ jkun li tant ħassu tajjeb mingħajr dejn, li issa ħassu ġust u jista’ jiġġudika lil ħaddieħor. L-istess jiġri lilna kull darba, li wara li niġu maħfura nħossuna ġusti. Papa Franġisku jgħid li hu jħossu midneb li Alla wera miegħu ħniena kbira. Lilna spiss jiġrilna li wara li niġu maħfura nibdew inħossuna ġusti, u hemm niżbaljaw bil-kbir! Kull darba li nħossuna ġusti, anke wara li nirċievu l-maħfra, inkunu qed inpoġġu l-pedament biex nerġgħu niżbaljaw, u b’mod ikbar. L-ideal jkun li aħna dejjem, anke wara li nirċievu l-maħfra, nibqgħu nħossuna midinbin li neħtieġu l-ħniena tiegħu. Midinbin maħfura, imma xorta midinbin. Min iħossu dejjem bżonn il-ħniena faċli jagħraf li anke l-oħrajn bħalu għandhom bżonn tal-ħniena.
San Pawl jgħidilna li Alla ħabbibna miegħu meta konna għadna għedewwa tiegħu. (Rm 5, 10) Hija din l-imħabba li trid issuqna. Fuq is-salib Ġesù wriena x’jistenna mid-dixxipli tiegħu. Huwa minnu li aħna m’aħniex Ġesù, kif normalment ngħidu biex niġġustuifikaw lilna nfusna. Huwa minnu li aħna dixxipli tiegħu, u preferibbilment id-dixxiplu jkun jixbah lill-Imgħallem tiegħu.
Wara kollox il-Mulej jridna naħfru mhux biss għax jaqbel lil min weġġagħna, mhux biss għax Ġesù jħossu iktar kburi bina, imma wkoll għax jaqbel lilna. Huwa biss min jaħfer li jinħeles. Min jaħfer ma jibqax imwaħħal mal-offiża li jkun irċieva. Ħafna drabi li l-ewwel naħsbu li l-ewwel irridu nfiqu mbagħad naħfru. Għall-kuntrarju l-maħfra huwa pass importanti fil-mixja lejn il-fejqan. Jiġifieri jaqblilna!
U bilħaqq tinsiex ukoll taħfer lilek innifsek!
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv