X’għarukaża!

It-23 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 18, 15-20)

Ngħixu f’dinja ta’ skandli, u f’dinja li donnha tieħu gost tisma’ b’xi skandlu ġdid! L-aħbarijiet jaħarqu huma jew dwar xi mewt, jew dwar xi diżastru naturali, jew inkella dwar xi żball li għamel xi ħadd u li qatt ma kellna ħjiel li seta’ jagħmlu. Ovvjament, kulħadd jixtieq li jkollu l-ikbar udjenza. L-iskandli joħolqu sensazzjoni, is-sensazzjoni toħloq l-udjenza, l-udjenza ġġib il-qligħ. Wara kollox kieku kif se żżomm fuq saqajha l-industrija tal-gossip. U anke aħna, fiċ-ċokon tagħna, nieħdu gost b’xi storja taħraq għax hekk ikollna fuq xiex niddiskutu għand tal-ħanut. B’hekk tinħoloq il-ħtieġa li d-dnub ta’ ħija jsir dominju pubbliku; xejn xejn jiżdiedu l-kummenti u l-likes fuq facebook. 

Hemm min min-naħa l-oħra meta jisma’ b’xi żball ta’ ħuh ġenwinament jinkwieta, u xi ftit jew wisq jitfixkel. Jisgħobbih li ħuh żbalja u fil-qiegħ ta’ qalbu jitħawwad. Għal min hu ġenwin, dan huwa normali u allaħares ma jkunx hekk. 

Ġesù ma jaħbix ir-realtà tad-dnub. Fl-ewwel komunità tiegħu kien hemm min għama wara l-flus u biegħu. Kien hemm min beża’ u ċaħdu. Ġesù jaf li d-dnub jeżisti, u kemm-il darba nsibuh inewwel idejh mimlija ħniena lejn min dineb, anke jekk id-dnub tiegħu kien wieħed pubbliku. 

Ġesù joffri soluzzjoni. Iktar milli titkaża b’ħuk jew b’oħtok li naqsu, Ġesù jipproponi li timxi ma’ ħutek li waqgħu f’mixja ta’ konverżjoni. Għandi dubji serji kemm il-ġudizzji, il-kundanni, it-tqassis, u l-kastigi qatt għenux lil xi ħadd jirriforma ruħu kompletament. Il-kastigi, jekk xejn jipproteġu lis-soċjetà min-nies li jistgħu jagħmlu l-ħsara, imma mhux dejjem jgħinu lil dak li jkun jerġa’ jsib lilu nnifsu u t-triq t-tajba. 

Bla ebda dubju dak li jidneb huwa persuna li għandha bżonn il-ħniena. Iktar milli nitkaża bid-dnub ta’ ħija iktar irrid infittex dak id-dnub x’qed jgħid dwari nnifsi, u rrid b’sinċerità nsaqsi: ‘Dan id-dnub x’qed jgħid dwar qalbi? Għaliex qed nitfixkel? Jista’ jkun li qed nimmaġina dinja fejn id-dnub ma jeżistix? Jista’ jkun li qed insir sid ta’ dinja immaġinarja fejn ħija jew oħti ma jistgħux jiżbaljaw?’ Hekk id-dnub tal-ieħor isir għalik eżami tal-kuxjenza dwar kemm int kapaċi tħobb! Id-dnub, f’kelma waħda, m’għandux ipoġġi f’rabja u taħwid il-qalb tiegħek. 

San Franġisk t’Assisi, f’sensiela 28 parir li huwa jagħti lill-patrijiet, li jissejħu twissijiet, f’waħda minnhom jixħet dawl fuq dak li qed ngħidu. Fi twissija numru 11 jikteb hekk: 

“Xejn ma għandu jnikket lill-qaddej ta’ Alla ħlief id-dnub.  U kien x’kien id-dnub li xi persuna tkun għamlet, jekk il-qaddej ta’ Alla jitħawwad u jirrabja minħabba f’hekk u mhux minħabba l-karità, ikun qed jiġma’ għalih innifsu teżor ta’ ħtija.” ( Rum 2:5) Dak il-qaddej ta’ Alla li xejn ma jġiegħlu jagħdab jew jitħawwad, jgħix ħajja tajba u bla xejn tiegħu. U hieni hu dak li ma jżomm xejn għalih innifsu, imma jagħti lil “Cesari dak li hu ta’ Cesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.” (Mt 22:21)

San Franġisk jgħid li dak il-qaddej li xejn ma jġiegħlu jirrabja jew jitħawwad huwa patri fqir, jgħix bla xejn tiegħu. Tgħiduli kif fqir? Dak li ma jitħawwadx mhux marbut mal-idea li ħadd ma jista’ jiżbalja. Huwa ħieles mill-idea ħuh jew oħtu huma perfetti. Għalhekk huwa għalih normali li ħutu jiżbaljaw. Dan anke minħabba l-fatt li hu jaf ir-realtà tiegħu ta’ bniedem kapaċi għall-iżball. 

Fir-Regola tiegħu f’Kapitlu 7 jikteb xi ħaġa simili. 

“U joqogħdu attenti li ma jirrabbjawx, lanqas jitħawdu, minħabba d-dnub ta’ ħaddieħor, għaliex l-għadab u t-taħwid ifixklu l-karità kemm fihom u kemm fl-oħrajn.”

Dan għandu jkun l-atteġġjament li qed jipproponi Ġesù, li mqanqlin mill-karità nikkoreġu lil ħutna li waqgħu. Jekk ma jkunux iridu nħalluhom liberi li jagħżlu għalihom toroq anke ’l bogħod mill-ħajja, imma aħna nkunu sereni li ħabbejniehom, tant li flok ikkundanajniehom, ikkoreġejniehom. F’qalbna nkunu maħlulin mill-ħtija.

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.