Il-5 Ħadd tal-Għid (Ġw 14, 1-12)
Mulej fejn sejjer? Hija d-domanda li fl-aħħar ċena jagħmluha kemm Pietru u kemm Tumas. Ftit qabel dawn il-kelmiet li smajna llum Ġesù jagħmel diskors mad-dixxipli dwar id-destinazzjoni tiegħu. Jgħidilhom li fejn sejjer hu, huma ma jistgħux jiġu. Imbagħad jagħtihom kmandament ġdid, li jħobbu lil xulxin. Lil Tumas, li jilmenta li la kien jaf fejn sejjer il-Mulej u wisq anqas it-triq, Ġesù jwieġeb li kien hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja u li ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħu.
Ġesù jaf fejn sejjer. Sejjer għand il-Missier, u jaf li t-triq hija l-imħabba. U l-imħabba ta’ Ġesù għandha isem partikulari: is-salib!
L-imħabba ta’ Ġesù mhix biss l-imħabba li tagħmel kollox faċli, li twiegħed li kollox ser ikun sew dejjem, li mhux ser ikollna inkwiet jew tbatija. L-imħabba ta’ Ġesù hija vera għax mhix maqtugħa mir-realtà. “Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ.” (Ġw 15, 11) Min jimxi wara Ġesù jaf u jaċċetta żewġ realtajiet: li msejjaħ għall-ferħ, u li dan il-ferħ ikun fil-milja tiegħu jekk jgħaddi mill-prova tan-nar.
Ġesù mhux inġenwu. Jaf u jifhem li d-dixxipli tiegħu għadhom mhumiex lesti jħallu ħajjithom għalih. Jaf u jaċċettaha. Jgħidilhom ċar u tond li fejn sejjer hu, għalissa huma ma jistgħux imorru. Huma ċerti li jistgħu jaslu, imma kienu għadhom ma rawx sa fejn kapaċi twassal l-imħabba ta’ Ġesù; kienu għadhom ma rawhx jgħaddi mill-prova tan-nar. Qabel ma jitilqu għal għonq it-triq kellhom l-ewwel jgħaddu mill-esperjenza tad-dnub, tal-fraġilità u l-abbandun.
Tħallix qalbek titħawwad jekk għalissa għadek ma tafx fejn sejjer, jekk Ġesù jidher ’il bogħod, jekk qed tibża’, jekk tħoss in-nuqqas tiegħu, jekk għadek m’intix lest tgħaddi mill-prova tan-nar, jekk d-dnub itaqqlek. Meta u kif irid hu jeħilsek, u tibda tterraq fi triq tal-imħabba mingħajr kważi lanqas tinduna. Imbagħad f’mument tinduna li qed tinbidel, li għaddej mill-prova tan-nar, li t-tbatija tikber imma jikber ukoll il-ferħ; tkun għaraftu fil-qsim tal-ħobz. U hekk kif ikollok ħjiel tiegħu jerġa’ jaħrablek biex int terġa’ tfittxu. Abbli tagħmel ħajtek tilgħab noli, issibu u jerġa’ jinħeba minn quddiem għajnejk. Tħallix qalbek titħawwad… emmen li kull darba li jistaħbielek, kull darba li titlef it-triq ser jerġa’ juri lilu nnifsu bi glorja u sbuħija akbar.
Tħallix qalbek titħawwad…
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv