Ma jeżistux iltiema

Is-6 Ħadd tal-Għid (Ġw 14, 15-21)

Waħda mill-isbaħ kwalitajiet ta’ Ġesù kienet dik li l-affarijiet kien jgħidhom kif inhuma. L-Imgħallem kien iħobbha l-verità u kienet xewqa tiegħu li d-dixxipli tiegħu jgħammru fiha. Għalhekk f’dan il-Vanġelu, li jagħmel parti mid-diskors aħħari ta’ Ġesù fl-aħħar ċena, hu jgħarraf lid-dixxipli li kellu jitlaq. B’xi mod il-Mulej ried iserrħilhom rashom, li anke jekk huma ma kinux ser jarawh fiżikament, dan ma kienx ifisser li ħalliehom. 

Madanakollu, nafu li l-appostli t-telfa ta’ Ġesù ġarrbuha bis-sħiħ, u kif! Beżgħu, tħawdu u tferrxu. Nimmaġinaw li anke meta tela’ s-sema xi ftit jew wisq in-nuqqas tiegħu ħassewh. 

Barra minn hekk, il-persekuzzjoni fl-ewwel komunitajiet insara żgur li kompliet ħawdet lid-dixxipli tiegħu. U Ġesù jindirizza dan is-sens ta’ telfa. Jaf li mhux faċli. Għalhekk jgħinhom jifhmu li għalkemm it-telfa hija kbira, għalkemm l-assenza tiegħu tinħass, imma issa kien jeħtieġ li jitgħallmu jħossu l-preżenza tiegħu b’mod differenti.

Għad-dixxipli ta’ Ġesù din kienet prova kbira. Kull meta Ġesù kien iħalli lid-dixxipli weħidhom kien jibżgħu. Niftakru meta ħalliehom weħidhom fid-dgħajsa, darba għax raqad u darba oħra għax kien fuq il-muntanja jitlob. Id-darbtejn beżgħu! Beżgħu wkoll meta Ġesù ġie arrestat. Insomma ma nitkażawx bihom. Kull meta aħna nħossuna weħidna l-istess nagħmlu: kull meta naħsbu li Alla nsiena, li Alla raqad, li ma jimpurtahx minna. Jista’ jiġrilna l-istess meta naħsbu li xi ħadd serqilna, ħbielna lil Ġesù. Inħossuna mbeżżgħin. Nibdew nibżgħu li xi ħadd ser jagħmlilna l-ħsara. L-appostli anke wara li raw lil Ġesù ħaj reġgħu spiċċaw fiċ-ċenaklu, maqfula, minħabba li beżgħu li issa ser jispiċċaw huma wkoll ma’ xi salib! 

Il-Mulej jaf li mingħarju ma nistgħu nagħmlu xejn. Jaf illi aħna malajr ninsew il-mumenti sbieħ miegħu, malajr ninsew il-kliem li jkun qalilna, anke jekk dak il-kliem kien irnexxielu għal ftit ħin iħeġġilna qalbna. Jaf li aħna minn dawk li malajr nilqgħu l-Kelma, imma malajr ukoll nitilfuha jew ninsewha minħabba t-toqol tal-ħajja. Jaf li aħna f’nifs ngħidu li lesti immutu għalih u f’nifs wieħed niċħduh u ngħidu li ma nafuhx. 

Allura tassew hemm bżonn li xi ħadd jiġi u jfakkarna dak kollu li kien qalilna Ġesù, jiġi xi ħadd li jfakkarna li dak li qal Ġesù jagħmel sens, u b’hekk jgħolli l-kwalità tat-twemmin tagħna fih, li jwiegħed u jżomm kelmtu. 

Iva, hemm bżonn li jiġi xi ħadd li jurina kemm hu sabiħ il-kliem ta’ Ġesù meta jgħid li henjin huma l-foqra f’qalbhom, henjin l-imnikktin, henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, henjin il-ġwejdin, henjin dawk li jġibu l-paċi, u henjin aħna meta jgħajruna u jippersegitawna. Hemm bżonn li jiġi xi ħadd u jqawwina għax faċli ħafna li meta naraw l-esiġenzi tal-Vanġelu, meta nħossuna bbumbardjati minn kull naħa, nissieħbu mad-dinja, almenu hekk ma taqlgħalniex iktar qalbna. Nibdew infittxu dak it-taparsi sliem li d-dinja twiegħed. Iva, id-dinja twiegħed ħafna imma mhux neċessarjament tagħtina s-sliem. U int arak tiġri biex issib is-sliem imma arak issir skjav ta’ dawk l-affarijiet li suppost qed jimlewk bi ftit paċi.

U allura x’ser nagħmlu? Ġesù jrid jgħallimna ngħixu dak il-vojt. Mhux skandlu li d-dixxiplu ta’ Ġesù jħoss il-vojt u jagħmel esperjenza tal-assenza ta’ Alla. Meta l-vojt ma taħarbux, dik l-assenza ssir preżenza ħelwa. Il-ġuf vojt ta’ Marija jsir preżenza ta’ Alla l-Għoli. Jekk taħrab il-vojt, il-vojt jiġri warajk u jimliek. Jekk tiddeċiedi li tgħix il-vojt, dak il-vojt isir spazju fejn jgħammar Alla, u jagħtik ħafna iktar minn dak li qalbek tista’ titlob jew tixtieq.

Allura tassew hemm bżonn l-Ispirtu ta’ Ġesù biex jagħtina l-veru sliem: dak is-sliem li jgħammar f’min hu ppersegwitat imma hieni. Dak is-sliem li jgħammar f’min iħoss li ħajtu hija telqa f’idejn Alla u mhux tellieqa ’l bogħod mill-vojt. Is-sliem li jgħammar f’min irrikonċilja ruħu mal-ħajja, mal-istorja tiegħu u mhux ġirja sfrenata ’l bogħod mill-falliment. Allura għix il-vojt u ħalli lilu jimlieh.

“Ma nħallikomx iltiema.” Le, m’aħniex iltiema.

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.