Ġej u sejjer

It-Tifkira Solenni ta’ Tlugħ il-Mulej fis-sema  (Mt 28, 19-20)

Fis-seba’ snin li kont ngħix barra minn Malta kienu ħafna drabi li kelli mmur l-ajruport. Matul is-snin l-esperjenzi tiegħi fl-ajruport inbiddlu mhux ftit. Niftakar li l-ewwel darba li tlaqt kemm tajt u qlajt bews, biki, ċapċip… insomma ħafna emozzjonijiet. Niftakar ukoll l-ewwel darba li ġejt lura. Kien hemm ukoll ħafna nies. Is-sentiment kien dak li ġejt lura d-dar. Id-dar għalija ma kinetx tfisser li ġejt art twelidi imma li sibt lil niesi, in-nies ta’ dari. Bil-mod il-mod però s-sitwazzjoni bdiet tinbidel. Wara l-ewwel ftit snin bdejt inħoss li n-nies ta’ dari ma baqgħux dawk biss li kienu jkunu qed jistennewni Malta, imma n-nies ukoll li ħallejt warajja. U allura bdejt inħoss li għandi żewġt idjar. Mhux l-ewwel darba li kont ninduna li l-ferħ li kien ikolli biex immur art twelidi kien jitħallat ukoll ma’ ftit niket li kien ser ikolli nħalli warajja nies, ħbieb, li issa kienu saru wkoll parti min-nies ta’ dari. Dan kien jiġri wkoll meta minn Ruma kont immur f’xi pajjiż ieħor għal xi prima messa ta’ xi wħud minn sħabi. Nistqarr li l-ferħ ma kienx ikun biss għax sejjer f’pajjiż ġdid, imma għax ser niltaqa’ ma’ xi wħud minn sħabi li magħhom għext u studjajt. Fi ftit kliem, dak li kien iferraħni ma kienx ikun il-post, imma r-relazzjonijiet. Fil-vann, fit-trejn jew fl-ajruplan, iktar ma kont naħseb fuq il-pajjiż il-ġdid li kont ser inżur, kont naħseb ma’ min kont ser niltaqa’!

Xi ħaġa hekk qed jgħid Ġesù llum. Anke Ġesù kellu arrival u departure. Ġie fid-dinja, u biex għamel hekk kellu jħalli lil ta’ daru. Ħalla lill-Missier, u ġie jgħammar f’familja ġdida. Però, illum qed niċċelebraw it-tluq ta’ Ġesù. Fejn mar Ġesù? Mar jiltaqa’ mal-Missier. Mhux il-post l-importanti imma r-relazzjoni li kienet issostnih dejjem, ir-relazzjoni ma’ Missieru. Kemm-il darba qal li kien sejjer għand il-Missier. Darba waħda qal dwar dan lid-dixxipli u dawn iddejqu għax kien ser iħallihom. Ġesù donnu ħa ftit għalih u qalilhom li flok jiddejqu jmisshom ferħu li sejjer għand Missieru.

U dan hu dak li qed niċċelebraw illum. Aħna lkoll kemm aħna xi darba għad ikollna tluq minn hawn. Il-biljett ġa lest, ġa maqtugħ, ġa mħallas. L-unika ħaġa hi li ma nafux eżatt meta ser jitlaq l-ajruplan, jew il-vapur… li tridu. Però, nafu li hemm xi ħadd li ser ikun il-port, jistenniena, jilqagħna, jgħannaqna miegħu. Il-vjaġġ jista’ jkun wieħed skomdu u diffiċli, però nafu li n-naħa l-oħra hemm xi ħadd jistenniena. Waqt dan il-vjaġġ ħaġa waħda hi essenzjali li nżommu f’moħħna ma’ min ser niltaqgħu, li ngħixu fil-fond din ir-relazzjoni, li nsiru midħla, ta’ ġewwa, il-maħbuba ta’ dak li qed jistenniena.

Il-ħajja tkun differenti ħafna, isbaħ meta nafu li hemm xi ħadd jistenniena. Nafu li minn issa stess nistgħu ngħixu din ir-relazzjoni. Nafu li minn issa nistgħu nħossu f’qalbna lil dak li qed jistenniena. Minn issa stess nistgħu ngħixu bħallikieku ġa ninsabu miegħu. U allura nieqfu nippretendu li aħna qatt mhu ser insiefru. Jista’ jiġri li ninsew li għandna niltaqgħu miegħu, anzi li propju dak huwa l-iskop ta’ ħajjitna. Nibdew naqilgħu għajnejna minn fuq is-sema u naħdmu biss biex inkunu komdi hawn fl-art, biex inkunu apprezzati, nitkarrbu għal ftit imħabba u ninsew li dan li hawn hawn isfel jgħaddi kollu. Kemm nies jgħixu daqslikieku xi ħadd tahom garanzija li m’għandhomx biljett tat-tluq. Jgħixu daqslikieku n-naħa l-oħra ma hemm ħadd jistenniehom! Meta nħarsu ’l fuq anke l-affarijiet t’hawn isfel jieħdu togħma itjeb.

Ejjew mela nħallu lill-Mulej jħeġġilna qalbna u jimliena bil-ferħ tiegħu. Ejjew nibdew ngħixu din ir-relazzjoni mal-Mulej. Ejjew nidħlu f’intimità miegħu.

Ġesù jafek u jħobbok. Ħallih iġennek bi mħabbtu. Hu biss kapaċi jwessa’ l-qalb żgħira tiegħek. Hemm lesti għalik ħwejjeġ kbar, ferħ bla qies, imħabba u ferħ tal-ġenn għal dejjem. Ejjew nieqfu ftit naħsbu fuq il-futur u nibdew naħsbu fuq l-eternità.

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.