Skużi, twieled xi bambin?

L-Epifanija tal-Mulej [Mt 2, 1-12]

“Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh.” (Mt 2, 2) 

U jekk isaqsu lilna nafu nweġbuhom? Il-qassisin il-kbar u l-kittieba tal-poplu kienu kapaċi jwieġbu, anke jekk sfortunatament lanqas għamlu pass wieħed biex immorru jarawh, jew jeħdulu xi rigal. Forsi pretendew li jitwieled fit-tempju, u allura ladarba ma twelidx hemm ħassuhom esklużi! Min jaf?

Imma int u jien nafu fejn twieled il-Bambin? Sibnieh? Morna narawh? Il-Bambin, (u din mhix retorika infantili), twieled f’qalbi?

Jistgħu jkunu diversi r-raġunijiet għalfejn il-Bambin għadu ma twelidx f’qalbi:

· Jista’ jkun għax ftit jinteressani. Għandi biżżejjed problemi ma xiex inħabbat wiċċi. Għandi biżżejjed xogħol x’nagħmel u wara kollox kif jien, għaddej tajjeb.

· Jista’ jkun għax nimmaġinani tant midneb li naħseb li m’hemmx post għall-Buon Ġesù biex jiġi għandi.

· Jista’ jkun li qtajt qalbi nipprova nkun tajjeb. Il-vizzju rikibni, u issa m’hemmx x’tagħmel. Ġesù forsi twieled f’qalb Madre Tereża, f’qalb il-kapillan, f’qalb dik l-anzjana li tmur kuljum il-knisja u tqatta’ ħinha żżebbeġ il-kuruna tar-rużarju, imma f’tiegħi, le.

· Jista’ jkun ukoll li jien inħossni wisq adult issa, anke jekk niġi l-knisja kull nhar ta’ Ħadd. Dawn huma ħmerijiet ta’ tfal mhux tiegħi!

· Forsi nħossni wisq intelliġenti biex noqgħod infittex il-Bambin. Ikolli nammetti li dak il-Bambin jekk jitwieled f’qalbi jumiljani, iġegħilni ninżel fl-art inqimu, u jien bniedem intelliġenti nistħi nintefa’ fl-art quddiem kulħadd.

· Forsi nibża’ li jekk il-Bambin jitwieled f’qalbi ser jobbligani nbiddel qalbi, imma jien ma rridx, m’għandix ċans, m’iniex komdu għalissa.

· Forsi nibża’ li jeħodli xi ħaġa, li jobbligani ntih id-deheb, l-inċens jew il-mirra, imma dawk għandi bżonnhom jien. 

Jien għandi bżonn min jinċensani ħa nħossni utli, ħa nħossni apprezzat, ħa nħossni stmat u popolari. Jekk ma jinċensawx lili lil min ser jinċensaw?

Id-deheb għalija biss. Jien il-King of the World. Għalfejn jagħtuh lil ħaddieħor? Mhux hekk tgħid, jagħtuh lill-Bambin. Dak min jafu? Il-Bambin wara kollox m’għandu bżonn xejn. Jien għandi bżonn. Jien dejjem fil-bżonn, allavolja għal kont wieħed il-bank għandi tnejn. 

Il-mirra għandi bżonnha jien biex infejjaq il-weġgħat, jew almenu biex intaffi l-uġigħ. Il-ħajja iebsa u ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu. Il-problemi nsolvihom jien. Il-Bambin x’qatt għamel? 

Imma bla ma nindunaw dawn ir-raġunamenti kollha jagħmluna Erodi, il-bniedem imkaxkar mill-poter, li jibża’ li Alla jeħodlu postu, il-bniedem li jsibu jikkompeti ma’ Alla għall-glorja. Battalja mitlufa! Kemm jista’ jiġri lilna li neħduha ma’ Alla? Kemm jista’ jiġri lilna li nsibuna mxennqa wara l-glorja, wara l-poter, wara kilba għall-popolarità li magħha ġġib biss kompetizzjoni, pika, ftaħir żejjed? Alla min-naħa l-oħra jġib paċi, sliem, risq, umiltà u ferħ għax ħadd ma jħossu obbligat jiġġieled għal xi ħaġa li jibża’ li ser jisirqulu.

Jekk isaqsuk fejn twieled il-Bambin tiddejjaqx tgħidilhom li twieled f’qalbek u f’kull qalb li ħalliet lil Alla jkun Alla. U dan ikun ir-risq! 

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.