Povru Nannu

L-20 Ħadd matul is-Sena (Mt 15, 21-28)

Ġieli ġralkom li jkollkom ritratt u tkunu tridu ddaħħluh ġo frame? Ovvjament, iva! Ġieli ġralkom li tmorru tixtru frame u xħin taslu d-dar tindunaw li l-frame huwa kemxejn iżgħar mir-ritratt tal-familja? Ikollok żewġ għażliet: jew tbiddel il-frame jew taqta’ biċċa mir-ritratt biex dan jidħol tajjeb. Xħin tlesti l-operazzjoni delikata u ddawwar il-frame biex tara kif ġiet l-opra, tinduna li n-nannu ġie bla ras għax inzerta l-itwal wieħed!

Propju hekk jiġrilna ħafna drabi ma’ dawk in-nies li donnhom il-kapaċità li jġegħluk tistħi, anke jekk ta’ ġewwa! Forsi, mhux waħdi li jkollna mumenti f’ħajjitna li ċerti nies idejquna jew bl-atteġġjament arroganti tagħhom, jew għax aħna l-“puliti” nqisuhom baxxi, jew għax differenti minnha, jew għax esiġenti, jew għax f’għajnejna huma moralment ħżiena u nistgħu nkomplu nżidu mal-lista. Huwa normali li meta niltaqgħu ma’ nies li huma differenti minna nħossu ċerta distanza bejnhom u bejnna. Li mhux normali mhuwiex dak li nħossu, imma x’nagħmlu b’dak li nħossu. Li mhux normali li ntajrulhom rashom biex jidħlu fil-frame. 

Għad-dixxipli ta’ Ġesù kien normali li jiddejqu, li jħossuhom xi ftit jew wisq irritati b’mara tiġri warajhom; mara li ma tħaddanx l-istess twemmin tagħhom, f’art barranija, post kemxejn ostili għalihom u kkunsidrat pagan. Li ma kienx normali huwa li talbu lil Ġesù jeħles minnha. Għal mument Ġesù jidher li jtihom raġun. Imma bħal donnu Ġesù jrid jara sa fejn twassal il-perseveranza tagħha. Fl-aħħar il-Mulej, wara li donnu jaqtgħalha qalbha, jagħtiha dak li xtaqet, anzi jirrikonoxxi li kbira hija l-fidi tagħha.

Aħna wkoll, spiss jiġrilna li min hu differenti minna jbeżżagħna. Ma jkollniex il-kapaċità li naraw fih l-istess kwalitajiet li aħna nħaddnu. Nieqfu fuq id-differenzi! Id-dixxipli ta’ Ġesù ma rnexxilhomx jaraw il-kwalitajiet sbieħ li kellha din il-mara: il-fidi fl-Imgħallem, l-imħabba tagħha ta’ omm, il-perseveranza, id-diskrezzjoni kif twieġeb lil Ġesù, il-kuraġġ, id-determinazzjoni. Bejn id-dixxipli ta’ Ġesù u hi kien hemm ħafna affarijiet komuni, imma huma waqfu fuq id-differenzi.

Tajjeb li llum insaqsu: min huma n-nies li jbeżżgħuna u għaliex inħossuhom ta’ theddida għalina? Kapaċi naraw lil hemm mid-differenzi? Jista’ jkun li n-nies l-iktar differenti minna huma dawk li jgħixu magħna. Kif nġibu ruħna magħhom? Kemm kapaċi nidħlu fiż-żarbun tagħhom? Kemm kapaċi nosservaw il-kwalitajiet sbieħ li għandhom? Kemm kapaċi mmorru ’l hemm mill-ġeneralizzazzjonijiet stupidi li ħafna drabi nedhew fihom? Nafu li kliem bħal: “ħadd”, “kulħadd”, “dejjem”, “qatt” ma jeżistux?

Ħafna drabi naqgħu fit-tentazzjoni li rridu lil kulħadd jaħsibha bħalna, li rridu lil kulħadd joqgħod fil-frame li lestejnielu aħna, imma almenu f’din il-ħaġa ejjew naqtgħu qalbna. Inkella jiġri li nitkissru aħna b’xewqat irreali u nkissru lill-oħrajn għax ma jirnexxilhomx ikunu bħalna.

Ġesù jgħallimna li aħna rridu nkunu kapaċi li nimxu ma’ kulħadd fi triq. Ma nistgħux nistennew lill-oħrajn jaslu fejn wasalna aħna, imma rridu nibdew mill-bidu. Ġesù hekk għamel. Kien kapaċi jimxi ma’ kulħadd. L-unika problema li kellu kienet ma’ dawk li kienu jemmnu li ġa waslu. Il-paċenzja hija għodda mill-iktar siewja fl-Evanġelizzazzjoni. Ir-riġidità tkisser lil min hu riġidu, u lil min iseħħlu jagħmilha miegħu. Il-kapaċità hija iktar f’li ninbidel jien, biex ma’ min miexi miegħi jseħħlu jibda jħobb dak li nħobb jien u jagħraf il-valur tal-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù, il-Kristu.

Papa Franġisku, fid-diskors li għamel lill-parteċipanti tal-Kungress Internazzjonali tal-Katekisti, fis-27 ta’ Settembru 2013,  kien ċar ħafna dwar dan:

‘Alla hu kreattiv, mhux magħluq, u għalhekk li mhu qatt riġidu magħna. Alla mhux riġidu! Jilqagħna, jiġi jiltaqa’ magħna, jifhimna. Biex inkunu fidili, biex inkunu kreattivi, jeħtieġ inkunu kapaċi nibdlu. Inkunu nafu nibdlu. U għax għandi nibdel? Dan biex naddatta ruħi għaċ-ċirkustanzi li fihom irrid inħabbar il-Vanġelu. Biex nibqgħu ma’ Alla jeħtieġ inkunu nafu noħorġu. Ma nibżgħux noħorġu.’

Mela ħu paċenzja u ibdel il-frame. 

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.