Ja wiċċ ta’ kelb!

Id-19-il Ħadd matul is-Sena (Mt 14, 22-23)

Ftit affarijiet niftakar minn meta kont żgħir imma kien hemm esperjenza li baqgħet ittimbrata f’moħħi u naħseb li ser tibqa’. Issa, emmnuni ma nafx jekk hux għax vera niftakarha jew inkella għax tant irrakkontawhieli u allura pinġejtha f’moħħi. X’hemm isbaħ mis-sinċerità! 

Insomma, il-ġrajja kienet din. Niftakarni tifel żgħir bilqiegħda fuq l-għatba tad-dar niekol biċċa ħobż u f’daqqa waħda tfaċċa kelb jinbaħ f’wiċċi. Kieku nebaħ biss fiha u ma fihiex, imma dan l-imbierek ma kienx kuntent li jsemma leħnu, ried iduq biċċa minn koxxti u gidimni. Meta ’l quddiem kont nerġa’ nirrankkonta, missieri b’daħka fuq wiċċu kien jgħid: ‘Ja wiċċ ta’ kelb.’ Din il-ġrajja ġarrejtha ftit miegħi ħajti kollha, meta kont nkun miexi fi triq u nara kelb kont nibża’ u nġennen ’l ommi biex naqsmu t-triq, hekk ukoll meta kont insuq r-rota kont nibża’ li ġej xi kelb jiġri warajja. Biex tagħqad xi sentejn ilu kont qed insuq, u kelb daħħal wiċċu mill-bieba tal-karozza jinbaħ. Dan biex ma nsemmux xi nħoss waqt it-tberik, meta nċempel xi bieb u eżatt mal-ħoss tal-qanpiena jinstema’ l-inbiħ tal-kelb. Ngħid: ‘Ġejja tagħna.’ Għad nispiċċa fuq xi mejda jew sufan waqt it-tberik! 

Insomma, xi rrid ngħid b’dan. Kull biża’ għandu għeruq, anke jekk aħna ma nkunux konxji tiegħu. Esperjenzi li ġrawli jistgħu jinfluwenzawni, jew inkella jikkundizzjonaw l-aġir tiegħi, saħansitra jipparalizzawni. 

Illum niltaqgħu mad-dixxipli weħidhom f’nofs ta’ baħar jitħabtu mal-mewġ għax ir-riħ kien kontrihom. Kienu weħidhom, għax jekk tiftakru Ġesù kien fuq l-għoljiet, waħdu, jitlob. F’ħin bla waqt rawh ġej lejhom miexi fuq il-baħar u twerwru, għax ħasbuh xi fantażma. Kemm tiġrilna lilna din, li kull ħaġa li ma nafux x’inhi, u li teħodna għal għarrieda naħsbuha xi fantażma. Ħajjitna kapaċi ssir hekk: ħarba mill-fantażmi. Ma nkunux nistgħu nġerrħu l-preżent, jinkwetana l-passat u jwerwirna l-futur u nibżgħu. Hawn il-biża’ mhux biss jinfluwenzana, imma jipparalizzana hekk li qalja nkunu nistgħu nkomplu nimxu. 

Huwa leħen li jserrħilna moħħna: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn.” (Mt 14, 27) Kemm għandna bżonn nisimgħuha din il-frażi f’ħajjitna! Kemm għadna bżonn ta’ xi ħadd li fil-biżgħat reali tagħna jikkalmana, u fil-biżgħat fantażmi tagħna (il-biċċa l-kbira tal-biżgħat huma biss immaġinazzjoni u inkwiet) jgħinna nifhmu li ma hemm xejn minn xiex nibżgħu! 

Pietru ried ikun ċert li dak kien Ġesù u jitolbu biex hu wkoll jitgħallem jimxi fuq l-ilma. Ġesù jikkuntentah, imma Pietru hekk kif jiġi wiċċ imb wiċċ mar-riħ u l-mewġ, jerġa’ jibża’ u jibda nieżel. Ġesù dlonk inewwillu idu u jsalvah. 

Kemm ngħaddu minnha din l-istess esperjenza ta’ Pietru! Nibdew b’entużjażmu u wara ftit nitfgħu l-ħarsa tagħna iktar fuq il-problemi milli fuq is-soluzzjoni u naqtgħu qalbna! Kemm jiġrilna li anke bħala Knisja; dgħajsa f’nofs il-baħar imqalleb, nibżgħu u naqtgħu qalbna! Kemm naraw iktar s-swidija tal-baħar milli l-glorja tal-Mulej, anke fil-Knisja! Ma ninsewx li meta xi ħadd irid iwaqqfek milli tagħmel il-ġid, l-arma li juża hija l-biża’. 

Ejjew nagħmlu paċi mal-biżgħat tagħna. Qabelxejn insejħulhom b’isimhom u sa fejn hu possibbli naraw x’inhuma l-għeruq tagħhom. Ejjew nagħtuhom lil Ġesù u ma nħalluhomx jipparalizzawna għax inkella nispiċċaw li frott il-biża’ nordmu koċċ talenti u kariżmi li l-Mulej tagħna biex nagħmlu mid-dinja u mill-Knisja ambjent iktar sabiħ u ferrieħi.

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.