Il-11-il Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 4, 26-34)
Ġesù għandu ħabta jesaġera ftit. Meta jitkellem fuq ir-ragħaj it-tajjeb ipenġi l-kura li r-ragħaj jagħti lin-nagħġa li kienet intilfitlu daqslikieku kienet bintu. Ir-ragħaj, fit-tixbiha ta’ Ġesù, iktar milli għandu nagħġa iktar donnu għandu xi annimal domestiku. Normalment ir-ragħaj jgħix minn fuq in-nagħaġ u mhux jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. L-istess jagħmel illum meta jitkellem fuq il-bidwi. Skont Ġesù l-uniku impenn tal-bidwi huwa li jiżra’. Nafu li r-realtà mhux eżatt hekk. Xi ftit ansjetà l-bidwi jkollu wkoll.
Madanakollu Ġesù jissuġġerixxi li fil-ħidma tagħna fix-xandir tal-Kelma, aħna għandna niżviluppaw atteġġjament ta’ paċenzja u fiduċja. Il-bidwi, fix-xogħol tiegħu, allaħares ma jiżviluppax dawn il-kwalitajiet. Immaġinaw li kieku fl-ansja li x-xitla tikber, il-bidwi jmur jipprova jiġbed ix-xitla li tkun qed tinbet. Jispiċċa jqaċċatha u jitlef kollox. Min-naħa tagħna, irridu dejjem nemmnu li l-qawwa tinsab fiż-żerriegħa u mhux fil-bidwi.
Aħna spiss inbatu minn ansjetà kronika spiritwali:
* Nidħlu f’ansjetà għax qed nieħdu wisq żmien biex insiru qaddisin;
* Nidħlu f’ansjetà għax dawk li qed inxandrulhom il-Kelma donnhom iktar moħħhom f’li jikkontestaw il-Kelma milli jħalluha tagħmel il-frott;
* Nidħlu f’ansjetà għax qed jonqsu s-saċerdoti u allura mhu ser ikun hawn ħadd biex ikompli dak li bdew ta’ qabilna;
* Nidħlu f’ansjetà għax pajjiżna m’għadux daqshekk Kattoliku daqskemm konna naħsbu li kien;
* Nidħlu f’ansjetà għax donnu li għad niġu f’minoranza;
* Nidħlu f’ansjetà għax m’għadniex daqshekk popolari.
Imma Ġesù qatt ma qalilna li l-qdusija sseħħ f’ħakka t’għajn. “Min irid jiġi warajja jeħtieġ jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Lq 9, 23). Ġesù qatt ma qalilna li ser inkunu aħna li ser nikkonvertu d-dinja. Lanqas qalilna li hemm bżonn inkunu ħafna. Darba lid-dixxipli tiegħu sejħilhom: “Merħla ċkejkna tiegħi” (Lq 12, 32). Lanqas ma qalilna li biex inħossuna li għamilna suċċess irridu bilfors intellgħu xi bandiera fuq bejt biex nuru l-identità tagħna u nħossuna l-iktar influwenti. Lanqas ma qalilna li huwa ħażin li nkunu f’minoranza jew li ma nkunux popolari. Ġesù qatt ma kien tal-folol jew tal-mases. “Tridux titilqu intom ukoll” (Ġw 6, 67).
L-ewwel komunità Nisranija għandha ħafna x’tgħallimna. Kellhom ħeġġa kbira li jxandru l-Vanġelu, imma qatt ma inkwetaw mir-riżultati. Qatt ma beżgħu mill-kobor ta’ istituzzjonijiet ikbar u iktar influwenti minnhom. Kieku qagħdu jirraġunaw kif ser ilaħħqu mal-Imperu Ruman, kieku żgur ma kienu ser jagħmlu xejn. Kieku beżgħu mill-persekuzzjoni kienu jibqgħu magħluqa fiċ-ċenaklu. Il-komunità ta’ Ġesù kellha bidu dgħajjef u umli madanakollu għaddiet kull qawwa ta’ żmienha. Kieku Pawlu meta ġie fuq gżiritna qagħad jinkwieta li l-Vanġelu mhux ser ixettel għeruqu fuq din il-gżira, kien joqgħod kwiet u abbli kien jieħu vaganza tajba qabel ikompli triqtu lejn Ruma!
Ħafna drabi jiġrilna li aħna nemmnu iktar fi kliemna, f’ħidmitna milli fil-qawwa tal-Kelma. Nemmnu iktar fil-bidwi, milli fiż-żerriegħa. Forsi qed tgħidu: “Tajjeb, ma nagħmlu xejn mela.” Ġesù ma jgħidx biex ngħaddu ħajjitna fuq xi bajja, taħt xi umbrella. Ġesù stess jgħid li l-bidwi jagħmel il-parti tiegħu billi jiżra’, kif ukoll imidd idu għall-minġel għax ikun wasal żmien il-ħsad.
X’ħa nagħmlu mela? Xejn, nemmnu li dak li żrajna u li qed niżirgħu ser jikber, jekk mhux illum, għada, jekk mhux għada, pitgħada. Irridu nemmnu li l-istorja vera tad-dinja, jiktbuha l-qaddisin; dawk li wieġbu għas-sejħa, li kkoperaw mal-grazzja u ħarġu mill-egoiżmu tagħhom.
“Is-sema u l-art jgħaddu, iżda kliemi ma jgħaddix” (Lq 21, 33), jgħid Ġesù. Il-Kelma għad ikollha l-aħħar kelma. Din il-fidi m’għandha qatt timliena b’suppervja ta’ min jgħid: “M’għedtlekx jien”, imma bl-umiltà li Kelma ta’ Ġesù, kienet libera mill-isforzi tagħna, għamlet il-frott fi żmienha u mhux fi żmienna. Irridu nemmnu bis-sħiħ li x-xewqa, il-karba għal Alla fl-intimu l-iktar profond tal-bniedem, għad tiltaqa’ mal-qawwa dgħajfa, sottili tal-Kelma t’Alla.
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.