Is-solennità ta’ Marija Omm Alla [Lq 2, 16-21]
Xħin qrajt u rriflettejt dan il-Vanġelu ltqajt mar-rgħajja u moħħi ġera lejn tfuliti. Ftakart kemm-il darba meta kont daqsxejn ta’ tfajjel nirreċta ta’ ragħaj. Niftakar ix-xena ta’ meta r-rgħajja laqgħu l-aħbar tal-anġlu, u l-qtajja li ngħaqdu miegħu. Wieħed minnhom tant kien immeravilja ruħu li radd is-salib, anke jekk dan, fil-mument tad-dehra ma kienx għadu jeżisti. Niftakarna rgħajja żgħar nitkellmu fuq l-istennija tal-Messija. Il-palk kien ikun dlam ċappa, u f’daqqa waħda min kien ikun qed jieħu ħsieb id-dwal jixgħel id-dwal ta’ fuq il-palk u aħna niddawlu. Minn fuq il-microphone xi ħadd moħbi wara l-purtiera tal-palk iħabbar: ‘Qed inħabbrilkom ferħ kbir…’ ‘Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet!’ O żmien ħelu kif għaddejtli!
’Il bogħod min-nostalġija tar-reċti tal-M.U.S.E.U.M. ejjew immorru iktar lura fi żmien. Żgur li r-rgħajja ta’ Betlem qatt ma reġgħu ħarsu lejn is-sema bl-istess mod. Immaġinaw ftit kif kull darba li kienu jħarsu lejn is-sema kienu jerġgħu jiftakru dak li għaddha mingħalihom dakinhar li s-sema ddawwal. Immaġinawhom ftit jiddiskutu bejniethom: ‘Benjamin, tiftakar sena ilu xi ġralna waqt li konna qed inħarsu lejn is-sema?’ ‘Kif qatt nista’ ninsa, Natan?’
Nistgħu nkomplu nimmaġinaw u mmorru lura f’dak il-lejl meta Alla ħareġ lil Abraham fil-beraħ u stiednu jħares lejn is-sema u jwiegħdu li nislu kien ser ikun jgħodd iktar minn dawk il-kwiekeb bla għadd. Żgur li Abraham, minn dakinhar qatt ma reġa’ ħares lejn is-sema bl-istess mod. Ftakart ukoll f’Marija, bis-sema miftuħ quddiemha tikkontempla t-tħabbira tal-anġlu. Żgur li Marija qatt ma reġgħet ħarset lejn is-sema bl-istess mod!
Imma seta’ ġara wkoll li matul iż-żmien ir-rgħajja, maqtulin bix-xogħol u d-diżappunti tal-ħajja, insew dak li raw fis-sema. Nafu li Abraham, f’mument nesa l-ħarsa li kien ta lill-kwiekeb, iddubita u ra kif għamel biex l-pjan ta’ Alla jwettqu hu mingħajr Alla.
Forsi matul din is-sena lilna ġralna l-istess. Jista’ jkun li ħarisna wisq lejn l-art, lejn il-problemi tal-ħajja, lejn l-ikrah ta’ xulxin, u qlajna għajnejna minn fuq is-sema. Is-sema li rajna darba jinfetaħ quddiemna nsejnieh u ħallejlna lilna nfusna niġu misjuqa mir-rabja u mid-diżappunt. Sirna morri fi kliemna, ikkonċentrajna wisq fuq ir-relazzjonijiet qatt perfetti tagħna, użajna kliem iebes, qasqasna fuq xulxin, ħadna għalina, sħitna lil Alla li bħal donnu għaddiena bi żmien. Jista’ jkun li matul din is-sena kkonċentrajna wisq fuq il-futur mhux magħruf tagħna. Bżajna u tlifna t-tama. Jista’ jkun li l-wegħdiet ta’ Alla dehru wisq ’il bogħod, u allura ħadna l-liġi b’idejna, għaġġilna, pruvajna nibnu imperu hawn fl-art u ħallejna s-suppervja jew l-għira jsuquna. Jista’ jkun li tlifna l-fiduċja fin-nies ta’ madwarna, ħrabna u morna fejn ridna aħna u mhux fejn riedna Alla. Forsi użajna l-istorbju biex naħarbu mir-realtà u bżajna nidħlu fi skiet u nerġgħu nikkontemplaw il-wegħdiet ta’ Alla. Jista’ jkun li tajna l-fiduċja tagħna lil nies, oġġetti li flok tawna d-dinjità ta’ wlied għamluna lsiera.
Jekk dan ġara fil-ħajja tagħna ejjew nerġgħu noħorġu fil-beraħ u nikkontemplaw is-sema sabiħ kif darba nfetaħ quddiemna. Ejjew nieqfu u nerġgħu ngħixu dawk l-esperjenzi li fihom doqna s-sbuħija ta’ Alla u l-wegħdiet tiegħu. Ejjew nerġgħu niftakru fis-sbuħija tal-qdusija, nerġgħu nibdew minn hemm u nħarsu ’l quddiem b’tama. Dak is-sema jista’ jerġa’ jinfetaħ quddiemna u naraw il-glorja ta’ Alla. Ejjew bħal Marija ngħożżu dan kollu f’qalbna u naħsbu fuqu bejnna u bejn ruħna.
Taqtax qalbek. Taħt is-salib, fejn ix-xemx tiddallam, int tista’ tibqa’ wieqaf, għax darba doqt is-sbuħija tas-sema miftuħ, u smajt il-kliem: “Tibżax, qed inħabbarlek ferħ kbir.” (Lq 2, 10)! Le, iż-żmien ħelu għadu m’għaddiex!
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Patri Andrew Galea OFM Conv