EUSF_Salesgirl

Meta Qalbi Ssir Suq

It-3 Ħadd tar-Randan (Ġw 2, 13-25)

Jien naqra stramb meta mmur nixtri. Normalment inkun irrid noqgħod waħdi, nara l-affarijiet bil-kwiet, niċċekkja, naħseb, nipprova, nagħżel. Jekk jiġi xi ħadd fuqi mimli entużjażmu biex ibigħ u jgħidli: “Ara ħu din”, “Naħseb din tixraqlek”, “Ara hawn din ukoll”, “Jekk ma tixtieqx tonfoq ħafna hawn dawn ukoll”, inħossni nippanikja u f’qalbi ngħid: “Jaħasra kieku taf kemm mhux qed tgħinni” u nispiċċa nwieġeb: “Ġejt biex nara biss ta”, u bil-mod il-mod inlebbet ’il barra u, kif noħroġ, ngħid: “Fl-aħħar ftit arja!” Jiġrili hekk ukoll meta nkun irrid nagħmel biċċa xogħol. Jekk inkun irrid nagħmel xi ħaġa li titlob konċentrazzjoni, nibda nitlob li ma niltaqa’ ma’ ħadd, li xejn ma jtellifni l-konċentrazzjoni li jkolli bżonn. 

Ħajjitna faċli tispiċċa fl-istess sitwazzjoni. Ġieli jiġrilna li ħajjitna timtela bl-ilħna ta’ ħafna persuni li jridu jbigħu xi ħaġa lil qalbna. Tispiċċa ma tikkonċentrax għax ħafna jkunu dawk li kważi jisfurzawk tixtri xi ħaġa; ħafna jkunu dawk li anke jekk ma jkollok bżonn xejn jippruvaw b’kemm għandhom saħħa joħolqu fik il-bżonn ta’ xi ħaġa. Kultant dawn jinfurzaw ruħhom fuqna, drabi oħra nkunu aħna li nbexxqulhom il-bieb ta’ qalbna għax b’xi mod niġu sedotti biex nimlew qalbna b’xi ħaġa li donnha ser tagħtina l-ferħ. Normalment nispiċċaw f’baħar ta’ konfużjoni. Tafu x’iġifieri konfużjoni: ‘fużjoni’ tfisser għaqda, ‘con’ tfisser ma’. Il-konfużjoni sseħħ meta jien insir parti minn ħaġa li nitlef il-veru jien. Tant insir parti minn xi ħaġa li nitlef l-identità tiegħi u, fl-isforz li nisma’ l-ħafna ilħna, nitlef li nisma’ l-Leħen (ta’ qalbi jew ta’ Alla). 

Din il-konfużjoni kienet qed tirrenja wkoll fit-tempju ta’ Ġerusalemm. Ġesù taqbiżlu; ma setax iniżżilha li spazju sagru jinbidel f’suq. Kien hemm wisq ilħna, biex ikun possibbli li f’dik il-konfużjoni kollha wieħed jirnexxilu jisma’ l-leħen ta’ Alla. Il-konfużjoni fit-tempju seta’ kellha anke raġunijiet validi. L-affarijiet għall-bejgħ ma kinux biex jagħmlu l-ħsara. Kienu affarijiet li apparentament kollha kien hemm bżonnhom. Il-Lhud fit-tempju ta’ Ġerusalemm ma kienu qed jagħmlu xejn ħażin:

Kien hemm bżonn min isarraf il-flus għax fit-tempju ma setgħux jidħlu muniti pagani allura kienu ivvintaw munita li tintuża biss fit-tempju; 

Kien hemm bżonn min ibigħ nagħaġ, ħamiem u barrin biex ikunu jistgħu jintużaw għas-sagrifiċċju u biex jgħixu l-qassisin. 

Imma anke l-affarijiet it-tajba jistgħu joħolqulna konfużjoni għax ninsew il-għala nkunu qed nagħmluhom. Inbigħu u nixtru biex nagħtu qima lil Alla, imma lil Alla nispiċċaw ma nqimuhx, għax iktar mitlufa fil-preparazzjoni tal-mument, imma l-laqgħa vera tispiċċa ma ssirx.

Ġesù jibda d-diskors tiegħu fuq it-tempju ta’ Ġerusalemm imma mbagħad ikompli fuq “it-tempju tal-ġisem tiegħu”. Jgħidilhom biex iħottu t-tempju u fi tlett ijiem jerġa’ jibnih.

Ġesù jgħolli l-livell tad-diskors minn tempju tal-ġebel għat-tempju li kien hu. Il-Knisja tgħallimna li aħna wkoll nipparteċipaw minn dan kollu. Fil-magħmudija aħna wkoll sirna tempji; tempji tal-Ispirtu s-Santu. Jekk Ġesù jagħmel għaġeb, u bir-raġun għax it-tempju ta’ Ġerusalemm ma baqax spazju sagru minħabba l-bejjiegħa li għamluh monti, kemm iktar jinkwieta jekk aħna nagħmlu minn qalbna suq. Nafu kemm fil-monti jkun hemm geġwiġija ta’ ilħna u storbju. 

Faċli tiġrilna din il-ħaġa. Huwa faċli immens li qalbna ssir ambjent tal-kompromessi; fejn inpartu u nbigħu; fejn għal naqra qligħ illi jgħaddi nitilfu dak li jibqa’ għal dejjem. Kemm hu faċli li qalbna ma tibqax taf xi trid għax joħonquha l-ilħna tal-bejjiegħa li jridu jbigħu l-prodotti tagħhom akkost ta’ kollox. Jiġrilna li nkunu tlifna l-konċentrazzjoni. 

Allura tajjeb illum insaqsi: 

X’inhuma dawk l-affarijiet li ġo fija qed joħolqu konfużjoni? 

X’hemm ’il barra minni li qed inħallih jieħu pussess ta’ qalbi u joħloqli konfużjoni? 

X’nista’ nagħmel biex ma nitlifx il-konċentrazzjoni u ma nitlifx il-paċi tal-qalb? 

Fil-magħmudija tagħna aħna ġejna kkonsagrati; iġifieri sirna proprjetà ta’ Alla. Ġesù jiddejjaq ħafna li t-tempju ta’ Ġerusalemm ma baqax post ta’ konsagrazzjoni, ma baqax proprjetà ta’ Alla. Kemm iktar jiddejjaq meta qalbna ma tibqax proprjetà tiegħu! U dan jagħmlu mhux għax għajjur, imma għax jaf tajjeb li meta nbigħu lil qalbna, dejjem hemm prezz għoli xi nħallsu. Meta nbigħu lil qalbna naħsbu li ser nagħmlu l-qligħ, naħsbu li ser ikollna xi ħaġa li fl-aħħar issa ser tissodisfana. Iż-żmien normalment jurina li mhux biss ma nkunux għamilna qligħ imma talli jkollna nħallsu bl-imgħax biex nerġgħu nieħdu qalbna lura.

Irrabja mela Ġesù, u fittex uriena fejn hi qalbna.

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.