L-1 Ħadd tar-Randan (Mt 4, 1-11)
Mhux żmien faċli! Forsi l-ewwel impressjoni li jkollna tar-Randan mhix xi waħda ferrieħa. Nafu li l-Knisja tistedinna nibdew it-triq lejn Ġerusalemm, triq li ser twassalna nimmeditaw lil Ġesù waħdu, imbeżża’, miċħud, tradut, arrestat, ikkundannat, suġġett ta’ vjolenza l-aktar mistkerrha, imdendel ma’ salib.
Imbagħad xi tgħiduli għas-sawm? Għiduli ftit, min minna jkollu aptit isum, jekk mhux min irid inaqqas xi żewġ kilos li jkun tella’ matul is-sena? Żgur, almenu jien, ma jkollix l-istess entużjażmu għar-Randan, kif ikolli għall-Avvent. Din id-darba mhux qed infakkru u ngħixu mill-ġdid l-istennija tat-twelid tat-tarbija ta’ Betlem. Minflok il-panettone u l-Baci niġu mistiedna niċċaħħdu mill-iktar affarijiet li nħobbu! Povru, min bħali, li l-ħut ma tantx jinżillu! Imbagħad min illum jieħu pjaċir jiftakar li jrid imut? Lil min togħġob il-frażi: ‘Trab kont u trab terġa’ ssir’?
Dawn l-affarijiet kollha forsi jġegħluna nħossuna inqas ħabrieka biex nibdew din il-mixja ta’ konverżjoni u penitenza. Però, ir-Randan mhux ser jieqaf biss maċ-ċaħdiet u lanqas mhu ser iħallina weħidna quddiem is-salib. Ser iwassalna, iva, għall-kontemplazzjoni tal-kurċifiss imma ser jurina l-qabar vojt, ser iwassalna nikkontemplaw il-ferħ tal-Għid imxerred ma’ kullimkien fid-dinja.
Ir-Randan huwa proprju dak iż-żmien li jgħinna ninħelsu minn dak kollu li ma jħalliniex ngħixu l-ferħ ta’ dawn il-festi. Matul dawn l-erbgħin jum, bil-mod il-mod ser ninħelsu minn dak kollu li ma jagħmilniex kapaċi nifirħu. Kapaċi jifraħ min hu meħlus; min, bil-qawwa ta’ Ġesù Kristu, ta l-aħħar daqqa lill-mewt u lil dak kollu li jorbtu magħha. Ħafna drabi naħsbu li aħna nkunu nies ħielsa meta jkollna kollox: saqaf fuq rasna, żaqq mimlija, saħħa, fama tajba u dak kollu li f’ħajjitna jagħmilna fi żgur.
Imma dan mhux minnu u l-ħajja stess tagħtina l-provi. Kemm-il darba spiċċajna lsiera ta’ dak kollu li għadna. Iva, hekk hu! Kemm-il darba stinkajna biex nakkwistaw xi ħaġa, imma propju kienet dik il-ħaġa li għallitna, neħħitilna l-ferħ, għax spiċċajna lsiera tagħha. Kemm-il darba ridna npaxxu lilna nfusna b’kull xorta ta’ pjaċir u sodisfazzjon biex imbagħad indunajna li dħalna f’xi vizzju li sallabna.
Illum Ġesù jrid jurina li mhux il-ħobż lanqas l-affarijiet li bihom nimtlew sax-xebgħa, wisq anqas il-fama mhuma ser jagħmluna nies ħielsa. Ġesù llum jitfagħna fid-deżert biex idawlilna moħħna u qalbna u jurina liema huma dawk il-ħwejjeġ li flok ħelsuna, rabtulna mażżra m’għonqna. Ftit ftit jixtieq jeħlisna, biex ħfief u ferħana, naslu quddiem il-qabar vojt!
Il-mixja t-tajba!
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv