Is-16-il Ħadd matul is-Sena (Mt 13, 24-43)
Kif sirna hux? Dejjem tħossok osservat, tmur fejn tmur! Tista’ tkun fi triq, il-bandli, ħdejn il-baħar, quddiem dar, quddiem garaxx, kullimkien l-istess. Kultant timmaġinak f’xi storja ta’ Sherlock Holmes. Qabel kont tħossok osservat meta tgħaddi minn quddiem xi purtella għax timmaġina li xi ħadd minn warajha kien ikun qed iħares lejk. Kienet l-għaxqa tiegħi jien, meta kont żgħir ngħaddi minn quddiem il-purtella ta’ xi dar u nxejjer quddiem il-purtella, għax kont inkun naf li warajha hemm xi ħadd jittawwal. L-ikbar gost tiegħi kien ikun, li xħin ngħaddi jien u nxejjer, il-blinds jingħalqu f’ħeffa tal-għaġeb. Illum hekk ukoll; tħossok osservat kull fejn tmur. L-imbierka CCTV!
Kieku l-bidwi tal-parabbola kellu CCTV kieku mill-ewwel kien jaqbdu lil dak il-gustuż li żeragħlu s-sikrana qalb il-qamħ billejl waqt li kulħadd kien għaddej bil-mija. Kulma kien ikollu jagħmel il-bidwi kien ikun li jmur jara xi tkun ġibdet is-CCTV.
Forsi ma tkunx idea ħażina li aħna wkoll narmaw CCTV biex naraw jekk hemmx xi ħadd li f’ħajjitna qed jiżra’ s-sikrana. Kultant jiġrilna li għax m’għandniex CCTV nispiċċaw nindunaw tard wisq li xi ħadd ikun żera’ s-sikrana. Il-konsegwenzi jidhru wara, kif jgħidilna l-Vanġelu: “Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana.” (Mt 13, 26). Kemm jiġrilna li nindunaw tard wisq!
Tajjeb li nixegħlu s-CCTV fuq fejn sejra s-soċjetà tagħna, imma ferm aħjar li nixegħlu l-kameras fuq fejn sejra qalbna.
Jekk qed tħossok dejjem irrabjat, ara naqra xi tkun irrekordjat il-kamera ħa tara minn fejn bdew l-affarijiet u tilħaq tirranġa qabel ikun tard wisq.
Jekk qed tħoss li l-komunikazzjoni man-nies li tħobb dejjem sejra għall-agħar, ara naqra xi tkun irrekordjat il-kamera ħa tara minn fejn bdew l-affarijiet u tilħaq tirranġa qabel ikun tard wisq.
Jekk qed tħoss li ċerti esperjenzi li bdew bi ħsieb tajjeb, anzi qaddis, imma issa qed jitbiegħdu mid-dawl, ara naqra xi tkun irrekordjat il-kamera ħa tara minn fejn bdew l-affarijiet u tilħaq tirranġa qabel ikun tard wisq. Ma rridux nserrħu rasna, lanqas fuq l-affarijiet li bdew minn Alla, għax l-għadu ma jaħmilx, u l-iskop tiegħu hu li jisraq dak li hu ta’ Alla u jagħmlu tiegħu.
Tibżax tixgħelha l-kamera! Titnikkirx! Bilħaqq, il-kamera trid tarmaha f’qalbek. Ġesù stess jgħid li minn hemm joħroġ kollox.
Tajjeb ukoll li anke jekk l-affarijiet sejrin tajjeb, xorta ixgħelha l-kamera, għax faċli li waqt li tkun rieqed, jiġi l-għadu u jiżra’ s-sikrana qalb il-qamħ.
Jekk l-affarijiet sejrin ħażin ħafna, xorta taqtax qalbek. Il-bidwi ma jneħħix is-sikrana mill-ewwel, għax jibża’ li magħha jqaċċat ukoll il-qamħ. Tgħid għal xiex jagħmel hekk? Għax il-bidwi jittama kontra kull tama, li qabel ikun tard wisq is-sikrana tinbidel f’qamħ. Mela, inħarsu ’l quddiem, is-sikrana f’qalbna, bil-ħniena tal-bidwi, tista’ ssir qamħ.
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv