Il-15-il Ħadd matul is-Sena (Mt 13, 1-23)
Niftakar meta konna żgħar fl-iskola primarja, jekk il-memorja tiegħi għadha tajba, kienu jagħtuna nagħmlu esperiment. Kienu jqabbduna niżirgħu fulu ġo vażett ilma. Wara ftit jiem, minn dawn il-ħxejjex kienu jibdew jispuntaw l-għeruq. Xogħolna, ta’ studenti bravi li konna, kien li noqogħdu nosservaw kif jikbru l-għeruq! Bilħaqq il-fulu ried ikun ħdejn xi tieqa ħalli jkun għad-dawl. Ajma x’memorji!
Ġesù fil-Vanġelu tal-lum ukoll jitkellem dwar l-għeruq. Mhux tal-fulu, imma tal-Kelma li tkun inżergħet fina. Il-Vanġelu llum jistedinna nsaqsu kemm għandna għeruq fina. Kif se nkunu nafu kemm huma profondi l-għeruq tagħna? Mill-frott li tħalli l-Kelma fina fi żmien il-għawġ.
Aħna minn dawk li malli jinqala’ l-għawġ ninsew malajr il-Kelma li tkun ħeġġitna, li tkun entużjażmatna? Meta nsibu min iħawwadna minħabba l-Kelma, kif inġibu ruħna? Naħarbu? Nibżgħu? Ngħidu li l-Kelma li smajna mhix vera?
Għandna ħafna xi jtellifna minħabba l-Kelma! Ħafna drabi l-istess soċjetà kontemporanja tagħna, post-Kristjana li tgħidilna li l-Kelma li smajna hija biss emozzjoni tal-mument. Hija biss opinjoni li kienet torbot soċjetajiet tal-passat imma m’għandha xi tgħid xejn lid-dinja ta’ żmienna.
Il-Papa Benedittu jista’ jgħinna nirriflettu dwar dan. Fl-intervista li kellu ma’ Peter Sewald li ġiet ppubblikata fil-ktieb Dawl tad-Dinja, jgħid li ħafna mill-filosfi llum iżommu li l-bniedem ma jista’ qatt jasal għall-verità. Il-Papa emeritu jkompli jgħid li jekk dan huwa l-każ, allura l-bniedem ma għandu l-ebda qies li jista’ jimxi fuqu. Ikompli l-Papa: ‘Imbagħad wieħed ikollu joqgħod jara kif b’xi mod jew ieħor ser jirranġa; imbagħad l-opinjoni tal-maġġoranza ssir bl-aħjar mod il-kriterju ewlieni li jgħodd.’
Aħna minn dawk li nemmnu li l-Kelma t’Alla hija verità għal kull żmien jew inkella nimxu mal-kelma tal-maġġoranza? Jekk aħna minn dawk li nżommu mal-kelma tal-maġġoranza, allura nistgħu nserrħu ruħna li l-Kelma ta’ Ġesù mhix ser taqlgħalna inkwiet. Nistgħu komdi komdi nibqgħu ngħixu l-psewdo fidi tagħna.
Jekk min-naħa l-oħra nżommu l-Kelma vera, il-Kelma ta’ Ġesù, ejjew illestu ruħna għall-inkwiet! Ejjew illestu għall-martirju, jekk mhux dak tad-demm il-martirju “edukat” kif qal Papa Franġisku fit-12 t’April tal-2016, meta wara li semma l-martirju tad-demm ta’ ħafna dixxipli ta’ Ġesù li jinqatlu minħabba l-fidi tagħhom f’Ġesù jsemmi martirju ieħor, u martri oħra. Jgħid Papa Franġisku: ‘Dawk li jiġu ppersegwitati b’mod edukat, bl-ingwanti bojod mingħajr demm, imma esklużi u emarġinati, miċħuda lilhom il-libertà anke tal-objezzjoni tal-kuxjenza!’
L-għeruq tal-Kelma jingħaraf mill-frott: mill-frott li bih inżommu l-Kelma, mill-ferħ tal-Vanġelu li jgħammar fina, mill-mod kif inxandru din il-Kelma lis-soċjetà ta’ żmienna.
Aħna mistiedna nxandru l-Kelma, imma spiss jiġrilna li neħlu, u l-Vanġelu nneħħulu t-togħma, ma jibqax melħ li jmellaħ, imma jsir melħ li ma jkun tajjeb għal xejn ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies. Noqogħdu attenti li bin-nuqqas ta’ entużjażmu tagħna nispiċċaw flok nentużjażmaw oħrajn għal Ġesù nispiċċaw nagħmlu mill-fidi tagħna opra neolitika, mużew li jurik biss era li għaddiet, fidi skaduta.
Ejjew infittxu modi ġodda biex nevanġelizzaw. Ejjew ma nispiċċawx b’bażiliċi u knejjes kbar u sbieħ, imma vojta. Ejjew nitħeġġu għal Ġesù u nkomplu l-mixja tagħna warajh. Ejjew ma nispiċċawx infarfru biss il-gandlieri fil-knejjes tagħna, imma ejja ntajru t-trab waqt li b’ferħ interrqu fit-toroq ta’ din il-gżira li isimha sebbħitu l-Kelma t’Alla, u isimha sebbaħ il-Bibbja.
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv