Il-25 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 20, 1-6a)
Kieku din il-ġrajja seħħet illum, kieku dawn il-qaddejja kienu jispiċċaw imorru għand il-union. U ngħiduha kif inhi, mal-ewwel daqqa t’għajn ma ttihomx tort. Imma mhux tal-istess ħsieb huwa s-sid li joħroġ ifittex in-nies għax-xogħol. La hu qed jipprovdi x-xogħol, jieħu d-dritt tiegħu li jħallas kif jixtieq. Fih ma nsibux għelt għax żamm il-kelma li fl-aħħar tal-ġurnata jħallas b’dinar.
Imma din il-ħaġa xejn m’għoġbithom lill-ħaddiema li ħadmu ġurnata sħiħa. Pretendew iktar. Imsieken, insew li kien propju dak is-sid ta’ qalb tajba li ħelishom mill-qagħad; kien hu li tahom il-grazzja tax-xogħol. Issa li ħadmu tul il-jum bdew jaħsbu li l-opportunità li jaħdmu kienet mertu tagħhom. Insew li kieku ma kienx għas-sid kienu jispiċċaw jittantaw x-xemx għaddejja l-ġurnata kollha. Insew li s-sid kien raġel li jżomm il-kelma, għax daqs kemm ftiehem magħhom, daqshekk tahom. Ġralhom hekk għax ikkonċentraw fuq dak li ġie mogħti lil ħaddieħor, raw li kien iżjed u nsew il-grazzja li ngħatat lilhom.
Kemm jista’ jiġrilna hekk lilna? Kemm naqgħu fl-iżball li naħsbu li Alla jirraġuna eżattament kif nirraġunaw aħna? Bil-lenti tagħna faċli nakkużaw lis-sid bħala inġust jew diskriminatorju, u jaħarbilna l-fatt li s-sid huwa biss qalbu tajba. Kemm drabi ngħidu li Alla inġust, meta missna ngħidu li hu qalbu tajba? Il-ġustizzja tal-bniedem hija tarġa għolja fl-umanizzazzjoni tal-umanità imma mhix l-ogħla triq. Alla jindika ingredjent ieħor biex il-ġustizzja umana tersaq lejn il-perfezzjoni – il-ħniena.
Mill-banda l-oħra kemm drabi jiġrilna li aħna rridu li tintwera ħniena magħna u ngħiru għall-ħniena li tintwera ma’ ħutna? Kemm jista’ jiġrilna li għax issa ilna ngawdu mil-laqgħa ma’ Ġesù naraw lil min għadu jibda bħala inqas minna? Kemm jiġrilna li nostakolaw lil min għadu kif jibda: ‘Mhux ser jgħallem lilna?’ jew ‘Dak twieled ilbieraħ.’
Jiġrilna wkoll li naħsbu li s-suċċessi tagħna huma biss frott tal-isforzi tagħna u ninsew li qabel kollox kien hemm il-grazzja t’Alla, anzi nippretendu li ħaddieħor jasal fejn wasalna aħna bir-rieda u l-isforzi tiegħu biss u arana noħolqu pressjoni żejda fuq min ikun. Kull meta naħsbu li aħna l-awturi tas-suċċessi tagħna nkunu qed nippreparaw ruħna għall-falliment, għax nkunu nsejna li aħna la aħna sid l-għalqa u lanqas qed nipprovdu x-xogħol.
Allura ejjew nitolbu lil Sid il-ħsad jibqa’ hu is-Sid. Alla kapaċi jumiljana meta noħdulu l-għalqa, propju biex ifakkarna li jekk qed naħdmu għalih huwa biss bi grazzja tiegħu! Jalla fil-fond ta’ qalbna nkunu kapaċi ngħidu: “Aħna qaddejja battala, għamilna biss dak li kellna nagħmlu.” (Lq 7, 10)
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv