It-Tifkira Solenni ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema (Mk 16, 15-20)
Bejn l-ewwel qari li qrajna u l-Vanġelu li ġie proklamat lilna hemm xi differenzi. Il-Vanġelu li smajna jgħidilna li wara li Ġesù tela’ s-sema l-Appostli marru jippritkaw kullimkien. Luqa, b’differenza minn Mark, fl-Atti tal-Appostli jgħidilna li fuq ordni ta’ Ġesù l-Appostli kellhom jibqgħu Ġerusalemm sakemm isseħħ il-wegħda. Il-wegħda kienet li kellu jissawwab fuqhom l-Ispirtu s-Santu. L-Atti jgħidilna li l-Appostli telgħu d-dar fejn kienu joqogħdu u kienu jitolbu ma’ xi nisa, ma’ Marija, Omm Ġesù, u ma’ ħutu.
X’qagħdu jagħmlu l-Appostli, in-nisa, ħutu u Marija f’dawk il-ġranet sa ma niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu? Fil-fehma tiegħi, għamlu 3 ħwejjeġ.
1. Ippruvaw jindunaw x’sens kellu dak li ġara fil-ġrajja tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù.
2. Għażlu xi ħadd li jieħu post Ġuda l-Iskarjota – Mattija (ara Atti 1, 12).
3. Irriflettew fuq it-tlugħ tal-Mulej fis-sema.
F’dawn it-tliet ġrajjiet l-Appostli fit-talb kellhom jelaboraw it-telfiet li kienu ġarrbu: it-telfa tal-Mulej fil-mewt tiegħu; it-telfa ta’ Ġuda; it-telfa tal-Mulej fit-tlugħ tiegħu fis-sema.
L-Appostli kellhom jelaboraw il-mewt ta’ Ġesù li għalihom kienet ta’ xokk u trawma kbira. Kellhom jelaboraw il-kurċifissjoni u jibdew jaraw lil Ġesù bħala dak li qam. Ix-xokk kien tant kbir li f’kull dehra ta’ Ġesù wara l-qawmien m’għarfuhx jew m’emmnux. Kellhom jinqalgħu mill-idea li Ġesù huwa biss dak l-ifflaġellat u mislub. Kellhom jagħmlu l-kontijiet mat-telfa traġika ta’ Ġuda, mat-tradiment tiegħu u tagħhom. Kellhom jinħabbu mal-fatt li Ġesù issa m’għadux magħhom fiżikament; mhux ser jisimgħu iktar leħnu, mhux ser jesperjenzaw iktar il-mirakli tiegħu u l-preżenza tiegħu li tagħti sigurtà.
L-istess esperjenza jeħtieġ li nagħmlu aħna; li nitgħallmu nħallu, li nelaboraw it-telfiet tagħna. Jekk aħna ma naħdmux fuq dak li tlifna qatt u qatt ma jista’ jitwieled xejn ġdid f’ħajjitna. Jekk aħna ma naħdmux fuq il-weġgħat tagħna, qatt ma nistgħu nkunu miftuħa għall-fejqan. Jekk neħlu fil-weġgħat tagħna, nispiċċaw ngħaddu lil ta’ madwarna l-uġigħ tagħna u qatt ma naslu ngħaddulhom it-tama. Nispiċċaw ngħaddulhom il-pjagi mimlija demm, jintnu u jdennu imma qatt il-pjagi ta’ min għadda mill-mewt għall-ħajja.
Ilkoll kemm aħna għandna xi nħallu.
Forsi bħala individwi rridu nħallu t-tfulija tagħna fejn kollox idur magħna u fejn b’bikja u tisbit tas-saqajn nakkwistaw kulma rridu. Forsi rridu nħallu ż-żgħożija tagħna u nindunaw li qed nikbru, jew aħjar li kbirna u m’għadux żmien ir-romantiċiżmu u l-passjonijiet kbar u qawwija.
Forsi rridu nħallu l-ħolm li kellna fuq kif kellha tiżvolġi ħajjitna, fuq kif kellu jkun iż-żwieġ tagħna, fuq kif kellha tkun il-ħajja mingħajr it-traġedji li mingħajr ma għażilniehom ġrawlna.
Forsi rridu nħallu l-ħolm li kellna fuq uliedna, mill-mod kif rabbejniehom u l-mod kif qed jgħixu, jew sempliċiment il-ħolm li aħna obbligajniehom joħolmu magħna u għalina. Hekk biss uliedna nistgħu narawhom jitwieldu quddiem għajnejna.
Forsi aħna bħala Knisja rridu nħallu l-idea ta’ knisja tal-folol fejn kulħadd jisma’ minnha; fejn m’hemmx kontradizzjonijiet bejn il-fidi u l-ħajja pubblika. Forsi rridu nħallu l-idea ta’ kunventi mimlija patrijiet u sorijiet u seminarji mimlija seminaristi.
Kieku l-Appostli weħlu fil-mewt ta’ Ġesù qatt ma kienu jesperjenzaw il-qawmien. Kieku l-Appostli żammu lil Ġesù milli jitla’ s-sema qatt ma kienu jesperjenzaw l-Ispirtu s-Santu u l-Knisja ma kienet titwieled qatt. Kieku ma ħallewx l-esperjenza ta’ Ġuda kieku qatt m’għażlu lil Mattija.
Imma l-Appostli ħallew, tgħallmu jħallu u l-Ispirtu niżel b’qawwa u bil-freskezza tiegħu ħoloq il-ġdid. Mhux ta’ b’xejn li nsejħulu: “L-Ispirtu li jagħti l-ħajja.”
Ejjew aħna wkoll nitgħallmu nħallu. Nidħlu f’din l-esperjenza ta’ tiġdid. Mhux biżżejjed li nitolbu lill-Mulej jurina minn xiex irridu ninħelsu imma nitolbuh ukoll jurina ‘għal xiex’ irridu ninħelsu. Ġesù wegħedna li meta jiġi Hu, l-Ispirtu s-Santu jwassalna għall-verità kollha.
Aħseb ftit! Ma’ xiex int marbut? Illum tiqafx taħseb kemm ser tbati għax ser ikollok tħalli imma x’ser tirċievi hekk kif tinħeles. Niftakru fil-kelma ta’ Ġesù: “Il-mara, meta tkun ser tiled tħossha mdejqa; iżda meta tkun twieldet it-tarbija, ma tiftakarx iżjed fl-uġigħ, bil-ferħ li twieled bniedem fid-dinja. Hekk intom, issa tħossukom imdejqa; imma għad nerġa’ narakom u qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom” (Ġw 16, 21-22).
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.