It-Tifkira Solenni tal-Miġja tal-Ispirtu s-Santu: Għid il-Ħamsin (Ġw 20, 19-23)
Il-mod kif tgħallimt ngħum jien, u li ma nissuġerih lil ħadd ma kienx xi wieħed feliċi. Niftakar kont Delimara u xi ħadd imbottani l-baħar. Kont għadni żgħir u niftakarni ngħajjat: ‘Mummy, Mummy.’ Issa ara ommi kif kienet ser tismagħni minn Ħal Qormi! Imma nsomma kull deni ħudu b’ġid. Minn dakinhar tgħallimt ngħum. Imbierek dak li imbottani l-baħar!
L-istess jagħmel l-Ispirtu s-Santu: jimbottak, jitfgħek il-baħar, u waqt li tkun qed titħabat fl-ilma titgħallem tgħum. Iva, jimbottak. Ma jħallikx tħares lejn il-baħar. Ma jħallikx titkellem fuq il-baħar, tgħid kemm hu sabiħ, kalm bħaż-żejt, jew inkella tilmenta għax il-baħar imqalleb, bħal dak li qallu huwa tort tiegħu għax imqalleb. L-Ispirtu jitfgħek tgħum. Jimbottak il-baħar.
Hekk ġralha Marija wara l-aħbar li kellha ssir omm. L-Ispirtu imbottaha u telqet tiġri lejn Għajn Karim, għand Eliżabetta li kellha sitt xhur tqala. Weħidha ma kinetx tkun kapaċi tmur! Imbottaha u mlieha bil-ferħ: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.” (Lq 1, 46-47)
Hekk ġralu Ġesù qabel ma beda l-missjoni tiegħu. L-Ispirtu ħadu fid-deżert. Imbottah hemm biex jaffaċċja t-tentazzjonijiet, biex jirbaħ għalina. L-Ispirtu imbottah ukoll jifraħ għas-suċċess li kellhom id-dixxipli fil-missjoni: “F’dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: ‘Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin’.” (Lq 10, 21)
X’għamlilhom lill-appostli fiċ-ċenaklu meta niżel fuqhom? Imbottahom ’il barra, biex bil-ferħ u bla biża’ jxandru l-Vanġelu. Weħidhom mingħajr l-Ispirtu tal-ħajja kienu jibqgħu magħluqin ġewwa, imwerwrin. U ferħu. Ferħu fl-Ispirtu anke meta kellhom il-baħar kontrihom: “Iżda huma ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù. U kuljum, fit-tempju u fi djarhom, kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-Messija.” (At 5, 41-42)
X’għamel l-Ispirtu lill-qaddisin? Jikteb San Franġisk fit-Testment tiegħu:
Meta jien kont għadni ngħix fid-dnub, id-dehra tal-imġiddmin kienet għalija wisq morra. U l-Mulej innifsu mexxieni f’nofshom, u jien wrejt ħniena magħhom. U wara li ħallejthom, dak li qabel deherli li kien morr, inbidel fi ħlewwa għar-ruħ u għall-ġisem.
Jgħid hu stess li kien il-Mulej li imbottah f’nofshom. Waħdu ma kienx kapaċi jmur qalb il-lebbrużi.
Min kien dak li imbotta lil Dun Ġorġ Preca ġo nofs dawk iż-żgħażagħ li kienu jiltaqgħu fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ San Gejtanu? Min kien li imbotta lil Massimiljanu Kolbe biex jistaqsi jekk jistax imut flok missier ta’ familja fil-kamp tal-konċentrament? Min, jekk mhux l-Ispirtu?
Iva, ħallih jimbotta lilek ukoll. Ħallih jitfgħek il-baħar. Tibqax biss tħares lejn il-baħar, tikkumenta jekk hux sabiħ jew imqalleb. Ħallih jimbottak fil-baħar tal-Knisja, mhux biss tilmenta fuq il-Knisja. Ibda għum fiha, minn ġewwa sebbaħha bl-entużjażmu tiegħek għall-Vanġelu. Ħallih jimbottak fil-qalba tad-dinja biex tagħmel minnha post isbaħ. Ħallih jimbottak fil-qiegħ tiegħek innifsek ħalli ssib min int. Ħallih jiskomodak. Jekk int wieħed minn dawk li qed tgħix il-ħajja nisranija fil-kalma, xi ħaġa sejra smerċ. Kull meta tħossok insodisfatt, kull meta tixtieq iktar, għid li l-Ispirtu qed jaħdem. Anke jekk l-Ispirtu jġib paċi u ferħ imma ma jħallikx bi kwietek. L-Ispirtu huwa dinamiżmu: jaqilgħek minn fejn tkun biex bil-ferħ tmur ixxandar il-Vanġelu fejn qatt ma ħsibt li xxandru.
Iva, ħallih jimbuttak … ħallih … tinduna li ħajtek ma tibqax monotona. L-Ispirtu kapaċi jagħmel mill-ħajja nisranija tiegħek avventura mill-iktar entużjażmanti.
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv