Il-21 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 16, 13-20)
Tafu x’inhuma l-props, hux vera? Props huma dawk l-affarijiet li jkun hemm fuq il-palk biex joħolqu l-ambjent tax-xena. Ngħidu aħna jekk ix-xena ta’ reċta tirrikkjedi uffiċċju jintrama l-palk forma ta’ uffiċċju. Ċerti xeni huma faċli toħloqhom, għax huma simili għall-ħajja ta’ kuljum. Imma ngħidu aħna trid xena ta’ bosk, kif tagħmel? Żgur li mhux ser tmur taqta’ koċċ siġar u tpoġġihom fuq il-palk. Mhux sew u ma jiswiex. Ikollok taħdem xi ħaġa simili għal siġra. U jekk tkun trid toħloq ambjent li fih il-blat x’tagħmel? Normalment tuża l-ġablow, ittih forma ta’ blata u tiżbgħu b’kulur li jġibu qisu blat ta’ vera.
Pietru hekk kien. Kien blata tal-ġablow. Minn barra kien jidher qisu blata samma, minn ġewwa kien tal-ġablow. Itik l-impressjoni li jekk taħbat miegħu ser titkisser int, imma fil-verità jitkisser hu. Bosta drabi ma ġitux żewġ ma’ Ġesù! L-Imgħallem tah xi żewġ laqmijiet goffi: darba qallu xitan u darb’oħra qallu li kien bniedem ta’ fidi żgħira. Meta prova jiddefendih kisru, u meta prova jagħmilha tal-eroj u bi prużunzjoni kbira qal li hu kien lest imur il-ħabs miegħu, Ġesù ħabbarlu li kellu jiċħdu. Pietru huwa prużuntuż, fl-istess ħin sempliċi. Jixtieq juri li lil Ġesù jħobbu, imma kull darba jagħmel esperjenza tal-falliment tiegħu. Meta Ġesù jsaqsih għat-tielet darba jekk kienx iħobbu, Pietru jħoss għafsa ta’ qalb.
U Ġesù jibni l-knisja tiegħu fuq il-ġablow! Xi ġmiel dan Ġesù! Jibni mhux fuq il-qdusija tagħna, imma fuq dak li hu dgħajjef fina jibni fuq il-qdusija tiegħu. Għaddew is-snin, u ħafna drabi l-Knisja għadha tal-ġablow, madanakollu Alla biha għamel ħwejjeġ kbar. Dgħajfa, u kultant għajjiena imma drabi oħra qawwija, tħeġġeġ u tqabbad il-qlub. F’dawn is-sekli kien hemm drabi fejn kienet blata ta’ vera, drabi oħra dehret tal-ġablow, imma fejn l-aktar kienet dgħajfa l-iktar li ħarġet tilma bid-dija, għax hekk biss tifhem id-dgħufija tad-dgħajjef, meta tippreżenta ruħha dgħajfa u fraġli.
U Ġesù għadu l-istess. Għadu jibni fuq il-ġablow, biex juri li l-qawwa ġejja minnu u mhux minna, midinbin imsejkna. Biex juri l-qawwa tiegħu fl-aqwa tagħha sewwa sew fejn hemm id-dgħajjef u jsaħħaħ lil kull min hu nieqes mill-ħila biex ikun jista’ jixhed għalih.
Jien tal-ġablow. Forsi anke int tal-ġablow, mela nafu fejn hu postna… fil-Knisja! Rgħajja u poplu ħafna drabi nsibuna mimlija kontradizzjonijiet u fallimenti. Pietru bi żmien sar blata samma, blata li fuqha tista’ tibni, imma dan ħa ż-żmien. Biex issaħħaħ Pietru kellu jagħmel esperjenza tal-ħniena ta’ Ġesù. Sħabu l-evanġelisti qatt ma ħbew li l-mexxej tagħhom kellu bżonn jagħmel mixja ta’ maturità u tisfija tal-imħabba li kellu lejn Ġesù. Minkejja d-dewmien ta’ Pietru, Ġesù qatt ma qata’ qalbu minnu. Ċert li l-Mulej lanqas mhu ser jaqta’ qalbu mill-Knisja tiegħu. Anke inti li qed taqra taqtax qalbek mill-Knisja. Hija “qaddisa” mhux bl-opri tagħha imma għax min waqqafha huwa qaddis. Il-Knisja hija dik li tagħmel teżor mid-dgħufija tiegħek, u b’qalb ta’ omm tagħtik il-ħniena, għax hi wkoll kellha bżonn tiġi maħsula bid-demm ta’ Kristu. Taqtax qalbek, u ftakar li jekk Alla kapaċi jibqa’ jkun preżenti fil-Knisja tiegħu, minkejja l-fallimenti tagħha, kapaċi jibqa’ jgħammar fik bin-nuqqasijiet tiegħek.
Ħaġa waħda hija meħtieġa biex nkomplu miexja: il-ħniena.
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv