Is-6 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 1, 40-45)
Ġieli qgħadtu attenti għal dak li tkunu qed tħossu meta tkunu ngħidu aħna rrabjati; abbli tħoss li sidrek ħa jinfaqa’, jew inkella tħoss il-pressjoni tielgħa, jew wiċċek jiħmar. Tafu intom li s-sentimenti tagħna jiġu riflessi anke fil-ġisem tagħna, bħal meta ngħidu: “Qed inħoss dwejjaq fl-istonku.” Xejn ġdid imma abbli mhux dejjem inkunu attenti għal dak li jiġri ġo fina kawża tal-emozzjonijiet tagħna. Eżempju ieħor huwa meta tara lil xi ħadd qiegħed ibati u tħoss għalih. Normalment tħoss xi ħaġa viċin qalbek; hekk li aħna l-Maltin irnexxielna f’żewġ kelmiet nesprimu dak li jiġri f’ġisimna meta nħossu għal xi ħadd: “Għafsa ta’ qalb.”
Ġesù llum iħoss l-istess ħaġa, mhux biss għafsa ta’ qalb imma l-Vanġelu jgħid: “Jitqanqal mill-ħniena.” Jitqanqal hija kelma qawwija ħafna. Fil-lingwa Taljana nsibu l-kelma ‘viscerale’ li tfisser li tinħass fil-ġewwieni tiegħi. Fit-Taljan ‘imqanqal mill-ħniena’ jittraduċuha: ‘Mosso da compassione’. Compassione – bil-Latin ‘cum’ – ‘patire’ – tbati ma’.
Fil-Vanġelu nsibu ħafna eżempji fejn Ġesù jitqanqal mill-ħniena. Ġesù jsaqsi lil wieħed agħma: “Xi tridni nagħmillek?” (Lq 18, 41) Kif jilmaħ lill-armla ta’ Najm, il-Vanġelu jgħidilna: “Kif raha l-Mulej tħassarha. ‘Tibkix,’ qalilha” (Lq 7, 13). Resaq, u mess it-tebut. Quddiem id-dnub ikrah tal-adultera Ġesù jgħid: “Dnubietek maħfura” (Lq 7, 36-49). Ġesù jinduna bil-bżonn ta’ din il-mara li tixtieq tkun meħlusa mis-sens tal-ħtija u l-mistħija. Quddiem il-poplu bil-ġuħ Ġesù jgħid: “Nitħassarhom lil dawn in-nies” (Mk 8, 2).
Fil-Vanġelu nsibu wkoll esperjenzi li huma ’l bogħod ħafna minn dan l-atteġġjament ta’ ‘mqanqal mill-ħniena’ – b’termini moderni nistgħu nsejħulu ‘empatija’ – bħal meta l-Appostli qalu lil Ġesù rigward il-mara Siro-Feniċja – “Eħles minnha għax ġejja tgħajjat warajna” (Mt 15, 23), jew inkella: “Is-Sibt illum, ma jiswiex iġġorr friexek” (Ġw 5, 10). L-ikbar nuqqas t’empatija rċevieh Ġesù meta ħabbar lill-Appostli li kien sejjer għall-forka.
Aħna bħala dixxipli ta’ Ġesù nistgħu nagħmlu tagħna dan l-atteġġjament. Infittxu li dan l-atteġġjament jidħol fil-ħajja ta’ kuljum, man-nies li niltaqgħu magħhom. Faċli li ngħid “jaħasra” u forsi nagħti xi ħaġa tal-flus lil xi ħadd li qatt ma ltqajt miegħu u ma nitqanqalx mill-ħniena għall-persuni li ngħix magħhom, ma’ sħabi jew ħbieb tiegħi, man-nies li jien imsejjaħ inservi. Xi punti prattiċi li jistgħu jgħinuna, anke ispirati mill-Vanġelu ta’ Ġesù, huma:
1. Smigħ profond: nipprova nisma’ dak li l-persuna qed tgħid anke jekk mhux qed tesprimih bil-kliem. Ġesù kellu kapaċità kbira ta’ smigħ; Nikodemu, is-Samaritana.
2. Nipprova nifhem b’qalbi: importanti li nħoss mal-persuna t-tbatija li għaddejja minnha. Semmejna diġà: “Kif raha l-Mulej tħassarha.”
3. Nipprova nifhem b’moħħi: ipprova ara mill-perspettiva tal-persuna l-oħra u pprova ara mhux biss x’qed tħoss imma x’qed tifhem il-persuna l-oħra u kif qed tara l-affarijiet. “Mara, ħadd ma kkundannak; anqas jien ma nikkundannak” (Ġw 8, 11).
4. Irregola l-emozzjonijiet tiegħek: normalment it-tbatija ta’ persuna oħra lilna tirrabjana. Ngħidu aħna meta xi ħadd ‘iwaħħal’ fina għax imdejjaq.
5. Ipprova ara x’inhuma l-oriġini tal-weġgħat tal-persuna. Kemm jien kapaċi nifhem li dak li qed tgħid il-persuna l-oħra huwa frott weġgħat li ġejjin minn xi mkien u ma niqafx fuq dak li qed nisma’ dwari, meta l-persuna l-oħra tkun irrabjata miegħi.
6. Uża diskors li jistieden lill-persuna l-oħra titkellem. Stieden lill-persuna l-oħra titkellem. Mhux dejjem tajjeb tgħid: “Ħa ngħidlek xi trid tagħmel”, “Anke jien ta…” (u tibda titkellem fuqek), “Naf minn xiex għaddej”, “U ejja, kun pożittiv”.
7. Staqsi kif tista’ tkun ta’ għajnuna għall-persuna l-oħra. Il-kliem ta’ Ġesù huwa imprezzabbli: “Xi tridni nagħmillek?” Agħti lista ta’ possibbiltajiet kif tista’ tgħin lill-persuna.
L-ikbar għadu tal-ħniena huwa l-egoiżmu ta’ meta quddiem it-tbatija ta’ ħaddieħor niddefendi lili nnifsi billi nipprova ngħid li ma kontx jien li kkawżajt dik it-tbatija, jew inkella li l-persuna missha ħadet ħsieb biex ma tgħaffiġx, jew inkella ngħid li l-persuna qed tagħmel biex tiġbed l-attenzjoni. Il-ħniena kapaċi mhux li kulħadd jieħu li ħaqqu imma xi ħadd li ħaqqu kastig u flok kastig jieħu l-maħfra.
Jalla bħal Ġesù nkunu lkoll għonja fil-ħniena.
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.