L-14-il Ħadd matul is-Sena (Mt 11, 25-30)
Ġesù llum ifaħħar lil dawk li huma ċkejkna għax huma l-iktar li jixbhu lill- qalb ħelwa u umli tiegħu. Huwa l-Mulej innifsu li jgħallimna nkunu ċkejkna. Għalhekk iċ-ċkunija, l-umiltà hija sejħa għal kull dixxiplu li jieħu lill-Imgħallem tiegħu bis-serjetà.
Allura, min hu ċ-ċkejken? Min hu dak li ser jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet? Kif tinduna li xi ħadd għandu din il-kwalità Evanġelika? Ippermettuli li nieħu bħala eżempju ta’ din il-virtù Nisranija qaddis li hu msejjaħ kbir, propju għax kien żgħir.
Iċ-ċkejken huwa dak li jaf li jiddependi minn Alla. In-nisrani huwa msejjaħ li jintelaq f’idejn Alla, għax jaf li jiddependi għalkollox minnu. Kemm jiġrilna kultant li naħsbu li aħna nafu l-affarijiet aħjar minn Alla u allura arana ngergru għal kull intopp? Kemm jiġri wkoll kultant li naħsbu li Alla ma jiħux ħsiebna? U allura arana nitfgħu l-fiduċja tagħna fuq l-affarijiet ta’ din l-art biss, u Alla jidħol biss meta jkollna xi problema. Kemm-il darba naħsbu li għax għandna ħafna affarijiet, ħafna flus, sirna qisna allat żgħar? San Franġisk t’Assisi, biex jegħleb din it-tentazzjoni kien dejjem itanbar li l-patrijiet għandhom jgħixu mingħajr ma jintrabtu ma’ xejn.
Iċ-ċkejken huwa dak li jagħraf li hu midneb. L-għarfien li aħna nies fraġli u midinba jgħinna nibqgħu umli. Anke f’dan San Franġisk t’Assisi kien espert. Kien jaf ċar x’kienet id-dgħufija tiegħu u ma jibżax jistqarrha. Kemm-il darba ntefa’ fis-silġ u x-xewk għax bħal kull bniedem ieħor kellu ġibdiet tal-ġisem. Meta kienu jfaħħruh u jgħidulu li kien qaddis kien iwieġeb: “Għadni ma nistax ngħid jekk għadx ikolli t-tfal.” (Spec Per 45) Kemm inkunu ingannati aħna jekk naħsbu li sirna qaddisin! Kemm immorru żmerċ meta naħsbu li aħna lil Ġesù nafuh, u l-oħrajn imsieken ma jafuhx! Aħna l-bravi, l-oħrajn il-midinbin. Qatt ħsibt li meta titlob għall-konverżjoni tal-midinbin, l-ewwel qed titlob għall-konverżjoni tiegħek?
U għalhekk il-bniedem ċkejken huwa dak li ma jiġġudikax. Meta wieħed jiġġudika, awtomatikament ikun qed ipoġġi lilu nnifsu fuq tarġa ogħla. Ikun qed jgħid li hu tajjeb u ħaddieħor ħażin. Kemm huwa diffiċli persuna li tiġġudika. Min jiġġudika normalment ma jkunx għadu għaraf id-dnub tiegħu, li huwa s-suppervja u l-kburija. Min jiġġudika jagħmel il-ħajja ta’ ħutu infern, u normalment għax ikun għadu ma aċċettax id-dnub tiegħu, ma jaċċettax lanqas ta’ ħuh. Tiftakru Ġesù x’jgħid: “Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Jew kif tmur tgħid lil ħuk: ‘Ħa nneħħilek it-tibna minn għajnek,’ meta inti stess f’għajnek għandek travu? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu li għandek f’għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa tneħħi t-tibna minn għajn ħuk!” (Mt 7, 3-5) San Franġisk jikteb fir-regola tiegħu li l-patrijiet għandhom jilbsu lbies foqra, imma eżatt wara jikteb: “Lil dawn inwissihom u nħeġġiġhom li ma jmaqdrux u ma jiġġudikawx lin-nies li jilbsu ħwejjeġ fini b’ħafna lwien u li jieħdu ikel tajjeb u xorb delikat, imma kull wieħed għandu jiġġudika u jmaqdar lilu nnifsu.” (Regola Bullata ta’ San Frangisk, 2, 17) Darba waħda wieħed superjur jiktiblu dwar wieħed patri li kien qed jaqlagħlu l-inkwiet. San Franġisk jiktiblu lura. Fi kliemu ma hemm l-ebda ġudizzju. Jgħidlu: “Kemm-il darba int tagħmel dan, nixtieq inkun naf b’hekk jekk inti tħobbx tassew lill-Mulej u lili, qaddej tiegħu u tiegħek, jiġifieri, li m’għandu jkun hemm qatt fid-dinja xi ħadd mill-aħwa li dineb u għamel kemm għamel dnubiet, li wara li jkun ħares ħarsa f’għajnejk, ma jitlaqx minn ħdejk mingħajr il-ħniena tiegħek, jekk ikun jistenna minnek il-ħniena. U jekk hu ma jkunx qed ifittex il-ħniena minnek, hu ħsieb inti stess li tistaqsih iridx il-ħniena. U li kellu jidneb elf darba quddiem għajnejk, ħobbu aktar milli tħobb lili, biex hekk jirnexxilek tiġbdu lejn il-Mulej. Qis li dejjem turi l-ħniena ma’ aħwa bħal dawn.” (Ittra lil Ministru, 9-12) Li tieħu paċenzja b’ħuk għal San Franġisk jiswa iktar milli wieħed imur eremit.
Il-bniedem ċkejken huwa wkoll dak li kapaċi jaċċetta korrezzjoni. Kemm jiġrilna kultant li ħadd ma jista’ jkellimna. Meta nkunu hekk insiru nies kburin. Il-korrezzjoni, il-kburi jqisha bħala theddida, għax għalih hija forma li tbaxxih.
Iċ-ċkejken huwa dak ukoll li jaf li Alla miegħu dejjem, li jieħu ħsiebu, għalhekk fl-avversità mimli fiduċja. In-nisrani mhux xi superman; huwa wkoll ibati anke jekk jgħix it-traġedji ta’ ħajtu fil-fidi, madanakollu mimli tama li kull storja tispiċċa tajjeb.
Ejjew nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nkunu ċkejkna. Ejjew inħossu verament li għax aħna żgħar nistgħu noqogħdu fil-palma tal-id ta’ Alla. Il-bniedem ċkejken huwa dak li jintelaq f’idejh, li jħoss it-tgħanniqa tiegħu, u fuq kollox li jaf li Alla bih ser jagħmel ħwejjeġ kbar.
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv