Is-17-il Ħadd matul is-Sena (Mt 13, 44-52)
Naħseb ġieli ġratilkom li tliftu xi ħaġa u mortu l-għassa jew il-knisja u ssaqsu jekk kienx hemm xi ħadd li rritorna xi kartiera, nuċċali, ċwievet, imrewħa – l-aħħar tnejn huma l-iktar li jintilfu u jinstabu fil-knejjes – b’mod partikolari l-iktar famuża l-imbierka mrewħa. Kieku ħadd ma jiġi għalihom nistgħu nagħmlu kollezzjoni tal-imriewaħ u żgur li tirbaħ l-imrewħa ta’ Lourdes!
Milli jidher fi żmien Ġesù ma kinetx il-prassi li jekk issib xi ħaġa ta’ valur teħodha l-għassa jew il-knisja. Milli jidher jekk issib teżor stajt iżżommu għalik. Infatti s-Saltna tas-Smewwiet hija mxebbha ma’ “teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kulma jkollu u jixtri dik l-għalqa.” (Mt 13, 44)
Ma tantx hemm fejn iddur mal-lewża dwar dak li qed jgħid Ġesù. Il-Vanġelu ta’ Ġesù huwa mqabbel ma’ teżor moħbi f’għalqa u ma’ perla prezzjuza. Wieħed meta jsibhom iżommhom għalih, iħarishom biex xejn u ħadd ma jeħodhomlu.
Tajjeb insaqsu jekk aħna sibniehx dan it-teżor. Jekk sibnieh suppost inħossuna bħal dak ir-raġel li sab it-teżor fl-għalqa: “kollu ferħan”. (Mt 13, 44) Jekk sibna l-ġawhra prezzjuża suppost ħdejha ma joqgħod xejn: “Mar biegħ kulma kellu u xtara lilha.” (Mt 13, 45) Tajjeb insaqsi jekk il-Vanġelu huwiex it-teżor tiegħi? Inħossni ferħan li ltqajt ma’ Ġesù? Nemmen li ħadd u xejn ma joqgħod ħdejn dan it-teżor? Kemm-il ġrajjiet li ngħix u l-emozzjonijiet li nħoss nħallihom jiġu mdawla mill-Vanġelu? Ir-risposta hija waħda faċli. Ħafna drabi nsibu li l-Vanġelu ma jtiniex ferħ, u l-ġawhra faċli nbigħuha għal ftit flus.
Kemm jista’ jiġrilna li t-teżor ikun taħt għajnejna imma nibqgħu nagħqdu fl-istess rokna ħamrija? Kemm jiġrilna li npoġġu iktar l-attenzjoni tagħna fuq l-għalqa u ninsew li fiha hemm teżor? Mhux faċli nkunu nbid ġdid f’damiġġjani ġodda. Mhux faċli li mill-ħażna tagħna noħorġu kemm il-ġdid, kif ukoll il-qadim. Kemm neħlu fi tradizzjonijiet li m’għadx għandhom it-togħma tal-Vanġelu, u niġġustifikaw ruħna bl-iskuża li: “dejjem hekk sar”! Kemm noqtlu l-Ispirtu li huwa Spirtu dejjem ħaj u kreattiv!
Dan mhux il-kliem ta’ żagħżugħ idealista, imma ta’ raġel xiħ ta’ 80 sena, il-Papa Franġisku li għoġbu jikteb kitba bit-titlu ta’ Il-Ferħ tal-Vanġelu. F’mument minnhom jikteb hekk:
Bil-ġid tiegħu, hu jista’ dejjem iġeddilna ħajjitna u l-komunità tagħna, u anki jekk ikollha tterraq qalb żminijiet mudlama u dgħufijiet ekkleżjali, il-proposta Nisranija ma tixjieħ qatt. Ġesù Kristu għandu wkoll il-ħila jfarrak l-iskemi medjokri li fihom nippretendu li għandna nagħlquh u l-ħin kollu jissorprendina bil-kreattività divina tiegħu. Kull darba li nfittxu li nerġgħu lura għall-għajn biex insibu mill-ġdid il-freskezza oriġinali tal-Vanġelu, jitfaċċaw toroq u metodi kreattivi ġodda, xejriet oħra ta’ espressjoni, sinjali iżjed elokwenti, kliem mimli b’tifsira mġedda għad-dinja tal-lum. Fir-realtà, kull azzjoni awtentika ta’ Evanġelizzazzjoni hi dejjem “ġdida”. (Evangelii Gaudium, 9)
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv