Jaqdef ’il barra u jibki

It-18-il Ħadd matul is-Sena (Mt 14, 13-21)

Forsi meta naqraw dan il-Vanġelu jista’ jkollna l-impressjoni li Ġesù jagħmel kollox waħdu. Minn mindu konna żgħar l-attenzjoni dejjem tpoġġiet fuq il-fatt li Ġesù għamel il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż u l-ħut. Aħna m’aħniex daqshekk prużuntużi li niċħdu dan, madanakollu tajjeb nagħrfu li Ġesù f’din il-missjoni ma kienx waħdu.

Huwa minnu li hu jagħmel il-miraklu, imma l-ikel ma jqassmux hu. Qabel ma kattar il-ħobż, ikkonsulta lil sħabu; il-ħobż u l-ħut ma joħloqhomx mix-xejn. Ġesù kellu bżonn lid-dixxipli tiegħu f’din il-ħidma u għandu bżonn lilna wkoll. Il-ħobż aħna se nqassmuh; il-fdal aħna ser niġbruh. Kif ser nagħmlu dan kollu?

Qabelxejn irid ikollna l-istess għajnejn tal-qalb tiegħu. Irridu nkunu kapaċi naraw u nifhmu l-bżonnijiet ta’ ħutna u npoġġuhom qabel il-bżonnijiet tagħna. Ħafna drabi nispiċċaw inpoġġu l-attenzjoni wisq fuq il-bżonnijiet tagħna u ninsew li ħutna wkoll għandhom il-bżonnijiet tagħhom.

F’dan il-Vanġelu Ġesù huwa fi proċess li jelabora l-firda. Ġwanni l-Battista għadu kif ġie maqtul. Ma niskantawx li f’dan il-mument Ġesù huwa mdejjaq, u propju għalhekk telaq bid-dgħajsa waħdu lejn post imwarrab. Abbli ma riedx jara nies; abbli xtaq ikun waħdu ma’ Alla biex jgħidlu dak li kien għaddej mingħalih. Forsi kien xi ftit imbeżża’ minħabba l-fatt li dak li ġara lil Ġwanni faċilment seta’ jiġri lilu. Minn dejjem impressjonatni din ix-xena ta’ Ġesù, jaqdef ’il barra bid-dgħajsa waħdu, u min jaf forsi minn għajnejh beda ħiereġ xi ftit dmugħ ukoll.  

Imma Ġesù kapaċi jagħraf ukoll li t-tbatija tiegħu, hija wkoll it-tbatija tal-poplu. Fi Ġwanni kienu jaraw profeta. Ġwanni kien jagħtihom sens ta’ sigurtà u issa Ġwanni m’għadux iżjed. Ġie meħud minn magħhom. Ġie maqtul. Il-Mulej Ġesù jagħraf li fin-nuqqas ta’ Ġwanni, kellu jkun hu li issa jkun il-faraġ u t-tama taghom. 

Ġesù f’dal-mument jpoġġi l-bżonnijiet tal-poplu qabel dawk tiegħu. Minn issa jibda jsir Ewkaristija. Minn issa jibda jingħata mingħajr ebda riżerva. 

Ġesù ma jkejjilx kemm ħa tiswielu l-biċċa xogħol. Aħna, wkoll, ġaladarba aħna dixxipli tiegħu, imsejħa nkunu bħalu: ħobż maqsum – Ewkaristija.

Dan mingħajr ma nieqfu nħarsu lejn is-sema kif għamel hu, fil-ħin tat-tkattir tal-ħobż u l-ħut. F’Ġesù  ma nsibux dik l-ansjetà li kollox jiddependi minnu, li mhux se jlaħħaq mal-affarijiet li jrid jagħmel. F’dak il-mument Ġesù kien hemm u għex dak il-mument fil-milja tiegħu. Ma kienx imġennen biex imur xi mkien ieħor. Xħin spiċċa minn dak li kellu jagħmel, reġa’ mar lura għall-ħsieb ta’ qabel, infatti naqraw: “Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu.” (Mt14, 23) Huwa dan is-sigriet li nsir Ewkaristija. Qabel ningħata rrid nitbierek u nittieħed f’idejn il-Mulej. Jekk le, naħseb li kollox  jiddependi minni, negħja, niffrustra ruħi u nieqaf.

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.