It-3 Ħadd tal-Għid (Lq 24, 13-35)
Ġieli ġralek li ssib ruħek diżappuntat? Ġieli gralek li ssibek titkellem ma’ xi ħadd dwar id-diżappunt tiegħek? Forsi afdajt lil xi ħadd li mbagħad tradik? Forsi ddiżappuntatek bintek jew ibnek? Forsi ddiżappuntak żewġek, martek jew xi ħabib tal-qalb u ssibek titkellem ma’ xi ħadd dwar dan. Kemm-il darba nħossu l-bżonn li nitkellmu ma’ xi ħadd dwar xi diżappunti li jkollna. Kemm-il darba nfittxu li xi ħadd jifhimna. U propju din kienet l-esperjenza ta’ dawn iż-żewġ dixxipli li aħna nsejħulhom t’ Emmaus. Kienu fil-fatt sejrin lura lejn arthom, iddiżappuntati. Tefgħu l-fiduċja kollha tagħhom fuq Ġesù u bħal donnhom tilfu kollox. Huma stess jistqarru: “Ġesù ta’ Nazaret li kien profeta setgħani fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Israel, iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn din il-ġrajja!” (Lq 24, 19-21)
Id-delużjoni tagħhom ma’ ħalliehom jaraw xejn tant li meta Ġesù resaq lejhom lanqas biss għarfuh! Jgħidilna l-Evanġelista: “Ġesù resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.” (Lq 24, 16) Kemm jiġri l-istess lilna! Kemm bħal donnu jkollna għamad quddiem għajnejna. Normalment ikun il-biża’. Biża’ minn dak li ser jiġri, biża’ minn dak li hemm merfugħ għalija, biża’ li m’iniex kapaċi, li m’iniex ser jirnexxili, li ser infalli. Bosta drabi dan il-biża’ jkun bħal dik il-ġebla li kien hemm fuq il-qabar ta’ Ġesù, imma minflok fuq il-qabar, tkun fuq qalbi. Biża’ li ma jħallinix inħobb. Biża’ li jġegħilni nħaffer il-qabar anke jekk għadni ħaj.
Imma Ġesù jimxi magħhom kif kien imdorri jagħmel dejjem. Il-kobor tal-Mulej Ġesù ma kienx biss meta kien jagħmel xi miraklu kbir, imma anke kull meta kien jimxi ma’ xi ħadd. Ġesù daq il-ferħ tal-ħajja u xorob sal-inqas qatra l-kalċi tal-imrar tagħha. U propju dan ried jispjegalhom: li biex naslu għall-glorja rridu ngħaddu mis-salib!
Ma jafux il-għala imma l-preżenza ta’ Ġesù magħhom għoġbithom tant li meta għamel tabirruħu li kien ser jibqa’ sejjer qalulu biex jibqa’ magħhom. U hemm għarfuh, f’dak il-ġest ta’ mħabba li kien għamel fl-aħħar ċena, li jaqsam il-ħobż u jagħti ħajtu.
Iva, hu. Ma setax ikun ħaddieħor.
Illum qed jgħidllek li m’hemm xejn li jista’ jżomm dak il-qabar magħluq. Ma hemm xejn li dik il-ġebla ma tistax tinfaqa’, tinqala’ minn fuq qalbek. Iċ-ċirkustanzi ta’ madwarek jistgħu jibqgħu l-istess, imma qalbek tinbidel. Illum Ġesù qed jistiednek titla’ minn ġo dak il-qabar li ħaffirt int stess bil-biżgħat tiegħek. Illum qed jistiednek tmur u xxandar lil ħutek li l-Mulej ħaj, li int ħaj, li miegħu l-ħajja hi isbaħ, iktar ferrieħa u entużjażmanti.
Qed jistiednek tmur tgħid lil ħutek: ‘Il-Mulej ħaj u jien iltqajt miegħu!’
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv