Ġlieda

Ir-4 Ħadd tal-Għid (Ġw 10, 1-10)

Naħseb illi ħadd ma jieħu gost jiġi mqabbel ma’ nagħġa, forsi għax għandna l-impressjoni li n-nagħaġ huma kemxejn bla direzzjoni, isegwu biss, mhux ta’ b’xejn li meta naraw lil xi ħadd, jew xi grupp ta’ nies li jagħmlu dejjem kif jagħmlu l-oħrajn ngħidu li qishom in-nagħaġ ta’ Bendu. Imma għall-Bibbja n-nagħġa hija ħlejqa tassew xortiha tajba. Il-Bibbja dejjem tqis lin-nagħġa bħala ħlejqa li għandha tiġi mħarsa. Fil-fatt, Alla huwa ħafna drabi mqabbel ma’ ragħaj illi jieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħu.

Fl-Antik Testment, Salm 21 jgħidilna xi privileġġ għandu l-bniedem meta jkollu lill-Mulej b’ragħaj tiegħu. Fl-istess Antik Testment insibu lill-Mulej li jeħodha mal-qassisin ta’ dak iż-żmien li ma ħadux ħsieb lin-nagħaġ kif suppost. Imbagħad fil-Ġdid Testment Ġesù jqabbel ukoll lilu nnifsu mar-ragħaj. Jgħid li hu dak li joħroġ ifittex in-nagħġa l-mitlufa, li jeħodha fuq spallejh. Jgħid ukoll li hu r-ragħaj li kapaċi jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu, mhux bħar-ragħaj mikri li jara l-lupu ġej u jaħrab. Ir-ragħaj it-tajjeb huwa dak li jaf in-nagħaġ waħda waħda b’isimhom, li joħroġhom jirgħu, li jekk jinqala’ l-inkwiet lest li jitlef ħajtu biex isalva n-nagħaġ tiegħu. Ir-ragħaj it-tajjeb iħabbel rasu għan-nagħaġ. Il-mikri, jgħid Ġesù, ma jimpurtahx min-nagħaġ. Jimpurtah biss minn ħaġa waħda: li jsalva ġildu!

U propju għalhekk illum il-Knisja flimkien mal-Ħadd tar-Ragħaj it-tajjeb tiċċelebra jum it-talb għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi. Propju l-Knisja titlob biex il-Mulej jibgħat nies li jwieġbu għas-sejħa u jingħataw kollha kemm huma lilu u lill-poplu ta’ Alla. Ma titlobx biex il-Mulej jibgħat vokazzjonijiet għax is-saċerdoti qed jonqsu u allura mhux ser ikun hawn min iżomm l-istrutturi fuq saqajhom. Ma titlobx biex ikollna ħafna patrijiet u sorijiet għax inkella l-kunventi jibqgħu vojta. Ma titlobx għax tinkwieta li titlef il-glorja ta’ snin twal b’ħafna vokazzjonijiet. Ma titlobx biex ikun hawn manpower biżżejjed biex inkomplu nagħmlu dak li għamilna s’issa, dejjem u bl-istess mod, għax inkella hekk inkunu qed nimponu l-vokazzjoni tagħna u mhux il-vokazzjoni tiegħu. 

Ikun żball jekk nipprovu l-vokazzjonjiet billi npinġu ħajja reliġjuża jew saċerdotali sabiħa mingħajr problemi; kollox ward u żahar. Inkunu biss qed nidħku bina nfusna u b’min Alla jkun qed isejjaħ biex ikun ragħaj. Ix-xogħol ta’ ragħaj ħafna drabi jinkludi fih element ta’ ġlieda:

• Ġlieda miegħu nnifsu biex ir-ragħaj jibqa’ jemmen li hu nagħġa wkoll u li qed jagħmel mhux bil-ħila tiegħu biss.

• Ġlieda miegħu nnifsu biex ir-ragħaj jibqa’ jemmen li l-vokazzjoni mhix tiegħu imma ta’ Alla.

• Ġlieda miegħu nnifsu biex ir-ragħaj filwaqt li jieħu r-riħa tan-nagħaġ ma jiddakkarx minn dak kollu li hu tad-dinja.

• Ġlieda miegħu nnifsu biex ir-ragħaj qatt ma jaħseb li hu qaddis, imma hu wkoll irid jagħmel il-kontijiet mal-fraġilità tiegħu, mad-dnub fil-ħajja tiegħu.

• Ġlieda miegħu nnifsu biex ir-ragħaj ma jagħmilx minn kollox biex ikun popolari u maħbub minn kulħadd.

• Ġlieda miegħu nnifsu biex ir-ragħaj ma jaħsibx li għandu r-risposti għal kollox.

• Ġlieda miegħu nnifsu biex ir-ragħaj jibqa’ jxandar il-Vanġelu anke meta ma jċapċpulux anzi jkun vittma ta’ persekuzzjoni.

• Ġlieda miegħu nnifsu biex ir-ragħaj ikun koerenti ma’ dak li jipprietka anke jekk b’ħafna diffikultajiet personali.

• Ġlieda miegħu nnifsu biex ir-ragħaj jibqa’ jemmen li hu ma wasalx; li hu wkoll għadu qed jikber, li hu wkoll għandu bżonn il-fejqan u l-maħfra.

• Ġlieda miegħu nnifsu biex jitgħallem jieħu ħsieb tiegħu nnifsu meta jsib ruħu għajjien u mhux qed ilaħħaq iwieġeb għall-bżonnijiet kollha tal-poplu afdat f’idejh.

Kultant ir-ragħaj hu wkoll isib lilu nnifsu fi ġlieda ma’ Alla meta anke hu ma jifhimx x’qed jiġri fil-ħajja tiegħu u tal-poplu tiegħu.

Tgħiduli, allura fejn hu l-ferħ f’dan kollu li qed issemmi? Il-ferħ huwa li wieħed ikun jaf li qed jagħmel dak li Alla jrid minnu; f’relazzjoni profonda ma’ Ġesù, fil-ħafna ferħ li jistgħu joffrulek “in-nagħaġ” u l-komunità ta’ fidi tiegħek.

Illum, f’dan il-jum li fih il-knisja titlob biex ikollna rgħajja skont qalbu, irridu niftakru mhux biss fir-responsabbiltà li r-ragħaj għandu li jieħu ħsieb in-nagħaġ afdati f’idejh, imma wkoll ir-responsabbiltà kbira li n-nagħaġ jieħdu ħsieb ir-rgħajja tagħhom.

llum il-Knisja qed titlob għal min jisma’ leħnu, jimxi warajh u jagħti ġildu kollu għall-poplu ta’ Alla. Illum il-Knisja titlob għal dawk li minkejja li jibqgħu nagħaġ huma mistiedna li jsiru rgħajja. Ragħaj veru jintgħaraf minn kemm kapaċi jingħata lill-oħrajn. Is-saċerdot mhu qatt funzjonarju ta’ rit. Huwa dak li kapaċi, bil-mod il-mod, isir Ewkaristija, isir ħobż biex ħaddieħor jieklu, isir ħajja mogħtija.

Ejjew mela nitolbu llum lill-Mulej jibgħat rgħajja skont qalbu, li bil-ferħ u bla biża’ jingħataw lilu, fi mħabba totali li tnissel tama, ferħ u ġenna hawn fl-art!

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.