EUSF_CrossGlowing

Bejn Tabor u Golgota

It-2 Ħadd tar-Randan (Mk 9, 2-10)

Kienet ħaġa faċli għall-Appostli li jieqfu quddiem it-trasfigurazzjoni tal-Mulej. Ix-xena għoġbithom. Ħassewhom komdi. L-Imgħallem tagħhom kien sabiħ, ilbiesu jiddi bħax- xemx. Instema’ l-leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu” (Mk 9, 7). Kollox sabiħ.

Mhux hekk taħt is-salib. Il-leħen ma nstemax. Anzi l-leħen kien ta’ Ġesù: “Alla tiegħi, Alla tiegħi għaliex tlaqtni” (Mk 15, 34). Il-Mulej fuq is-salib ma kienx trasfigurat, imma sfigurat. Kien imkisser, miksi demm. L-uġigħ kien kbir u jinħass tassew.

Madanakollu, il-Knisja f’dawn il-jiem tistedinna niċċassaw lejn is-salib, naduraw l-agunija ta’ Ġesù, inqimu l-pjagi u l-ġrieħi tiegħu. Il-Knisja tistedinna nħallu l-uġigħ tiegħu jitkellem.

It-tentazzjoni tkun li ma nifilħux għal dik ix-xena u naħarbu niġru minn fuq il-Golgota u nsibu xi mkien għall-kenn. Dun Ġorġ Preca jimmaġina li waqt li nkunu quddiem Ġesù msallab nistħajluh jgħidilna: “Ħares lejja u kkwieta” (Kitbiet, Dawl mill-Kurċifiss).


Quddiem is-salib ta’ ħajjitna nistgħu nagħmlu l-istess u naħarbu. Quddiem l-uġigħ ta’ qalbna nistgħu nagħmlu l-istess u nippruvaw naljenaw ruħna. Arana nagħmlu xi ħaġa biex intaffu l-uġigħ.

Quddiem is-solitudni, naħarbu.

Quddiem il-weġgħat tal-passat, naħarbu.

Quddiem it-tensjoni tal-preżent, naħarbu.

Quddiem l-inċertezza tal-futur, naħarbu.

L-uġigħ insikktuh.

Imma r-Randan jistedinna nħallu l-uġigħ jitkellem. Ir-Randan jistedinna nagħmlu ħbieb mas-salib. Jistedinna nisimgħu l-uġigħ tagħna u ngħixuh, mingħajr għaġla żejda li naħarbu minn fuq il-kalvarju.

U għaliex għandna nqattgħu l-ħin nisimgħu l-uġigħ tagħna? Għax fih hemm moħbija x-xewqat kollha ta’ ruħna. Fis-solitudni x-xewqa għall-intimità, fil-weġgħat tal-passat ix-xewqa għall-fejqan u l-ġustizzja. Fit-tensjoni tal-preżent ix-xewqa li nagħmlu deċiżjonijiet biex ħajjitna tkun aħjar, iktar serena, ħajja li tħalli l-frott. Quddiem l-inċertezza tal-futur hemm moħbija x-xewqa tat-telqa f’idejn Alla u l-konvinzjoni li aħna ma’ Alla nistgħu niktbu ħajjitna.

Mela nisimgħuh l-uġigħ, nagħtuh il-ħin jesprimi ruħu, immellsuh. Anke hu għandu xi ħaġa xi jgħid.

Miegħu nisimgħu l-Kelma ta’ Alla. “La tibżax, jien inkun tarka għalik” (Ġen 15, 1).

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.