It-30 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 22, 34-40)
Minn dejjem laqtitni l-kriżi li kellu San Franġisk fi żmien partikulari ta’ ħajtu. F’mument minnhom San Franġisk kellu dubju jekk kellux jingħata kompletament lil Alla billi jinħeba f’postijiet ’il bogħod mill-ibliet u jintilef kollu kemm hu fit-talb, jew inkella jingħata kollu kemm hu għall-predikazzjoni tal-Vanġelu. Franġisk isolvi din il-kwistjoni billi jieħu il-parir ta’ Fra Silvestro u Sorella Chiara. It-tnejn li huma jaqblu fil-parir li Alla ma kienx sejjaħlu għalih innifsu imma għall-oħrajn ukoll. Infatti Franġisk ma jingħalaq fl-ebda kunvent (anke għax dak iż-żmien kunventi ftit kien hemm!), imma jagħti ruħu għat-talb u għall-predikazzjoni; ifittex postijiet fejn jinħeba f’Alla bħal La Verna u Sacro Speco, u fl-istess ħin jiġri l-Italja kollha: f’xogħol mal-lebbrużi u jipprietka bla waqfien saħansitra jmur l-Eġittu jiltaqa’ mas-Sultan tal-Musulmani. Fir-Regola infatti jikteb kif il-patrijiet għandhom immorru fid-dinja ixandru l-Vanġelu. B’intelliġenza tal-għaġeb jikteb ukoll regola għal dawk li jixtiequ jgħixu ħajja iktar kontemplattiva u joħloq armonija bejn Marta (dik li taħdem) u Marija (dik li tisma’) billi l-aħwa li jkunu fl-eremitaġġi xi ġranet jieħdu l-irwol ta’ Marta, imbagħad jinbidlu u jieħdu dak ta’ Marija; hekk l-aħwa kollha setgħu jitolbu u jaħdmu.
L-istess kriżi kellu l-Beatu Charles de Foucauld. Infatti jikteb: “Mal-ewwel darba li kont qattajt żmien twil fid-deżert … ġietni x-xewqa profonda li nibqa’ hemm għal dejjem… iżda fil-qiegħ nett ta’ qalbi kien hemm dubju ħafif tal-kuxjenza: ‘Erġa’ lura,’ qaltli l-kuxjenza. ‘Erġa’ lura,’ qalli s-superjur tiegħi. ‘Int, Karlu, f’dawn is-snin skoprejt l-assolut ta’ Alla u nnamrajt miegħu. Issa trid tiskopri assolut ieħor: il-bniedem.’
Dawn iż-żewġ persunaġġi fehmu li mod konkrett kif tħobb lil Alla huwa li tkellem lill-bniedem dwar Alla. Darba xi ħadd kien qalli: ‘Ma’ Alla tkellem dwar il-bnedmin u mal-bnedemin tkellem dwar Alla.’ Li titkellem mal-bnedmin dwar Alla huwa mod mill-iktar konkrett kif tħobbhom. Alla jonqos li jkun preżenti fil-fatti tal-bniedem meta jkun naqas li jkun preżenti fil-qalb u l-moħħ tal-bnedmin. U kultant, mod konkrett kif tħobb lill-bniedem huwa li tfakkru li jeżisti Alla. Hekk meta Alla jikber fil-moħħ u l-qalb tal-bniedem jikber ukoll fl-opri tiegħu.
Kemm-il darba tisma’ min jgħid li Alla mhux postu fis-soċjetà, bħallikieku kien xi xkiel għal-libertà tal-bniedem jew għall-iżvilupp tagħha? Imma jekk jonqos Alla li hu tjieba, imħabba, maħfra, sliem, tama, hena, paċi x’jibqa’ fis-soċjetà? Kull attentat li nneħħu l-imħabba lejn Alla fl-ambjenti tagħna huwa attentat kontrina nfusna. Mingħajru nibqgħu weħidna, nagħqdu f’xulxin! Għalhekk jibqa’ dejjem kmand assolut li n-nisrani jiżra’ f’qalb il-bniedem l-imħabba ta’ Alla biex forsi xi darba l-ħolma li Ġesù kellu fuq id-dinja li hu jsejħilha s-Saltna ta’ Smewwiet issir realtà. Ejjew naħdmu biex inxandru lil dan Alla li jnissel it-tama u jkeċċi l-biża’.
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv