It- 3 Ħadd matul is-Sena (Mt 4, 12-23)
Jekk xi ħadd minnkom li qed jaqra xi darba għamel xi ftit studju taċ-ċinema jaf tajjeb li fil-maġġoranza tal-każi, film dejjem ikollu l-istess struttura: għandek sitwazzjoni inizjali ta’ paċi, jinqala’ konflitt, jiġi xi ħadd u jsolvi dak il-konflitt, u fl-aħħar sitwazzjoni finali fejn turi li l-kunflitt li nqala’ fil-bidu tal-istorja issa ġie solvut u kulħadd jista’ jerġa’ jibda jgawdi naqra paċi! Jekk nitkellmu fuq films drammatiċi, nafu li jkunu msejsa fuq stejjer vera, u li kapaċi wieħed jiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Biex ma nkomplux intawlu, ħajjitna ħafna drabi tixbah ġrajja ta’ film: esperjenza ta’ paċi, imbagħad jinqala’ xi ħaġa tant li faċli ngħidu: ‘Dejjem irid jara x’jinqala’’, kif ukoll nieħdu r-ruħ b’ċirkustanzi oħra li jgħinuna nkomplu għaddejja anke meta s-sitwazzjoni tkun diffiċli.
Però, f’dan kollu jista’ jinbet sentiment li jkun xi jkun l-eżitu tal-istorja, f’għajnejna xorta tkun spiċċat ħażin. Dan is-sentiment, li faċli nesperjenzaw ħafna drabi huwa: il-qtigħ ta’ qalb! Storja ma tispiċċa qatt tajjeb jekk naslu naqtgħu qalbna. Sewwa jgħidu li l-qaddisin il-kbar li l-qtigħ tal-qalb hija l-iktar arma qawwija f’idejn ix-xitan. Normalment biex wieħed ma jaqtax qalbu, irid jisma’ aħbar sabiħa; jisma’ li din id-diffikultà, dan is-saram, dan l-inkwiet mhux għal dejjem.
L-istess jiġri fil-Vanġelu. Il-poplu kien fi dlam għax arrestaw lill-profeta. Ġwanni minkejja li kien persuna xi ftit riġida żżejjed, kien ta’ konsolazzjoni għall-poplu, kien kapaċi jagħti dawl, direzzjoni, tant li ħafna kienu jmorru għandu jistaqsuh dwar kif għandhom jgħixu. Imma issa għalqulu ħalqu, u l-poplu tħawwad. Imma ġie xi ħadd ieħor, l-istess bħalu jxandar li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Daqshekk dlam għal darb’oħra.
Jiġi u joqgħod idur il-Galilija kollha, dik il-Galilija li kulħadd kien iħares lejha bħala post baxx mgħammar minn nies baxxi. U hu jdur propju hemm: jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-aħbar it-tajba u jfejjaq kull xorta ta’ mard. U dan ma jagħmlux waħdu. Jagħżel uħud biex miegħu jwettqu din il-missjoni. Missjoni li jduru fost in-nies, jgħallmuhom, ifejquhom u jagħtuhom aħbar sabiħa.
Issa ġa għaddew elfejn sena minn dakinhar u dehru ħafna dixxipli tiegħu jduru man-nies jagħmlu l-ġid: jgħallmu, ifejqu u jxandru l-aħbar t-tajba. Kemm aħna midjunin mal-Imgħallem Ġesù! Kemm aħna midjunin mad-dixxipli tiegħu! Tul dawn l-elfejn sena, id-dixxipli tal-Imgħallem, minkejja d-dgħufija evitenti tagħhom, xi kultant anke kbira, għaddew mit-triqat tad-dinja jxandru l-Bxara t-Tajba. Kollox beda minn xatt il-baħar tal-Galilija u xterdu mad-dinja, għallmu, wettqu fil-fidi, bnew skejjel u sptarijiet, qerdu l-faqar, qerdu l-mard, assistew il-batut, għelbu ideoloġiji, bnew soċjetajiet, u bis-saħħa tas-salib tqanqlu mill-imħabba. Bosta drabi ġew ippersegwitati propju għax kienu viċin il-fqar. Dixxipli illustri ta’ Ġesù terrqu t-toroq tagħna jxandru l-Vanġelu, ifejqu kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu. X’dejn għandna ma’ dawn in-nies li ma jżommux fuq saqajhom bix-xewqa biss li jidhru jew iħaxxnu bwiethom! Is-soċjetà jsalvawha l-qaddisin!
U int? U jien? Indunajna li bħal Ġesù, bħal Pietru, bħal Indrì, Ġakbu u Ġwanni għandna l-missjoni li nduru l-ambjenti li ngħixu fihom, ngħallmu, inxandru aħbar sabiħa u bil-preżenza tagħna nfejqu kull xorta ta’ mard?
Il-Mulej, li sejjaħ għal warajħ eluf u eluf ta’ dixxipli, minn dik l-ewwel sejħa fuq xatt il-baħar tal-Galilija, qed isejjaħ lilek ukoll.
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv