It-13-il Ħadd matul is-Sena (Mt 10, 37-42)
Mhux kelma faċli din tal-Mulej illum. Ġesù jmiss żewg kategoriji essenzjali fundamentali u għeżież, normalmet għal kull persuna: l-omm, il-missier u l-ulied. Mal-ewwel daqqa t’għajn, donnu li Ġesù qed jonqos milli jirrikonoxxi l-imħabbiet fundamentali fil-ħajja. Imma fil-Vanġelu nsibu frażi li hija ċ-ċavetta ta’ kif nistgħu b’xi mod inpoġġu fil-prattika dan il-Vanġelu: iżjed minni.
Jekk għal Ġesù li tpoġġi l-imħabbiet fundamentali fil-ħajja ’l fuq minnu hija xi ħaġa gravi. Ejjew nimmaġinaw ftit kemm hija iktar gravi li nħobbu iktar minnu realtajiet inqas importanti mill-istess ġenituri u wlied. U huwa dan li spiss nispiċċaw nagħmlu!
Huwa fatt li l-imħabba lejn il-ġenituri, jew l-ulied mhix xi forma ta’ mħabba romantika. Din l-imħabba titlob impenn sħiħ. Kemm nisimgħu ġenituri jitkellmu u jgħidu: ‘Meta jkunu żgħar uġigħ ir-ras, meta jikbru uġigħ il-qalb.’ L-istess tip ta’ mħabba teżisti bejn l-ulied u l-ġenituri meta dawn tal-aħħar jikbru. L-imħabba ta’ dan it-tip hija l-vera mħabba. Hija l-imħabba sakrifikali li ssir sagrifiċċju. Mhix l-imħabba romantika li tagħti u tirċievi. Mhix l-imħabba tas-sensi li ġġegħlek tħossok ħaj. Mhix l-imħabba li permezz tagħha tirċievi mill-ewwel u fil-ħin dak li tkun tajt. Normalment hija mħabba li titlob dedikazzjoni, sagrifiċċju, impenn, nuqqas ta’ apprezzament u sodisfazzjon. Hija mħabba li ġġegħlek tmut biex ħaddieħor jgħix.
Allura, kemm hu faċli li meta nkunu msejħa nħobbu b’dan il-mod, niddeċiedu li nieqfu, naqtgħu qalbna, u nibdlu l-oġġett tal-imħabba tagħna ma’ mħabbiet iktar gratifikanti. Nerġgħu nsiru tfal li għandna bżonn il-ħin kollu lil xi ħadd li jfissidna biex nħossuna tajba. Mhux faċli tħobb meta l-imħabba ssir salib. Allura arana nagħżlu l-eħfef.
Jekk dan jista’ jiġri ma’ wliedna jew ma’ ommna jew missierna, kemm iktar jista’ hekk jiġrilna mal-Mulej Ġesù. Il-ħajja mal-Imgħallem mhix xi tip ta’ mħabba li trendi mill-ewwel. Hija ħafna drabi mixja sa fuq il-kalvarju. Biex timxi wara Ġesù trid titħarreġ fil-fedeltà, frott ta’ ħafna waqgħat u qtigħ il-qalb. Allura faċli li nagħżlu ħafna affarijiet oħra li jidhru iktar gratifikanti minn Alla, li għalina jidher wisq kajman.
Allura arana nħobbu iktar il-prestiġju milli lilu; il-flus; il-popolarità, l-attenzjoni. Imma dawn kollha huma affarijiet li jagħtu, iva, sodisfazzjon imma ma jħallux frott. Jagħtu pjaċir imma mhux il-paċi tal-qalb. Iqisuna abbli moderni, imma mhux profondi. Jagħtuna sens ta’ libertà imma hija biss libertà tal-mument li f’qasir żmien tagħmilna iktar imjassra minn qatt qabel. Il-ħelsien ġenwin ma jiġix mill-fatt li nista’ nagħmel li rrid, imma mill-qawwa li nagħżel dak li hu tajjeb u ma nħallix il-ħażin jirbaħni.
Ġesù huwa ċar magħna, u huwa ċar għax ma jridx li niddeludu ruħna. Huwa ċar magħna u ma joqgħodx idur mal-lewża. Sabiex tkun dixxiplu tiegħu trid terfa’ s-salib, li ovvjament ma jieħu qatt il-forma tal-aħħar moda jew l-aħħar xejra moderna ta’ ħsieb. Biex tkun dixxiplu tiegħu trid tħobb kull ħaġa oħra li mhix Hu, inqas minnu.
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv