It-2 Ħadd tal-Għid (Ġw 20, 19-31)
Inkredibbli dan Ġesù, u wisq iktar inkredibbli d-dixxipli tiegħu! L-Evanġelisti donnhom kienu jsibu għaxqa jirrakkontaw kemm dawn id-dixxipli kellhom fidi ċkejkna. Il-ġrajja tal-qawmien mill-imwiet ma ssibx art f’dawk li kienu dejjem miegħu. San Mark jgħidilna li dawk li kienu ta’ ġewwa miegħu la jemmnu lil Marija ta’ Magdala u lanqas liż-żewġ dixxipli li jmorru jagħtuhom l-aħbar. Imsieken id-dixxipli! Kienu konvinti li l-istorja ta’ Ġesù tispiċċa bis-salib. San Mark jgħidilna li Ġesù ċanfarhom minħabba n-nuqqas ta’ fidi tagħhom u l-ebusija ta’ rashom.
Illum niltaqgħu ma’ Tumas li jistqarr li ma kienx ser jemmen qabel ma jmiss il-pjagi ta’ Ġesù! U Ġesù jerġa’ joqgħod jinqala’ minħabba fih. Għax “Tumas ma kienx magħhom.” (Ġw 20, 25) Tumas ħareġ ’il barra mill-komunità fejn, minkejja d-dgħufija tagħha, kellha tkun il-post fejn jidher Ġesù.
Tumas jgħallimna li qatt m’għadna nitbiegħdu mill-komunità minkejja d-dgħufija tagħha. Alla għandu ħabta jżur lid-dgħajjef minkejja li hu dgħajjef, anzi propju għax hu dgħajjef li jżuru. Jagħmel dan għax jemmen li d-dgħufija tista’ tinbidel f’qawwa. Il-komunità li waqqaf Ġesù nnifsu, kienet l-ewwel komunità li ċaħħditu, komunità li tibża’, komunità li tfittex min hu l-akbar, komunità li tiddubita.
Kemm jista’ jiġrilna li aħna fil-fond ta’ qalbna nibdew nemmnu li Alla mhux se jżur il-komunità tagħna għax hi dgħajfa, imbeżżgħa, maħmuġa, mhix denja?
Kemm jista’ jiġri l-istess fil-familji tagħna? Nibdew bil-mod il-mod nemmnu li l-familji tagħna mhumiex lok fejn Alla jista’ jidħol. Kemm il-familji u kemm il-komunitajiet insara jistgħu mhux biss jagħlqu imma jsakkru l-bibien għal Ġesù, imma dan ma jfissirx li l-katnazzi, l-istaneg u l-firrolli ser jżommu lil Ġesù milli jidħol fil-komunitajiet u l-familji tagħna.
Ġesù jgħallimna li rridu nevitaw it-tentazzjoni li nitilqu ’l barra mill-familja jew il-komunità tagħna għax fiha apparentment ma hemmx Ġesù. L-ewwel darba li għażilna li nimxu wara Ġesù konna nafu li ser nidħlu f’relazzjoni ma’ nies li mhumiex qaddisin u lanqas perfetti madanakollu kellna tama sħiħa li aħna magħhom nistgħu nħejju t-triq tal-Mulej. Konna nafu li ser inservuh fi knisja midinba u imperfetta, madankollu emminna bis-sħiħ f’Alla li jbiddel u jfejjaq il-qlub.
Jekk naqta’ qalbi li Ġesù jista’ jkun parti mill-komunità jew mill-familja tiegħi, anke jekk jiġi jżurna, ma nindunax bih, għax wisq probabbli nkun barra, infittxu x’imkien ieħor!
Ejjew nitolbu lill-Mulej biex il-pjagi, is-sinjali ta’ mewt u t-tbatija li nsibu f’bosta mill-komunitajiet u l-familji tagħna jinbidlu f’għejun ta’ ħajja. Dan jiġri biss jekk il-pjagi tad-dnub tagħna jiltaqgħu mal-pjagi mimlija ħniena tal-Mulej Ġesù. Tumas jagħraf lill-Mulej propju mis-sinjali tal-mewt, mill-pjagi. Dawk il-pjagi, issa fil-ġisem ta’ Ġesù huma sinjali ta’ qawmien. Għalhekk ma naqtgħux qalbna, u b’tama qawwija nemmnu li Alla mill-mewt kapaċi joħroġ il-ħajja. Għamilha f’Ibnu, jista’ jagħmilha fina lkoll, għax Alla tagħna hu Alla tal-ħniena!
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv