Il-Mulej qam tassew u sejjaħli b’ismi

Ħadd il-Għid (Ġw 20, 1-9)

Marija hija l-ewwel xhieda tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù madanakollu l-interpretazzjoni tagħha ta’ dak li ġara għadha wisq imwaħħla mal-mewt. L-interpretazzjoni tagħha hija wisq umana: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh.” (Ġw 20, 3) “Kien filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam,” (Ġw 20, 1) jgħidilna l-Evanġelista, u dak id-dlam kien għadu jgħammar fil-qalb ta’ Marija. Anke jekk Ġwanni, jara qabar vojt u jemmen, Marija ma tridx taf. Jitilqu Pietru u Ġwanni minn ħdejn il-qabar, u hi tibqa’ hemm tibki. Trid lill-maħbub ta’ qalbha; tridu anke jekk mejjet. Terġa’ tħares lejn il-qabar u tara żewġ anġli li jsaqsuha l-għala kienet qiegħda tibki. Hi tibqa’ ssostni: “Għax ħadu lil Sidi, u ma nafux fejn qegħduh.” (Ġw 20, 13) Jidhrilha Ġesù u hi għada ffissata li ħadulha li dak li kien salvaha. Terġa’ ttenni: “Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura.” (Ġw 20, 15)  Marija temmen biss li l-Mulej ħaj hekk kif isejħilha b’isimha: ‘Marjam’. Wisq probabbli Marija bil-ferħ li kellha kienet ser tintefa’ f’riġlejh, tgħannqu, tbusu. Imma Ġesù jgħidilha biex ma tmissux. 

Waqt li qed nikteb nista’ nimmaġina x’ferħ ħasset din Marija li kważi nħossni nifraħ magħha u għaliha. Il-ferħ tagħha jittieħed u baqa’ jittieħed għal dawn l-aħħar elfejn sena. Il-Mulej qam tassew! 

U dan xi jfisser għalija? Jien iltqajt miegħu? Smajtu jsejjaħli b’ismi? Il-ħajja nisranija jekk fiha m’hemmx il-Mulej Ġesù ħaj, hija farsa mill-bidu sal-aħħar. Il-ħajja nisranija, ma nixbgħux ngħiduha, hija laqgħa mal-Mulej Ġesù ħaj u li jbiddel f’ħajja l-mewt li ħafna drabi tikkaratterizza l-eżistenza tiegħi u tiegħek. 

Il-qawmien tal-Mulej Ġesù, u l-laqgħa miegħu rxuxtat fil-ħajja tiegħek huma garanzija ta’ ferħ dejjiemi. Il-Knisja għal dawn il-ħamsin jum, fit-talba ta’ qabel ma ssejjaħ lill-Mulej ‘Qaddis’ għal tliet darbiet ser ittenni: “Għalhekk f’dan il-ferħ tal-Għid imxerred ma’ kullimkien fid-dinja, il-bnedmin kollha jimtlew bil-hena…” Nista’ ngħid li jien mimli bil-hena? U x’inhi din l-hena li biha l-bnedmin kollha jimtlew? Hija dik l-hena li tiġi biss minn ġrajja waħda fil-ħajja tiegħi – il-qawmien tiegħu. Hija dik l-hena li ma’ San Pawl ġġegħelni ngħidu: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.” (Fil 4, 13) 

Meta niltaqa’ mal-Mulej Ġesù fil-ħajja tiegħi, il-ferħ tiegħi ma jibqax jiġi dettat mill-ġrajjiet tajbin jew ħżiena. Jekk tiġrili xi ħaġa tajba, nifraħ u jekk le ma nifraħx. Fil-mument li nemmen li din il-ġrajja tal-qawmien mill-mewt biddlet lil qalbi, anke fil-mumenti iebsa, anke jekk il-ferħ ma jkunx evidenti imma f’qalbi tgħammar il-hena, tgħammar it-tama. 

Marija ta’ Magdala temmen f’’Ġesù ħaj hekk kif tisma’ leħnu jlissen isimha. Hija l-kelma ta’ Ġesù mnissla f’qalbi li tista’ ssalvani. Mhix il-kelma li jien nisma’ u dritt dritt irrid ngħaddiha lil ħaddieħor. Mhix il-kelma li nisma’ u nużaha biex insaħħaħ jew nirbaħ xi argument fuq ir-reliġjon. Mhix il-kelma li jien nisma’ u nużaha biex nifred jew niġġudika. Imma hija dik il-kelma li jien nisma’ fil-qiegħ ta’ qalbi. Dik il-kelma li ssejjaħli b’ismi u tgħidli li jien maħbub jew maħbuba. 

Biex dan iseħħ ma tridx tagħmel affarijiet kbar; trid biss toqgħod fil-kwiet, u tisma’ lilu jsejjaħlek. Trid issikket il-ħafna ħsibijiet li għaddejjin minn moħħok li jgħidulek li ħajtek diżastru, li jgħidulek li int ma tiswiex, li jgħidulek li int mhux ser tfiq, li qatt m’int ser tinbidel, li kollox għalxejn, li int żibel. Trid tieqaf temmen li kulma jgħidlek moħħok dwarek innifsek huwa veru. Il-moħħ kapaċi jigdeb, u ħafna wkoll! Kif se ssikktu ’l moħħok? Ħafna drabi naħsbu li nsikktuh billi nitħabtu kemm nifilħu biex inneħħu l-ħsibijiet ħżiena. Nissuġġerilek tipprova ma tkeċċi xejn, imma kulma jkun għaddej minn moħħok tih lil Ġesù. ‘Sidi, qed naħseb li serquk, u dan il-ħsieb qed iġenninni.’ U hawn isimgħu jsejjaħlek b’ismek. 

Din l-esperjenza tista’ tagħmilha kullimkien: fid-dar, fit-triq, fil-kurituri tal-isptar, waqt funeral, u f’kull sitwazzjoni oħra li theddidlek il-ferħ tal-qalb. U dan ikun is-sliem. 

Il-Mulej qam tassew u sejjaħli b’ismi. 

Awguri għall-Għid Qaddis.

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.